L-Ittra Lir-Rumani
L-ITTRA LIR-RUMANI
Dwar Din l-Ittra
L-enfasi speċjali ta’ din l-Ittra hija biex Pawlu jintroduċi lilu nnifsu u l-messaġġ tiegħu lill-Knisja f’Ruma. Pawlu jgħidilhom li hu appostlu, magħżul biex jippriedka l-aħbar it-tajba (1:1). U l-messaġġ li hu jħabbar “hu qawwa ta’ Alla għas-salvazzjoni ta’ dawk kollha li jemmnu, l-ewwel il-Lhud u mbagħad il-Griegi”
Din l-Ittra kienet miktuba fix-xitwa tas-sena 57-58 W.K. Pawlu kien f’Korintu, fit-tmiem tat-Tielet Vjaġġ tal-ministeru tiegħu.
Pawlu jfakkar lill-qarrejja tiegħu, “23Il-bnedmin kollha dinbu u ċċaħdu mill-glorja ta’ Alla” (3:23). Imma kif aħna nistgħu nkunu magħmula aċċettabbli għal Alla? Din hija l-mistoqsija li huwa jwieġeb f’din l-ittra. Pawlu jibda billi juri kif kulħadd naqas milli jagħmel dak li Alla jeħtieġ. Il-Lhud ma kinux obdew il-Liġi ta’ Mosè, u l-Ġentili kienu rrifjutaw saħansitra li jaħsbu dwar Alla, għalkemm Alla kien kellimhom f’ħafna modi differenti (1:18—3:20).
“21Imma issa l-ġustizzja ta’ Alla dehret mingħajr il-liġi, għad li l-liġi u l-profeti jixhdu għaliha. 22U din hi l-ġustizzja ta’ Alla u li Alla jagħti permezz tal-fidi f’Ġesù Kristu lil dawk li jemmnu bla ma jagħżel bejniethom. 23Il-bnedmin kollha dinbu u ċċaħdu mill-glorja ta’ Alla, 24Għalhekk issa huma jkunu iġ-ġustifikati bil-grazzja tiegħu li jagħtihom minn rajh permezz tal-fidwa li hemm fi Kristu Ġesù” (Rumani 3:21-24).
“25Li kien mogħti għal dnubietna, u mqajjem għall-ġustifikazzjoni tagħna” (Rumani 4:25).
Ħarsa Ħafifa Lejn Din l-Ittra
• Pawlu u l-Messaġġ Tiegħu tal-Evanġelju (1:1-17)• Kulħadd Huwa Ħati (1:18—3:20))
• Il-Mod ta’ Alla li Jaċċetta n-Nies (3:21—4:25)
• Ħajja Ġdida għan-Nies ta’ Alla (5:1—8:39)
• Xi Ngħidu Dwar in-Nies ta’ Iżrael? (9:1—11:36)
• Kif Tgħix il-Ħajja l-Ġdida tal-Imħabba? (12:1—15:13)
• Il-Pjanijiet u t-Tislijiet Personali ta’ Pawlu (15:14—16:27)
Rumani 1
- Pawlu, qaddej ta’ Ġesù Kristu, imsejjaħ biex ikun appostlu, isseparat għall-evanġelju ta’ Alla.
- Li hu kien wiegħed minn qabel bil-profeti tiegħu fl-iskrittura mqaddsa,
- Fuq Ibnu, li ġej min-nisel ta’ David skont il-ġisem;
- U li skont l-Ispirtu tal-qdusija, kien iddikjarat Bin Alla bis-setgħa bil-qawmien mill-imwiet:
- Li bih aħna ħadna l-grazzja u l-appostolat, għall-ubbi-djenza tal-fidi fost il-ġnus kollha, għal ismu:
- Li fosthom hemm intom ukoll l-imsejħin ta’ Ġesù Kristu:
- Li dawk kollha li huma Ruma, il-maħbubin ta’ Alla, im-sejħin biex ikunu qaddisin: grazzja lilkom u sliem minn għand Alla Missierna, u l-Mulej Ġesù Kristu.
- L-ewwelnett, niżżiħajr lil Alla tiegħi permezz ta’ Ġesù Kristu għalikom ilkoll, għax il-fidi tagħkom hi magħrufa mad-dinja kollha.
- Għax Alla, li jien naqdih bl-ispirtu tiegħi fl-evanġelju ta’ Ibnu, hu xhud tiegħi, li bla heda nsemmikom dejjem fit-talb tiegħi;
- Billi nitlob, li b’xi mod jew b’ieħor, xi darba issa jkolli, jekk Alla jrid, vjaġġ tajjeb biex nasal sa għandkom.
- Għax nixtieq ħafna li narakom, biex nagħtikom xi don spiritwali, biex tkunu mwettqin.
- Jew aħjar, biex nitfarraġ flimkien magħkom fil-fidi li għandna, intom u jien.
- Issa jien ma rridx li ma tkunux tafu, ħuti, li bosta drabi għamilt il-ħsieb li nasal sa għandkom, (imma s’issa kont imfixkel,) biex ikolli xi frott fostkom ukoll, bħalma fost il-Ġentili l-oħra.
- Jien obligat sew lejn il-Griegi, u kemm lejn il-Barbari; sew lejn il-għorrief, u kemm lejn dawk li mhumiex għorrief.
- Għalhekk, daqs kemm jiġi minni, jien lest li nxandar l-evanġelju lilkom li qegħdin Ruma wkoll.
- Jiena ma nistħix mill-Evanġelju; għax l-Evanġelju hu qawwa ta’ Alla għas-salvazzjoni ta’ dawk kollha li jemmnu, l-ewwel il-Lhud u mbagħad il-Griegi.
- U fih tidher il-ġustizzja ta’ Alla minn fidi għal fidi, skont ma hemm miktub: Il-ġust jgħix bil-fidi.
- Għax l-għadab t’Alla hu rrivelat mis-sema kontra kull ħażen u nġustizzja tal-bnedmin, li jżommu l-verità fl-inġustizz-ja;
- Għax dak li jista’ jkun magħruf f’Alla jidher fihom; għax Alla wriehulhom.
- Għax il-ħwejjeġ li ma jidhrux tiegħu, is-setgħa eterna tiegħu, u d-divinità, billi kienu sa mill-bidu tal-ħolqien tad-dinja magħrufin mill-ħwejjeġ li saru, jidhru ċari, għalhekk m’għandhomx skuża:
- Għaliex meta għarfu lil Alla, ma gglorifikawhx bħal Alla, u lanqas ma raddew ħajr; iżda saru fiergħa fi ħsibijiethom, u qalbhom bla dehen iddallmet.
