IT-TIENI ITTRA LIL TIMOTJU

Dwar Din l-Ittra

 Il-Ktieb tal-Atti jagħlaq b’Pawlu fil-ħabs f’Ruma madwar is-sena 63 W.K. Il-fehma komuni hija li hu kien illiberat mill-akkużi, mar lura fil-Greċja u l-Asja Minuri, aktar wara kien arrestat mill-ġdid, meħud lura f’Ruma, u maqtul f’madwar is-sena 66 jew 67 W.K. Din l-Ittra kienet miktuba waqt li hu kien qiegħed jistenna l-martirju.
 Xi wħud li kienu jistqarru li huma segwaċi tal-Mulej diġa’ kienu maqbuda mix-Xitan, u Pawlu jwissi lil Timtoju biex jaħrab minn dawk it-tentazzjonijiet li spiss jaqbdu liż-żagħżagħ (2:20-26; 3:1-9). Hu jgħidl lil Timotju biex ikompli jippriedka l-messaġġ ta’ Alla, ukoll jekk dan mhuwiex l-aktar ħaġa popolari li jagħmel (4:2). Hu għandu wkoll ikun attent mill-għalliema foloz.
 Pawlu jaf li hu kien fil-qrib tal-mewt għall-fidi tiegħu, imma huwa jkun ippremjat għall-fedeltà tiegħu (4:6-8), u hu jfakkar lil Timotju dwar il-messaġġ veru:
“…jekk mitna miegħu, ngħixu wkoll miegħu. 12Jekk inbatu, insaltnu wkoll miegħu: …” (2:11-12a).

Ħarsa Ħafifa Lejn Din l-Ittra

  • Tislijiet u Talb għal Timotju (1:1-2)
  • La Tistħix Dwar il-Mulej (1:3-18)
  • Kif Tkun Suldat Tajjeb Ta’ Kristu (2:1-26)
  • Kif Ikunu n-Nies fl-Aħħar Jiem (3:1-9)
  • Kompli Kun Fidil (3:10—4:8)
  • Struzzjonijiet Personali u l-Aħħar Tislijiet (4:9-22)

2 Timotju 1

  1. Pawlu, appostlu ta’ Ġesù Kristu bir-rieda ta’ Alla skont il-wegħda tal-ħajja li hi fi Kristu Ġesù.
  2. Lil Timotju, ibni l-maħbub: Grazzja, ħniena, u sliem, mingħand Alla l-Missier u Kristu Ġesù Kristu.
  3. Niżżiħajr lil Alla, li jien naqdih b’kuxjenza safja sa minn missirijieti, li bla heda niftakar fik fit-talb tiegħi, lejl u nhar:
  4. Billi nixtieq wisq narak, meta niftakar fid-dmugħ tiegħek, biex nimtela bil-ferħ;
  5. Meta niftakar fil-fidi sinċiera li qiegħda fik, li għammret l-ewwel f’nantek Lojs, u ommok Ewnike; u jien żgur fik ukoll.
  6. Għalhekk infakkrek biex tkebbes mill-ġdid il-fjamma tad-don ta’ Alla, li qiegħda fik bit-tqegħid ta’ jdejja.
  7. Għax Alla ma taniex l-ispirtu tal-biża’; imma tal-qawwa, u tal-imħabba, u ta’ kontroll fuqna nfusna.
  8. La tistħix mela mix-xhieda dwar il-Mulej tagħna, lanqas minni priġunier tiegħu: imma aqsam int ukoll f’li tbati għal l-evanġelju skont il-qawwa ta’ Alla.
  9. Li salvana, u sejħilna b’sejħa qaddisa, mhux skont l-opri tagħna, iżda skont l-iskop tiegħu u l-grazzja tiegħu, li kienet mogħtija lilna fi Kristu Ġesù qabel ma bdew iż-żminijiet.
  10. Imma li dehret issa bid-dehra tas-Salvatur tagħna Ġesù Kristu, li qered il-mewt, u dawwal il-ħajja u l-immortalità permezz tal-evanġelju.
  11. Li tiegħu jien kont magħmul predikatur, u appostlu, u mgħallem tal-Ġentili.
  12. Din hi l-kawża li għaliha qiegħed inbati. Imma b’daqshekk ma nistħix, għax jien naf f’min emmint, u konvint li hu jista’ jħares it-teżor li kien afdat f’idejja, sa ma jasal dak il-jum.
  13. Segwi tajjeb il-mudell tal-kliem sħiħ, li smajt mingħandi, fil-fidi, u fl-imħabba, li hi fi Kristu Ġesù.
  14. Ħares dak id-depiżitu sabiħ tal-verità mogħti lilek permezz tal-Ispirtu Qaddis li jgħammar fina.
  15. Dan tafu, li dawk kollha li huma fl-Asja telquni; fosthom Figellu u Hermoġeni.
  16. Ħa jagħmel ħniena l-Mulej mad-dar ta’ Onesiforus; għax ta’ spiss ħjieni, u ma staħax mill-katina tiegħi:
  17. Imma, meta kien Ruma, fittixni bil-ħeġġa kollha, u sabni.
  18. Jagħtih il-Mulej li jsib ħniena mill-Mulej f’dak il-jum; u f’kemm ħwejjeġ qdieni f’Efesus, inti tafu tajjeb ħafna.

