L-ITTRA TA’ ĠUDA

Dwar Din l-Ittra

 Ġuda jidentifika lilu nnifsu bħala ħu Ġakbu (1). Jidher li probabbilment Ġuda, f’umiltà ta’ veru Kristjan, ma jridx li jdaqqas lilu nnifsu bħala Hu Ġesù kif hu tradizzjonalment miżmum li hu u jidher appoġġjat mill-Iskrittura: “55Dan mhux bin il-mastrudaxxa? Ommu ma jisimhiex Marija? U ħutu, Ġakbu, u Ġożè, u Xmun u Ġuda?” (Mattew 13:55). Minflok, huwa jsemmi lilu nnifsu bħala qaddej ta’ Ġesù, kif għamel ukoll Ġakbu.
 Id-data tal-kitba tidher li hija xi mkien bejn is-sena 68 għal kmieni tas-sena 90 W.K.
 Ġuda għandu wisq xi jgħid dwar għalliema foloz. Huma ħżiena! Alla se jikkastigahom, u l-Kristjani m’għandhomx jimxu wara t-tagħlim tagħhom jew jimitaw il-mod ta’ ħajja tagħhom.
 Ġuda jispiċċa b’din il-barka qisha talba sabiħa:
24Issa lil dak li jista’ jħariskom mit-tiġrif, u jqegħidkom bla tebgħa quddiem il-preżenza tal-glorja tiegħu b’ferħ kbir, 25Lil Alla waħdu għaref Salvatur tagħna, tkun glorja, maestà, qawwa u setgħa, sew issa u kemm għal dejjem. Amen” (24, 25)

Ħarsa Ħafifa Lejn Din l-Ittra

  • Tislijiet (1, 2)
  • Niddefendu l-Fidi Kontra Għalliema Foloz (3-23)
  • L-Aħħar Talba (24, 25)

Ġuda

  1. Ġuda, il-qaddej ta’ Ġesù Kristu, ħu Ġakbu, lill-imsejħin, li huma maħbubin f’Alla l-Missier, u mħarsin għal Ġesù Kristu.
  2. Ħniena, u sliem, u mħabba lilkom bil-kotra.
  3. Maħbubin, waqt kelli ħerqa kbira li niktbilkom fuq is-salvazzjoni komuni tagħna, kien meħtieġ li niktbilkom, u nitlobkom li titqabdu bil-ħeġġa għall-fidi li ngħatat darba għal dejjem lill-qaddisin.
  4. Għax indiehsu xi rġiel li minn żmien qabel kienu miktubin għal dan il-ġudizzju, nies ħżiena, li jbiddlu l-grazzja ta’ Alla tagħna f’kondotta laxka, u jiċħdu s-Sid waħdieni u Mulej tagħna Ġesù Kristu.
  5. Irrid mela nfakkarkom, għalkemm kontu tafu dan dar-ba għal dejjem, kif il-Mulej, wara li salva l-poplu mill-art tal-Eġittu, qered wara lil dawk li ma emmnux.
  6. U l-anġli li ma żammewx l-ewwel post tas-setgħa tagħhom, imma telqu għamarthom, żammhom marbutin fil-ktajjen ta’ dejjem fid-dlamijiet, għall-ġudizzju tal-jum il-kbir.
  7. U hekk ukoll ġralhom Sodoma u Gomorra u l-bliet ta’ madwarhom li bħalhom ikkommettew fornikazzjoni u ntelqu wara l-xewqat strambi tal-ġisem; huma saru eżempju għal kulħadd billi ħadu l-kastig tan-nar ta’ dejjem.
  8. Bl-istess mod, madankollu, dawn bil-ħolm moqżież qegħdin iħammġu l-ġisem, imaqdru l-awtorità, u jżebilħu lill-glorjużi.
  9. Imma Mikiel l-arkanġlu, meta ħaqqaqha max-Xitan, iddiskuta fuq il-ġisem ta’ Mosè, u ma kellux ħila jagħtih sentenza bit-tagħjir, imma qal: Ħa jrażżnek il-Mulej.
  10. Imma dawn jitkellmu ħażin dwar dak kollu li ma jafux: u dak kollu li huma jafu min-natura, bħal annimali mingħajr raġuni, f’dawn il-ħwejjeġ huma jikkorrompu lilhom infushom.
  11. Ħażin għalihom! Għax daħlu fit-triq ta’ Kajjin, u ġrew bir-regħba wara l-iżball ta’ Bagħlam għall-ħlas, u ntilfu fit-tixwix ta’ Koraħ.
  12. Dawn huma skolji fl-ikliet (ta’ mħabba) tagħkom, waqt li jkunu fil-mejda magħkom, u jibilgħu bla biża’; jitimgħu lilhom infushom, sħab bla ilma huma dawn, imġerri mir-riħ; siġar tar-rebbiegħa, bla frott, darbtejn mejta, maqlugħin mill-għeruq;
  13. Mewġ qalil tal-baħar, kollhom ragħwa tal-għajb tagħ-hom, kwiekeb ġerrejja, li għalihom hu merfugħ is-swied tad-dlamijiet ta’ dejjem.
  14. Ħabbar għalihom ukoll Ħenok, is-seba’ wieħed minn Adam, billi qal: Ara, ġie l-Mulej b’numru bla għadd ta’ qaddisin tiegħu.
  15. Biex jagħmel ħaqq kontra kulħadd, u jikkundanna l-ħżiena kollha li hemm fostkom tal-opri ħżiena kollha tagħhom li għamlu, u tal-kliem kollu mhux xieraq li qalu kontra tiegħu l-midinbin ħżiena.
  16. Dawn huma nies li jgergru, jisħtu, jimxu max-xewqat ħżiena tagħhom; fommhom igħid kliem kbir ta’ ftaħir, iżiegħlu f’wiċċ in-nies għax jaqblilhom.
  17. Imma intom, maħbubin, ftakru fil-kliem li kien imħab-bar mill-appostli tal-Mulej tagħna Ġesù Kristu;
  18. Li kienu jgħidulkom li fl-aħħar żmien ikun hemm nies li jmaqdru, li jimxu max-xewqat ħżiena tagħhom.
  19. Dawn huma dawk li jġibu l-firda, nies li jpaxxu s-sensi, bla Spirtu.
  20. Imma intom, maħbubin, mibnijin fuq il-fidi l-aktar qaddisa tagħkom, billi titolbu fl-Ispirtu Qaddis.
  21. Żommu ruħkom fl-imħabba ta’ Alla, waqt li tistennew il-ħniena tal-Mulej tagħna Ġesù Kristu, għall-ħajja ta’ dejjem.
  22. Uru ħniena ma’ dawk li jinsabu fid-dubju:
  23. U bil-biża’ salvaw l-oħrajn, billi taħtfuhom min-nar; u stkerrhu saħansitra l-libsa mċappsa b’ġisimhom.
  24. Issa lil dak li jista’ jħariskom mit-tiġrif, u jqegħidkom bla tebgħa quddiem il-preżenza tal-glorja tiegħu b’ferħ kbir,
  25. Lil Alla waħdu għaref Salvatur tagħna, tkun glorja, maestà, qawwa u setgħa, sew issa u kemm għal dejjem. Amen.