- Fil-waqt li riduha ta’ għorrief, saru boloh.
- U bidlu l-glorja ta’ Alla li ma jitħassarx fi xbieha magħmula bħal bniedem li jitħassar, u ta’ tjur, u ta’ bhejjem b’erba’ saqajn, u ta’ bhejjem li jitkaxkru.
- Għalhekk Alla telaqhom għax-xewqat ħżiena tal-istess qalbhom, biex jagħmlu għajb lil ġisimhom bejniethom:
- Huma li bidlu l-verità ta’ Alla f’gidba, u qiemu u qdew il-ħlieqa iżjed mill-Ħallieq, li hu mbierek għal dejjem. Amen.
- Għalhekk Alla telaqhom għal ġibdiet bla ġieħ. In-nisa tagħhom bidlu l-użu naturali fl-użu kontra n-natura:
- Hekk ukoll l-irġiel ħallew l-użu naturali tal-mara u xegħlu bil-passjoni għal xulxin, irġiel ma’ rġiel, biex jagħmlu ħwejjeġ bla ġieħ; u bi ħlas ta’ dan jirċievu fihom infushom il-ħlas li ħaqqhom ħtijiethom.
- U bħalma wkoll ma għoġobhomx li jżommu lil Alla fil-għerf tagħhom, hekk telaqhom Alla għall-fehmiet imgħawġa, biex jagħmlu dawk il-ħwejjeġ li ma jixirqux:
- Mimlijin b’kull xorta ta’ inġustizzja, fornikazzjoni, dnewwa, rgħiba, malizzja; mimlijin għira, qtil, ġlied, qerq, ħżunija; seksieka,
- Jagħtu l-malafami, jobogħdu lil Alla, igħajru, kburin, fa-ħħarin, jivvintaw il-ħsara, diżubbidjenti għall-ġenituri tagħhom,
- Bla moħħ, ma jżommux kelmithom, bla ġibda naturali, bla ħniena:
- Li jafu l-ġudizzju ta’ Alla, li dawk li jagħmlu dawn il-ħwejjeġ ħaqqhom il-mewt, mhux biss jagħmluhom, iżda jieħdu pjaċir b’dawk li jagħmluhom.
Rumani 2
- Għalhekk, ja bniedem, int min int, m’għandikx skuża li tagħmel ġudizzju: għax int u tagħmel ġudizzju minn ħaddieħor, tikkundanna lilek innifsek; għax int li tagħmel il-ġudizzju tagħmel l-istess ħwejjeġ.
- Imma aħna żguri li l-ġudizzju ta’ Alla hu skont il-verità kontra dawk li jagħmlu ħwejjeġ bħal dawn.
- U taħseb dan, ja bniedem, li tagħmel ġudizzju minn dawk li jagħmlu ħwejjeġ bħal dawn, u tagħmel l-istess, li taħrab mill-ġudizzju ta’ Alla?
- Jew tmaqdar il-għana tat-tjieba tiegħu, u tas-sabar tiegħu, u tad-dewmien għall-għadab; u ma tafx li t-tjieba ta’ Alla tmexxik għall-indiema?
- Imma bl-ebusija ta’ rasek u qalbek bla ndiema int taħżen fik innifsek il-għadab għall-jum il-għadab, meta jidher il-ġudizzju ġust ta’ Alla;
- Li jrodd lil kull bniedem skont l-opri tiegħu.
- Lil dawk li bis-sabar ikomplu fl-għemil it-tajjeb ifittxu glorja, u ġieh, u immortalità, il-ħajja ta’ dejjem.
- Iżda lil dawk li jmieru u ma jobdux il-verità, iżda jobdu l-ħażen, qilla u għadab.
- Tbatija u dwejjaq fuq kull ruħ ta’ bniedem li jagħmel il-ħażen, l-ewwel għal-Lhudi, u mbagħad għall-Grieg;
- Glorja u ġieh u sliem għal kull min jagħmel it-tajjeb, l-ewwel għal-Lhudi, u mbagħad għall-Grieg.
- Għax Alla ma jħares lejn wiċċ ħadd!
- Għax dawk kollha li dinbu mingħajr il-liġi jintilfu wkoll mingħajr il-liġi: u dawk kollha li dinbu fil-liġi jsir ġudizzju minnhom bil-liġi;
- Għax mhux dawk li jisimgħu l-liġi huma ġusti quddiem Alla, iżda dawk li jħarsu l-liġi jkunu ġġustifikati.
- Għax meta l-Ġentili, li m’għandhomx il-liġi, jagħmlu min-natura l-ħwejjeġ li huma fil-liġi, dawn, li m’għandhomx il-liġi, huma liġi għalihom infushom:
- Huma juru x-xogħol tal-liġi miktub f’qalbhom, billi tixhdu wkoll il-kuxjenza tagħhom, u l-ħsibijiet tagħhom li issa jakkużaw u issa jiskużaw wieħed lil ieħor;
- Fil-jum meta Alla jagħmel ġudizzju mill-ħwejjeġ sigrieti tal-bnedmin skont l-evanġelju tiegħi permezz ta’ Ġesù Kristu.
- Ara, int tissejjaħ Lhudi, u tistrieħ fuq il-liġi, u tiftaħar b’Alla.
- U taf ir-rieda tiegħu, u tapprova l-ħwejjeġ eċċellenti mgħallem mil-liġi;
- U pperswadejt lilek innifsek li int gwida tal-għomja, dawl ta’ dawk li huma fid-dlam.
- Imgħallem ta’ min hu bla għaqal, għalliem tat-tfal, u li għandek il-forma tal-għerf u tas-sewwa fil-liġi.
- U int mela li tgħallem lil ħaddieħor, ma tgħallimx lilek innifsek? Int li tippriedka li bniedem m’għandux jisraq, tisraq int?
- Int li tgħid li bniedem m’għandux jagħmel adulterju, tagħmel adulterju int? Int li tiskerrah l-idoli, tisraq it-tempji?
- Int li tiftaħar bil-liġi, tiddiżunara ’l Alla billi tikser il-liġi?