2 Timotju 2

  1. Int mela, ibni, tqawwa fil-grazzja li hi fi Kristu Ġesù.
  2. U l-ħwejjeġ li smajt mingħandi fost ħafna xhud, għaddihom lil nies fidili, li għandhom ħila jgħallmu oħrajn ukoll.
  3. Issaporti mela tbatijiet, bħala suldat tajjeb ta’ Ġesù Kristu.
  4. Ebda wieħed minn dawk li jmorru għall-gwerra ma jindaħal fil-ħwejjeġ ta’ dil-ħajja; biex jogħġob lil min għażlu biex ikun suldat.
  5. U wkoll, jekk wieħed jissara, ma jieħux il-kuruna, jekk ma jissarax skont il-liġi.
  6. Il-bidwi li jaħdem għandu jkun l-ewwel wieħed li jieħu mill-frott.
  7. Ifhem x’qiegħed ngħid; u l-Mulej jagħtik id-dehen f’kollox,
  8. Ftakar li Ġesù Kristu minn nisel David kien imqajjem minn bejn l-imwiet skont l-evanġelju tiegħi:
  9. Għalih jien inbati, bħal wieħed li għamel id-deni, saħan-sitra l-ktajjen; imma l-kelma ta’ Alla mhix marbuta.
  10. Għalhekk insofri kollox minħabba l-maħturin, biex huma wkoll jiksbu s-salvazzjoni li hi fi Kristu Ġesù mal-glorja ta’ dejjem.
  11. Din hi kelma vera: Għax jekk mitna miegħu, ngħixu wkoll miegħu.
  12. Jekk inbatu, insaltnu wkoll miegħu: jekk niċħduh, jiċħadna hu wkoll:
  13. Jekk ma nemmnux, hu jibqa’ fidil: ma jistax jiċħad lilu nnifsu.
  14. Fakkarhom f’dawn il-ħwejjeġ, u itlobhom quddiem il-Mulej biex ma joqogħdux jiġġieldu fuq kliem li ma jiswa għal xejn, iżda li jaqleb lil min jisimgħu.
  15. Għamel l-aħjar tiegħek biex tidher quddiem Alla bħala wieħed approvat, ħaddiem li m’għandux imniex jistħi, li jqassam bir-reqqa l-kelma tal-verità.
  16. Imma aħrab it-tlabib ħażin u fieragħ: għax dan iżid aktar il-ħażen.
  17. U kliemhom jiekol bħal ma tagħmel il-kankrena: fosthom hemm Himenes u Filetus;
  18. Li tbiegħdu mill-verità, billi jgħidu li l-qawmien mill-imwiet diġa’ għadda; u jaqilbu l-fidi ta’ x’uħud.
  19. Madankollu l-pedament sod ta’ Alla jżomm sħiħ, billi għandu dan is-siġill: Jagħraf il-Mulej dawk li huma tiegħu. U: Ħa jitbiegħed mill-ħażen kull min isemmi l-isem ta’ Kristu.
  20. Imma f’dar kbira m’hemmx biss ħwejjeġ tad-deheb u tal-fidda, imma wkoll ħwejjeġ tal-injam u tal-fuħħar: u x’uħud huma ta’ ġieh, u oħrajn bla ġieh.
  21. Mela jekk bniedem jissaffa minn dawn, isir reċipjent ta’ ġieh, imqaddes, jiswa għall-bżonn ta’ sidu, u mhejji għal kull xogħol tajjeb.
  22. Aħrab ukoll ix-xewqat ħżiena taż-żgħożija: imma fittex il-ġustizzja, il-fidi, l-imħabba, u s-sliem, ma’ dawk li jsejħu l-Mulej b’qalb safja.
  23. Imma kwistjonijiet boloh u bla sens aħrabhom, billi taf li dawn iqanqlu l-ġlied.
  24. U l-qaddej tal-Mulej m’għandux jiġġieled; imma għandu jkun ħelu ma’ kulħadd, jaf igħallem, kollu sabar.
  25. Iwiddeb bil-ħlewwa lil dawk li ma jridux jisimgħu; għandu mnejn Alla jagħtihom l-indiema biex jagħrfu l-verità;
  26. U jerġgħu jiġu f’sensihom barra mix-xibka tax-Xitan, wara li qabadhom taħt ir-rieda tiegħu.