- Għax l-isem ta’ Alla hu mżeblaħ fost il-Ġentili minħabba fikom, kif inhu miktub.
- Għax iċ-ċirkonċiżjoni tassew tiswa, jekk int tħares il-liġi; iżda jekk int tikser il-liġi, iċ-ċirkonċiżjoni tiegħek issir bla ċirkonċiżjoni.
- Jekk mela wieħed li m’għandux ċirkonċiżjoni jħares il-preċetti tal-liġi, in-nuqqas taċ-ċirkonċiżjoni tiegħu ma jingħadlux bħala ċirkonċiżjoni.
- U jekk dak li hu bla ċirkonċiżjoni min-natura, iħares il-liġi, ma jagħmilx ġudizzju minnek, int, li bl-ittra u ċ-ċirkonċiżjoni, tikser il-liġi?
- Għax mhux min jidher minn barra, hu Lhudi; lanqas m’hi ċirkonċiżjoni, dik li tidher minn barra fil-ġisem:
- Iżda hu Lhudi, dak li hu wieħed minn ġewwa; u ċ-ċirkonċiżjoni hi dik tal-qalb, fl-ispirtu, u mhux fl-ittra; u t-tifħir tiegħu mhux tal-bnedmin, imma ta’ Alla.
Rumani 3
- X’vantaġġ mela għandu l-Lhudi? Jew x’fejda hemm fiċ-ċirkonċiżjoni?
- Ħafna b’kull mod: l-ewwelnett, għax lilhom kienu fdati l-orakli t’Alla.
- X’inhu mela jekk x’uħud ma emmnux? In-nuqqas tal-fidi tagħhom jagħmel bla effett il-fedeltà ta’ Alla?
- Ma jkun qatt! Ħa jkun jaf kulħadd li Alla hu veru u kull bniedem giddieb. Hekk hemm miktub: “Biex tkun iġġusti-fikat fi kliemek, u tirbaħ meta tkun iġġudikat.
- Imma jekk il-ħażen tagħna jirrikmanda l-ġudizzju ta’ Alla, xi ngħidu? Hu bla ġudizzju Alla li jitħallas? Nitkellem bħala bniedem.
- Ma jkun qatt! Għax inkella kif jista’ Alla jagħmel ġudizzju mid-dinja?
- Għax jekk is-sewwa ta’ Alla permezz tal-gidba tiegħi aktar kotor għall-glorja tiegħu; għaliex għandu jsir ġudizzju minni wkoll bħala midneb?
- U mhux kif x’uħud igħajruna, u x’uħud igħidu li aħna ngħidu: Ħa nagħmlu d-deni, biex jiġi t-tajjeb? Il-kundanna ta’ dawn hi ġusta.
- Xi ngħidu mela? Aħna aħjar minnhom? B’ebda mod. Ġa wrejna li sew il-Lhud u sew il-Griegi huma lkoll taħt id-dnub.
- Kif inhu miktub: M’hemm ħadd ġust, le, lanqas wieħed:
- M’hemm ħadd li jifhem; m’hemm ħadd li jfittex ’l Alla.
- Ilkoll ħarġu mit-triq, kollha kemm huma ma jiswewx; ħadd m’hemm li jagħmel is-sewwa, le, lanqas wieħed.
- Gerżumithom qabar miftuħ; b’ilsienhom iqarrqu; velenu tas-sriep taħt xofftejhom:
- Saħtiet u mrar fommhom mimli:
- Ħfief riġlejhom biex ixerdu d-demm:
- Ħerba u miżerja hemm fi triqathom:
- U t-triq tas-sliem ma għarfuhiex:
- Mhemmx biża’ ta’ Alla quddiem għajnejhom.
- Issa aħna nafu li kull ħaġa li tgħid il-liġi, tgħidha lil dawk li huma taħt il-liġi:
- Għalhekk ħadd ma jkun iġġustifikat quddiemu bl-opri tal-liġi: għax bil-liġi jingħaraf id-dnub.
- Imma issa l-ġustizzja ta’ Alla dehret mingħajr il-liġi, għad li l-liġi u l-profeti jixhdu għaliha.
- U din hi l-ġustizzja ta’ Alla u li Alla jagħti permezz tal-fidi f’Ġesù Kristu lil dawk li jemmnu bla ma jagħżel bejniethom.
- Għax kollha dinbu u ċċaħdu mill-glorja ta’ Alla,
- U huma ġġustifikati bil-grazzja tiegħu bħala rigal li jagħtihom permezz tal-fidwa li hija fi Kristu Ġesù.
- Lilu Alla qiegħdu bħala espjazzjoni b’demmu permezz tal-fidi. Dan kien biex juri l-ġustizza tiegħu waqt li qabel għalaq għajnejh għad-dnubiet ta’ qabel;
- Biex juri, ngħid jien, il-ġustizzja tiegħu: fiż-żmien ta’ issa: biex ikun ġust, u jagħmel ġust lil min jemmen f’Ġesù.
- Fejn hu mela l-ftaħir? Ma jidħolx. B’liema liġi? Tal-opri? Le: imma bil-liġi tal-fidi.
- Għax aħna nżommu li bniedem hu iġġustifikat bil-fidi mingħajr l-opri tal-liġi.
- Forsi Alla hu Alla tal-Lhud biss? Mhux tal-pagani wkoll? Iva, tal-pagani wkoll
- Billi Alla hu wieħed, li jiġġustifika ċ-ċirkonċiżi bil-fidi u dawk li mhumiex ċirkonċiżi permezz tal-fidi.
- Qegħdin aħna mela nxejnu l-liġi permezz tal-fidi? Ma jkun qatt! Iva, qegħdin nistabbilixxu l-liġi.
Rumani 4
- Xi ngħidu mela li sab Abraham l-antenat tagħna skont il-ġisem?
- Għax jekk Abraham kien iġġustifikat bl-opri, għandu biex jiftaħar; iżda mhux quddiem Alla.
- Għax xi tgħid l-iskrittura? Abraham emmen f’Alla, u dan ingħaddlu bħala ġustizzja.
- Issa, lil dak li jaħdem, il-ħlas ma jingħaddlux bħala grazzja, imma bħala dejn.
- Imma għal dak li ma jaħdimx, iżda jemmen f’dak li jiġġustifika l-ħażin, il-fidi tiegħu tingħadd bħala ġustizzja.
- Bħalma wkoll igħid David li mbierek hu l-bniedem, li Alla jgħoddlu l-ġustizzja mingħajr opri.
- Billi jgħid: Imberkin dawk li ħtijiethom maħfura, u li dnubiethom mgħottija.
- Imbierek ir-raġel li l-Mulej ma jgħoddlux dnub.
- Dil-barka tiġi mela biss fuq dawk li huma ċirkonċiżi, jew fuq dawk ukoll li mhumiex ċirkonċiżi? għax aħna ngħidu li ’l Abraham il-fidi kienet magħduda bħala ġustizzja.
- Kif kienet mela magħduda? Meta kien ċirkonċiż, jew meta ma kienx ċirkonċiż? Mhux meta kien ċirkonċiż, iżda qabel ma kien ċirkonċiż.
- U ħa s-sinjal taċ-ċirkonċiżjoni siġill tal-ġustizzja tal-fidili kellu qabel ma kien ċirkonċiż; biex isir il-missier ta’ dawk kollha li jemmnu, għalkemm ma jkunux ċirkonċiżi; biex il-ġustizzja tingħaddilhom ukoll:
- U l-missier taċ-ċirkonċiżjoni għal dawk li mhux biss huma taċ-ċirkonċiżjoni, iżda wkoll li jimxu fil-passi ta’ dik il-fidi t’Abraham missierna, li kellu qabel ma kien ċirkonċiż.
- Għax il-wegħda, li hu jkun il-werriet tad-dinja, ma kinetx lil Abraham, jew lin-nisel tiegħu, permezz tal-liġi, iżda permezz tal-ġustizzja tal-fidi.
- Għax jekk dawk li huma tal-liġi huma werrieta, il-fidi titbattal, u l-wegħda ma tiswiex:
- Għax il-liġi tnissel il-għadab: u fejn m’hemmx liġi, m’hemmx ksur ta’ liġi.
- Għalhekk hu bil-fidi, biex ikun bi grazzja; biex il-wegħda tkun żgura għan-nisel kollu; mhux għal dak biss li hu tal-liġi, iżda għal dak ukoll li hu tal-fidi ta’ Abraham; li hu missierna lkoll.
- Skont kif inhu miktub: Missier ta’ ħafna ġnus għamiltek jien, quddiem dak li emmen fih, Alla li jagħti l-ħajja lill-mejtin, u jsejjaħ lil dawk il-ħwejjeġ li mhumiex bħallikieku huma.
- Li meta ma kienx hemm tama, emmen fit-tama, biex isir il-missier ta’ ħafna ġnus, skont ma ntqal: Hekk ikun nislek.
- U billi ma kienx dgħajjef fil-fidi, ma ħasibx li ġismu kien diġa’ mejjet, meta kellu mitt sena, u lanqas li mejjet kien il-ġuf ta’ Sara:
- Ma qatax qalbu quddiem il-wegħda ta’ Alla minħabba n-nuqqas ta’ fidi; iżda kien qawwi fil-fidi, billi ta glorja lil Alla;
- Konvint għalkollox li dak li wiegħed kien jista’ wkoll jagħmlu.
- U għalhekk dan kien lilu magħdud b’ġustizzja.
- Issa mhux għalih waħdu nkiteb, li kien magħdud lilu;
- Iżda għalina wkoll, li jkun magħdud lilna, jekk nemmnu f’dak li qajjem lil Ġesù Mulej tagħna mill-mewt;
- Li kien mogħti għal dnubietna, u mqajjem għall-ġustifikazzjoni tagħna.
Rumani 5
- Għalhekk, billi konna iġġustifikati bil-fidi, għandna s-sliem ma’ Alla permezz tal-Mulej tagħna Ġesù Kristu;
- Li bih ukoll għandna dħul bil-fidi f’din il-grazzja li fiha qegħdin, u nifirħu fit-tama tal-glorja ta’ Alla.
- U mhux hekk biss, imma niftaħru wkoll bit-tribulazz-jonijiet: billi nafu lit-tribulazzjoni tnissel is-sabar;
- U s-sabar, il-prova, u l-prova, it-tama:
- U t-tama ma ġġegħilniex nistħu; għax l-imħabba ta’ Alla hi msawba fi qlubna bl-Ispirtu Qaddis li hu mogħti lilna.
- Għax meta konna għadna bla saħħa, Kristu fi żmien appuntat miet għall-ħżiena.
- Għax bilkemm għal raġel sewwa wieħed ikun irid imut: iżda għal raġel tajjeb jista’ jkun li wieħed ukoll ikollu l-ħila jmut.
- Iżda Alla jirrikmanda l-imħabba tiegħu lilna, billi meta konna għadna midinbin, Kristu miet għalina.
- Aktar u aktar mela, billi aħna iġġustifikati b’demmu, inkunu salvati mill-għadab permezz tiegħu.
- Għax jekk, meta konna għedewwa, konna rikonċiljati ma’ Alla bil-mewt ta’ Ibnu, aktar u aktar, billi aħna rrikonċiljati, inkunu salvati bil-ħajja tiegħu;
- Mhux hekk biss, imma nifirħu wkoll f’Alla permezz ta’ Ġesù Kristu l-Mulej tagħna, li bih aħna issa rċevejna r-rikonċiljazzjoni.
- Għalhekk, bħalma bi bniedem wieħed id-dnub daħal fid-dinja, u l-mewt bid-dnub; u hekk il-mewt għaddiet għal fuq kull bniedem, għax kollha dinbu.
- Għax sal-liġi kien id-dnub fid-dinja: iżda d-dnub mhux magħdud meta ma hemmx liġi.
- Madankollu l-mewt ħakmet minn Adam sa Mosè, ukoll fuq dawk li ma dinbux bi dnub bħad-dnub ta’ Adam, li hu x-xbieha ta’ dak li kellu jiġi.
- Iżda mhux bħall-ħtija, hi hekk ukoll il-għotja b’xejn. Għax jekk permezz tal-ħtija ta’ wieħed ħafna mietu, aktar u aktar il-grazzja ta’ Alla, u l-għotja bil-grazzja, mogħtija per-mezz ta’ bniedem wieħed, Ġesù Kristu, xterdu fuq il-ħafna.
- U mhux bħal ma kien mill-wieħed li dineb, kien hekk mill-għotja: għax il-ġudizzju ta’ wieħed ġieb il-kundanna, iżda l-għotja li ġiet minn ħafna ħtijiet ġiebet il-ġustifikazzjoni.