2 Timotju 3

  1. Kun af dan ukoll, illi fl-aħħar jiem jiġu żminijiet imwiegħra.
  2. Għax nies ikunu jħobbu lilhom infushom, iħobbu l-flus, faħħarin, għajjurin, dagħajja, ma jisimgħux mill-ġenituri, ma jroddux ħajr, bla tjieba,
  3. Bla qalb, bla ħniena, kalunjaturi, bla rażan, kefrin, jobogħdu lit-tajjeb,
  4. Tradituri, bla ħsieb, rashom mijmlija, iħobbu l-pjaċiri aktar milli jħobbu lil Alla;
  5. Għandhom wiri ta’ tjieba, imma jiċħdu l-qawwa tagħha: nies bħal dawn aħrabhom.
  6. Għax bħal dawn huma dawk li jindiehsu fid-djar, u jieħdu fil-jasar nisa bla għaqal imgħobbija bid-dnubiet, mitlufa wara ħafna xewqat ħżiena.
  7. Li dejjem lesti biex jitgħallmu, imma li qatt ma jseħħilhom jaslu biex jagħrfu l-verità.
  8. Issa bħalma Ġannes u Ġambres waqfu ’l Mosè, hekk ukoll dawn jieqfu kontra l-verità: nies b’moħħhom imħassar għal kollox, u ħżiena għall-aħħar fil-fidi.
  9. Iżda ma jimxux aktar ’il quddiem: għax il-bluha tagħ-hom tidher lill-bnedmin kollha, bħal ma ġara wkoll lill-bluha ta’ dawk it-tnejn.
  10. Imma inti mxejt wara t-tagħlim tiegħi: fl-imġiba, fil-għan, fil-fidi, fis-sabar, fl-imħabba, fil-perseveranza,
  11. Fil-persekuzzjonijiet, fis-sofferenzi, li ġew fuqi f’Antijokja, f’Ikonjum, f’Listre: x’persekuzzjonijiet sofrejt: imma minnhom kollha ħelisni l-Mulej.
  12. U dawk li jridu jgħixu ħajja tajba fi Kristu Ġesù lkoll jgħaddu mill-persekuzzjoni.
  13. Imma n-nies il-ħżiena u l-uċuh b’oħra jmorru mill-ħażin għal l-agħar, iqarrqu u jitqarrqu.
  14. Imma int ibqa’ miexi f’dak li tgħallimt u emmint bis-sħiħ, għax taf mingħand min tgħallimtu, u
  15. Għax sa minn żgħoritek sirt midħla tal-iskrittura mqaddsa, li tista’ tagħmlek għaref għas-salvazzjoni permezz tal-fidi fi Kristu Ġesù.
  16. L-Iskrittura kollha hija mnebbha minn Alla, u tiswa biex wieħed igħallem, iċanfar, jikkoreġi u jrawwem fil-ġustizzja.
  17. Biex il-bniedem ta’ Alla jkun perfett, imhejji għal kull opra tajba.