- Għax jekk għall-ħtija ta’ wieħed il-mewt ħakmet permezz ta’ dak il-wieħed: aktar u aktar dawk li jieħdu l-kotra tal-grazzja u tal-glorja tal-ġustizzja jsaltnu fil-ħajja b’wieħed, Ġesù Kristu.
- Għalhekk bħalma bil-ħtija ta’ wieħed waqgħet il-kun-danna fuq il-bnedmin kollha, hekk ukoll bil-ġudizzju ta’ wieħed waħdu l-għotja ġiet fuq il-bnedmin kollha għall-ġustifikazzjoni tal-ħajja.
- Għax bħalma bin-nuqqas tal-ubbidjenza ta’ bniedem wieħed ħafna saru midinbin, hekk bl-ubbidjenza ta’ wieħed il-ħafna jsiru ġusti.
- Iżda l-liġi ndaħlet biex toktor il-ħtija. Imma fejn id-dnub kotor, il-grazzja kotrot wisq aktar:
- Biex bħalma d-dnub saltan fil-mewt, hekk ukoll il-grazzja ssaltan permezz tal-ġustizzja, għall-ħajja ta’ dejjem b’Ġesù Kristu l-Mulej tagħna.
Rumani 6
- Xi ngħidu mela? Nibqgħu fid-dnub, biex toktor il-grazzja?
- Ma jkun qatt! Kif nistgħu aħna, li mitna għad-dnub, nibqgħu ngħixu fih iżjed?
- Ma tafux, li ħafna minna li konna mgħammdin f’Ġesù Kristu, konna mgħammdin fil-mewt tiegħu?
- Għalhekk aħna midfunin miegħu bil-magħmudija fil-mewt; biex bħalma Kristu qam mill-imwiet bil-glorja tal-Missier, hekk ukoll aħna nimxu fit-tiġdid tal-ħajja.
- Għax jekk sirna ħaġa waħda miegħu fix-xebħ tal-mewt tiegħu, hekk ukoll inkunu fix-xebħ tal-qawmien tiegħu.
- Billi tafu dan: Li l-bniedem qadim tagħna kien mislub miegħu, biex il-ġisem tad-dnub jinqered, biex ma naqdux aktar lid-dnub;
- Għax min miet hu meħlus mid-dnub.
- Issa jekk aħna mejtin ma’ Kristu, nemmnu li għad ngħixu wkoll miegħu.
- Billi nafu li Kristu wkoll wara li qam mill-imwiet ma jmut qatt iżjed; il-mewt ma ssaltanx iżjed fuqu.
- Għax li miet, miet darba għal dejjem għad-dnub; imma li ħaj, ħaj għal Alla.
- Hekk ukoll intom qisu wkoll ruħkom mejtin tassew għad-dnub, imma ħajjin għal Alla fi Kristu Ġesù l-Mulej tagħna.
- Tħallux mela d-dnub isaltan f’ġisimkom li jmut, biex tobduh fix-xewqat ħżiena tiegħu.
- Lanqas tagħtu l-membri ta’ ġisimkom biex ikunu għod-da tal-ħażen għad-dnub; iżda agħtu lilkom infuskom lil Alla, bħala ħajjin mill-imwiet, u l-membri ta’ ġisimkom bħala għod-da tal-ġustizzja għal Alla.
- Għax id-dnub ma jsaltanx iżjed fuqkom: għax mintomx taħt il-liġi, iżda taħt il-grazzja.
- X’inhu mela? Nidinbu, għax m’għadniex taħt il-liġi, imma taħt il-grazzja? Ma jkun qatt!
- Ma tafux intom, li lil min tagħtu ruħkom bħala lsiera biex tobduh, issiru lsiera ta’ dak li tobdu; sewwa tad-dnub għall-miena tewt, u sewwa tal-ubbidjenza għall-ġustizzja?
- Iżda niżżu ħajr lil Alla, għax kontu lsiera tad-dnub, imma minn qalbkom obdejtu lil dik il-għamla ta’ tagħlim li għaliha intom kontu mogħtijin.
- Infdejtu minn taħt id-dnub, imma tjassartu għall-ġustizzja.
- Nitkellem ta’ bniedem minħabba d-dgħufija ta’ ġisimkom: għax bħal ma tajtu l-membri ta’ ta’ ġisimkom biex ikunu l-lsiera tal-impurità u għal l-inġustizzja tal-ksur tal-liġi; hekk issa agħtu l-membri ta’ ġisimkom biex ikunu lsiera tal-ġustizzja għall-qdusija tagħkom.
- Għax meta kontu lsiera tad-dnub, kontu ħielsa mill-ġudizzju.
- Xi frott kellkom f’dak iż-żmien mill-ħwejjeġ li minn-hom issa tistħu? Għax it-tmiem ta’ dawk il-ħwejjeġ hi l-mewt.
- Iżda issa billi intom meħlusin mid-dnub, u sirtu lsiera ta’ Alla, għandkom il-frott tagħkom għall-qdusija, u bħala tmiem il-ħajja ta’ dejjem.
- Għax il-ħlas id-dnub hi l-mewt; iżda l-għotja ta’ Alla hi l-ħajja ta’ dejjem fi Kristu Ġesù l-Mulej tagħna.
Rumani 7
- Ma tafux, ħuti, għax lil dawk li jafu l-liġi qiegħed inkellem, li l-liġi għandha ħakma fuq bniedem kemm idum ħaj?
- Għax il-mara li għandha żewġha hi marbuta bil-liġi ma’ żewġha kemm idum ħaj; iżda jekk imut ir-raġel, hi maħlula mil-liġi ta’ żewġha.
- Għalhekk mela, jekk waqt li għadu ħaj żewġha, tiżżew-weġ raġel ieħor, tissejjaħ adultera: iżda jekk imut żewġha, hi meħlusa minn dik il-liġi; u ma tkunx adultera, jekk tiżżewweġ raġel ieħor.
- Hekk intom, ħuti, mittu għal-liġi permezz tal-ġisem ta’ Kristu, biex intom tkunu ta’ ħaddieħor, jiġifieri, ta’ dak li kien imqajjem mill-imwiet, sabiex nagħmlu l-frott għal Alla.
- Għax meta konna fil-ġisem, il-ġibdiet għad-dnub, li kienu mil-liġi, kienu jaħdmu fil-membri ta’ ġisimna biex jagħtu frott lill-mewt.
- Iżda issa aħna maħlulin mil-liġi, mejtin għal dak li fih konna miżmunin; biex naqdu fit-tiġdid tal-ispirtu, u mhux fil-qedem tal-kitba.
- Xi ngħidu mela? Il-liġi dnub? Ma jiġri qatt dan! Le, jien m’għaraftx id-dnub, ħlief biss mil-liġi: għax ma kontx inkun naf x’inhi x-xenqa għall-ħwejjeġ ta’ ħaddieħor, kieku l-liġi ma qalitx: La tixxennaqx għall-ħwejjeġ ta’ ħaddieħor.
- Iżda d-dnub, billi sab il-waqt bil-kmandament, nissel fija kull passjoni. Għax mingħajr il-liġi d-dnub hu mejjet.
- U jien kont ħaj darba bla liġi: iżda meta ġie l-kmandament, id-dnub raġa’ ħa l-ħajja, u jien mitt.
- U dan il-kmandament, li kellu jkun biex ikolli l-ħajja, tani l-mewt.
- Għax id-dnub, billi sab il-waqt bil-kmandament, qarraq bija, u bih qatilni.
- Għalhekk il-liġi hi qaddisa, u l-kmandament qaddis, u ġust, u tajjeb.
- Mela dak li hu tajjeb sar mewt għalija? Ma jkun qatt! Imma d-dnub, biex jidher dnub, nissel il-mewt fija b’dak li hu tajjeb; biex id-dnub bil-kmandament isir iżjed dnub.
- Għax aħna nafu li l-liġi hi spiritwali: iżda jien tal-laħam, mibjugħ ilsir taħt id-dnub.
- Għax dak li nagħmel ma nifhmux: għax dak li rrid, ma nagħmlux; iżda dak li nobgħod, nagħmel.
- Jekk mela nagħmel dak li ma rridx, naqbel mal-liġi li hi tajba.
- Issa mela mhux aktar jien li nagħmel dan, imma d-dnub li jgħammar fija.
- Għax jien naf li fija, jiġifieri, f’ġismi, ma tgħammar ebda ħaġa tajba: għax ir-rieda qiegħda fija; iżda kif nagħmel dak li hu tajjeb ma nafx.
- Għax it-tajjeb li rrid jien ma nagħmilx: imma l-ħażin li ma rridx, dak nagħmel.
- Issa jekk nagħmel dak li ma rridx, mhux iżjed jien li nagħmlu, imma d-dnub li jgħammar fija.
- Insib mela liġi, li, meta rrid nagħmel it-tajjeb, il-ħażin jiġi quddiemi.
- Għax nithenna fil-liġi t’Alla skont il-bniedem ta’ ġewwa:
- Imma jien nara liġi oħra fil-membri ta’ ġismi, li tiġġieled kontra l-liġi ta’ moħħi, u tjassarni għal-liġi tad-dnub li hi fil-membri ta’ ġismi.
- Ja miskin li jien! Min jeħlisni mill-ġisem ta’ dil-mewt?
- Niżżi ħajr lil Alla permezz ta’ Ġesù Kristu l-Mulej tagħna. Hekk mela bil-moħħ jien naqdi l-liġi ta’ Alla; iżda bil-ġisem il-liġi tad-dnub.
Rumani 8
- Mela issa mhemm ebda kundanna għal dawk li huma fi Kristu Ġesù.
- Għax il-liġi tal-Ispirtu tal-ħajja fi Kristu Ġesù ħelsitni mil-liġi tad-dnub u l-mewt.
- Għax dak li ma setgħitx tagħmel il-liġi, għax kienet dgħajfa minħabba l-ġisem, Alla billi bagħat l-Iben tiegħu nnifsu f’xebh ta’ ġisem tad-dnub, u għad-dnub, ikkundanna d-dnub fil-ġisem:
- Biex dak li b’ġustizzja titlob il-liġi jseħħ fina, li ma nimxux skont il-ġisem, imma skont l-Ispirtu.
- Dawk li jgħixu skont il-ġisem, ħsiebhom fil-ħwejjeġ tal-ġisem; dawk li jgħixu skont l-Ispirtu, ħsiebhom fil-ħwejjeġ tal-Ispirtu.
- Għax il-moħħ tal-ġisem hu l-mewt; il-moħħ tal-Ispirtu hu l-ħajja u s-sliem.
- Għaliex il-moħħ tal-ġisem hu għadu ta’ Alla; għax mhux suġġett għal-liġi ta’ Alla, u lanqas tassew ma jista’ jkun.
- Għalhekk mela dawk li jgħixu skont il-ġisem ma jistgħux jogħġbu lil Alla.
- Imma intom ma tgħixux fil-ġisem, iżda fl-Ispirtu, jekk l-Ispirtu ta’ Alla jgħix fikom. Issa jekk xi ħadd ma għandux fih l-Ispirtu ta’ Kristu, dan mhuwiex tiegħu.
- U jekk Kristu hu fikom, il-ġisem hu mejjet minħabba d-dnub; iżda l-Ispirtu hu ħaj minħabba l-ġustizzja.
- Imma jekk l-Ispirtu ta’ dak li qajjem lil Ġesù mill-imwiet igħammar fikom, dak li qajjem lil Kristu mill-imwiet jagħti wkoll il-ħajja lil ġisimkom li jmut bl-Ispirtu tiegħu li jgħammar fikom.
- Għalhekk, ħuti, m’aħniex marbutin lejn il-ġisem, biex ngħixu skont il-ġisem.
- Għax jekk tgħixu skont il-ġisem, tmutu: imma jekk bl-Ispirtu tmewtu għemil il-ġisem, tgħixu.
- Għax dawk kollha li huma mmexxijin mill-Ispirtu ta’ Alla, huma wlied Alla.
- Għax intom ma ħadtux spirtu ta’ jasar biex terġgħu tibżgħu; imma ħadtu Spirtu t’adozzjoni, li bih ngħajtu: Abba! Missier!
- L-ispirtu nnifsu jixhed ma’ l-ispirtu tagħna, li aħna wlied Alla:
- U jekk ulied, aħna werrieta; werrieta t’Alla, u werrieta ma’ Kristu; għax miegħu nbatu, biex inkunu wkoll igglorifikati flimkien.
- Għax jien inqis li t-tbatijiet taż-żmien t’issa ma jixirqil-homx ikunu mxebbhin mal-glorja li għad tidher fina.