2 Timotju 4

  1. Nitolbok bil-ħerqa, quddiem Alla u Kristu Ġesù, li għandu jagħmel ġudizzju mill-ħajjin u mill-mejtin, f’isem id-dehra tiegħu u s-saltna tiegħu.
  2. Xandar il-kelma; isħaq f’waqtu, u barra minn waqtu; widdeb, ċanfar, wissi bis-sabar kollu u t-tagħlim.
  3. Għax għad jiġi żmien meta ma jaħmlux id-duttrina sħiħa; imma skont ix-xewqat ħżiena tagħhom, u b’widnejhom jikluhom, jiġimgħu għalihom għalliema;
  4. U jdawru widnejhom mill-verità, u jduru għall-ħrejjef.
  5. Iżda int iftaħ għajnejk f’kollox, sofri t-tbatijiet, agħmel ix-xogħol ta’ evanġelista, aqdi sewwa l-ministeru tiegħek.
  6. Għax jien issa wasalt biex demmi jkun offrut b’sagrifiċċju, u ż-żmien tat-tluq tiegħi wasal.
  7. Tqabadt it-taqbida t-tajba, temmejt il-ġirja tiegħi, żammejt il-fidi.
  8. Minn issa ’l quddiem hemm merfugħa għalija l-kuruna tal-ġustizzja, li l-Mulej, l-imħallef ġust, jagħtini f’dak il-jum: u mhux biss lili, iżda lil dawk kollha li jħobbu d-dehra tiegħu.
  9. Agħmel mill-aħjar biex tiġi għandi malajr:
  10. Għax Demas telaqni, billi ħabb iż-żmien preżenti, u mar Tessalonika; Kreskens mar Galata, Titus Dalmatja.
  11. Luqa waħdu qiegħed miegħi. Ħu lil Marku, u ġibu miegħek: għax jiswieli għall-ministeru.
  12. U lil Tikikus bgħattu Efesu.
  13. Meta tiġi, ġib miegħek il-mantar li ħallejt jien Troas ma’ Karpus; u l-kotba, imma l-aktar il-parċmini.
  14. Alessandru l-brunżar għamilli ħafna ħsara: il-Mulej iħallsu skont għemilu.
  15. Int ukoll oqgħod għassa tiegħu; għax hu żamm ħafna kontra kliemna.
  16. Fl-ewwel difiża tiegħi ħadd ma waqaf miegħi, imma kulħadd telaqni: nitlob lil Alla li dan ma jkunx magħdud għalihom.
  17. Madankollu l-Mulej waqaf miegħi, u tani l-qawwa; biex ix-xandir ikun magħruf bija kollu kemm hu, u jisimgħu l-Ġentili kollha; u kont meħlus minn ħalq l-iljun.
  18. U l-Mulej jeħlisni minn kull għemil ħażin, u jsalvani għas-saltna tiegħu tas-sema: lilu l-glorja għal dejjem ta’ dejjem. Amen.
  19. Sellili għal Priska u għal Akwila, u għad-dar ta’ Onesiforus.
  20. Erastus baqa’ Korintu, imma lil Trofimus ħallejtu Mil-ete marid.
  21. Ħabrek biex tiġi qabel ix-xitwa. Ewbulus, u Pudens, u Linus, u Klawdja, u l-aħwa kollha, isellu għalik.
  22. Il-Mulej ikun ma’ l-ispirtu tiegħek. Il-grazzja magħkom. Amen.