- Għax il-ħlejjaq jistennew bil-ħrara l-manifestazzjoni ta’ wlied Alla.
- Għax il-ħlejjaq kienu magħmulin suġġetti għall-frugħa, mhux għax iridu, iżda minħabba dak li issuġġettahom fit-tama;
- Għaliex il-ħlejjaq ukoll jinħelsu mill-jasar tat-taħsir, u jaslu fil-ħelsien glorjuż ta’ wlied Alla.
- Għax aħna nafu li l-ħolqien kollu jokrob u jħoss l-uġiegħ tal-ħlas sa dan il-waqt.
- U mhux hu biss, imma aħna wkoll, li għandna l-ewwel frott tal-Ispirtu; aħna stess ukoll nokorbu ġewwa fina nfusna, waqt li nistennew l-adozzjoni, li hi l-fidwa ta’ ġisimna.
- Għax fit-tama aħna konna salvati; iżda tama li tidher mhix tama; għax dak li wieħed jarah, għalfejn jittama fih?
- Iżda jekk aħna nittamaw għal dak li ma narawx, nistennew bis-sabar għalih.
- Hekk ukoll l-Ispirtu jgħin id-dgħufijiet tagħna: għax aħna ma nafux x’nitolbu kif jinħtieġ; iżda l-Ispirtu stess jitlob għalina bi tnehid li ma jistax jingħad.
- U dak li jgħarbel il-qlub jaf x’inhi l-fehma tal-Ispirtu, għax jitlob għall-qaddisin skont ir-rieda ta’ Alla.
- U aħna nafu li l-ħwejjeġ kollha jaħdmu flimkien għall-ġid ta’ dawk li jħobbu lil Alla; għal dawk li huma msejħin skont l-iskop tiegħu.
- Għax dawk li għaraf minn qabel, ukoll ippredestinahom biex ikunu jaqblu max-xbieha ta’ Ibnu, biex ikun hu l-ewwel imwieled fost ħafna aħwa.
- Barra minn hekk, lil dawk li ppredestinahom, lil dawn hu wkoll sejħilhom: u lil dawk li sejħilhom, lil dawn ukoll iġġustifikahom; u dawk li iġġustifikahom, lil dawn ukoll igglorifikahom.
- Xi ngħidu għal dawn il-ħwejjeġ? Jekk Alla magħna min jista’ jkun kontra tagħna?
- Hu li ma ħafirhiex lanqas lill-istess Ibnu, imma tah għalina lkoll, kif ma jagħtiniex ukoll miegħu b’xejn il-ħwejjeġ kollha?
- Min se jakkużana l-magħżulin ta’ Alla? Alla stess hu dak li jiġġustifikahom.
- Min se jikkundannhom? Kristu Ġesù miet, jew aħjar, qam mill-imwiet, jinsab fuq il-lemin ta’ Alla, hu li jidħol għalina.
- Min jifridna mill-imħabba ta’ Kristu? Tribulazzjoni, jew dwejjaq, jew persekuzzjoni, jew ġuħ, jew għera, jew periklu, jew ix-xabla?
- Bħalma hu miktub: Minħabba fik aħna l-jum kollu maqtulin; aħna miżmumin bħala ngħaġ għall-qatla.
- Iżda f’dawn il-ħwejjeġ kollha, aħna aktar minn rebbieħa permezz ta’ dak li ħabbna.
- Għax jien żgur, li la l-mewt, u lanqas il-ħajja; la l-anġli u lanqas it-tmexxija, la s-setgħat u lanqas il-ħwejjeġ t’issa, la l-ħwejjeġ li ġejjin,
- U lanqas il-għoli, la l-fond, u lanqas l-ebda krea-tura oħra, ma tkun tista’ tifridna mill-imħabba ta’ Alla, li hi fi Kristu Ġesù l-Mulej tagħna.
Rumani 9
- Ngħid is-sewwa, fi Kristu, miniex nigdeb, il-kuxjenza tiegħi wkoll tixhidli fl-Ispirtu Qaddis:
- Li għandi swied il-qalb kbir u wġigħ kontinwu f’qalbi.
- Għax nixtieq li nkun jien innifsi misħut minn Kristu għal ħuti, qraba tiegħi skont il-ġisem:
- Li huma Iżraelin; u li tagħhom hi l-adozzjoni, u l-glorja, u r-rabtiet, u l-għoti tal-liġi, u s-servizz ta’ Alla, u l-wegħdi;
- Li tagħhom huma l-patrijarki, li minnhom skont il-ġisem, ġie Kristu, li hu fuq kollox, Alla mbierek fiż-żminijiet. Amen.
- Mhux bħallikieku l-kelma ta’ Alla sfat fix-xejn; għax mhux dawk kollha li tnisslu minn Iżrael, huma ta’ Iżrael.
- Lanqas għaliex huma nisel ta’ Abraham huma kollha wlied; iżda, f’Iżakk jissejjaħ in-nisel tiegħek.
- Jiġifieri, mhux ulied il-ġisem huma wlied Alla, imma l-imwielda bis-saħħa tal-wegħda huma meqjusa b’ulied Abraham
- Għax din hi l-kelma tal-wegħda: Bħal daż-żmien niġi, u Sara jkollha tifel.
- U mhux dan biss: imma wkoll meta Rebekka kienet saret omm minn wieħed, Iżakk missierna:
- Għax billi t-tfal kienu għadhom ma twildux, la kienu għamlu tajjeb u lanqas ħażin, biex il-pjan ta’ Alla skont il-għażla jżomm sħiħ, mhux mill-opri, iżda minn dak li jsejjaħ;
- Intqalilha: Il-kbir jaqdi liż-żgħir,
- Kif inhu miktub: Ħabbejt lil Ġakobb, iżda bgħadt lil Għesaw.
- Xi ngħidu mela? Hemm l-inġustizzja f’Alla? Ma jkun qatt!
- Għax hu qal lil Mosè: Inħenn għal min inħenn, u nitħassar lil min nitħassar.
- Għalhekk mela mhux billi wieħed irid, jew billi wieħed jiġri, iżda billi Alla juri ħniena.
- Għax l-iskrittura tgħid lil Fagħrun: Għal dan stess jien qajjimtek, biex nuri fik il-qawwa tiegħi, u biex jixxandar ismi ma’ l-art kollha.
- Għalhekk ikollu ħniena minn min irid ikollu ħniena, u jwebbes lil min irid.
- Int mela tgħidli: Għaliex għandu mela jċanfar? Għax min waqaf lir-rieda tiegħu?
- Iżda int min int, ja bniedem, biex teħodha kontra Alla? Il-ħaġa magħmula tista’ jaqaw tgħid lil min għamilha: Għaliex għamiltni hekk?
- Jaqaw il-fuħħari m’għandux is-setgħa fuq it-tafal, biex jagħmel ħaġa ta’ ġieh, u ħaġa ta’ għajb, mill-istess għaġna?
- X’inhu jekk Alla, biex juri l-korla tiegħu, u jgħarraf il-qawwa tiegħu, issapporta għal żmien twil ir-reċipjenti tal-korla imhejjijin għall-qerda.
- U biex ikun jista’ jgħarraf il-għana tal-glorja tiegħu fuq reċipjenti tal-ħniena, li hu hejja minn qabel għall-glorja.
- U magħna wkoll, li hu sejħilna, mhux biss mil-Lhud, imma wkoll mill-Ġentili?
- Bħal ma jgħid ukoll f’Hosegħa: Insejħilhom poplu tiegħi, lil dawk li ma kinux poplu tiegħi; u maħbuba, lil dik li ma kenitx maħbuba.
- U jiġri, li fejn kienu jgħidulhom: M’intomx poplu tiegħi; hemm jissejħu wlied Alla l-ħaj.
- Isaija jgħajjat ukoll għal Iżrael: Għalkemm għadd ulied Iżrael ikun daqs ir-ramel tal-baħar, fdal ikun salvat:
- Għax il-Mulej iżomm kelmtu fuq l-art, iżommha u jaqtagħha mingħajr dewmien.
- U bħal ma qal Isaija minn Qabel: Kieku l-Mulej ta’ Sabaoth, ma ħallilniex nisel, bħal Sodoma, konna nsiru, u ’l Gomorra konna nixbhu.
- Xi ngħidu mela? Li l-Ġentili, li ma kinux ifittxu l-ġus-tizzja, sabu l-ġustizzja; anzi l-ġustizzja li tiġi mill-fidi:
- Iżda Iżrael, li kien jimxi mal-liġi tal-ġustizzja, ma wasalx sal-liġi.
- Għaliex? Għax ma kinux ifittxuha bil-fidi, imma bl-opri tal-liġi. Għax tfixklu f’dik il-ġebla tat-tfixkil;
- Kif inhu miktub: Ara, inqiegħed f’Sijon ġebla ta’ tfixkil u blata ta’ tiġrif: u kull min jemmen fih m’għandux imniex jistħi.
Rumani 10
- Ħuti, nixtieq tassew minn qalbi nitlob quddiem Alla li huma jkunu salvati.
- Jiena xhud għalihom li huma għandhom iż-żelu għal Alla, iżda dan iż-żelu mhux mibni fuq il-għerf veru.
- Għax waqt li kienu njuranti dwar il-ġustizzja ta’ Alla, u billi fettxew biex jistabbilixxu l-ġustizzja tagħhom, huma ma qagħdux għall-ġustizzja ta’ Alla.
- Għax Kristu hu tmiem il-liġi għall-ġudizzju ta’ kull min jemmen.
- Għax Mosè kiteb fuq il-ġustizzja li ġejja mil-liġi: Li l-bniedem li jħares dawn il-ħwejjeġ igħix bihom.
- Imma l-ġustizzja li tiġi mill-fidi tgħid hekk: La tgħidx f’qalbek: Min jitla’ fis-sema? jiġifieri, biex iniżżel lil Kristu minn fuq:
- Jew: Min jinżel fil-qiegħ? jiġifieri, biex italla’ lil Kristu mill-imwiet.
- Imma xi tgħid? Il-kelma qiegħda ħdejk, f’fommok stess, u f’qalbek: jiġifieri l-kelma tal-fidi, li aħna nxandru;
- Għax jekk int tistqarr b’fommok li Ġesù hu Mulej, u temmen f’qalbek li Alla qajmu mill-imwiet, inti tkun salvat.
- Wieħed jemmen f’qalbu biex ikollu l-ġustizzja u jistqarr b’xofftejh biex ikollu s-salvazzjoni.
- Għax l-Iskrittura tgħid, ‘Kull min jemmen fih ma jintilifx’.
- Ma hemmx distinzjoni bejn Lhudi u Grieg; Alla hu s-sid ta’ kulħadd u għani ma’ dawk kollha li jsejħulu.
- Għax kull min isejjaħ isem il-Mulej isalva.
- Imma kif jistgħu jsejħu lil dak li ma jemmnux fih? Kif jistgħu jemmnu f’dak li ma semgħux bih? Kif jistgħu jisimgħu jekk ma jxandrulhomx?
- Kif jistgħu jxandrulhom jekk ma jkunux mibgħuta? Bħalma hemm miktub: Kemm huma sbieħ riġlejn dawk li jħabbru l-ġid.
- Iżda mhux kulħadd qagħad għall-kelma tal-Evanġelju. Isaija ħabbar: Mulej, min emmen il-kelma li sama’ mingħan-dna?
- Il-fidi, mela, tiġi mis-smigħ, u s-smigħ mix-xandir tal-kelma ta’ Kristu.
- Iżda ngħid jien: Jaqaw ma semgħux? Iva, tabilħaqq, leħ-inhom instama’ ma’ l-art kollha, u kliemhom sa truf tad-dinja.
- Iżda ngħid jien: Jaqaw Iżrael ma fehemx? L-ewwel Mosè qal: Inqanqal il-għira tagħkom b’dawk li mhumiex ġens, u b’ġens bla moħħ ngħaddabkom.
- Iżda Isaija għandu l-ħila jgħid: Kont misjub minn dawk li ma kinux ifittxuni: dhert lil dawk li ma kinux jistaqsu għalija.
- Iżda għal Iżrael igħid: Il-jum kollu ftaħt idejja għall-poplu li ma jobdix u rasu iebsa.
Rumani 11
- Ngħid mela: Jaqaw rema Alla l-poplu tiegħu? Allaħa-res! Għax jien ukoll Iżraeli, minn nisel Abraham, minn tribù Benjamin.
- Alla ma remiex lill-poplu tiegħu li kien jaf minn qabel. Jew ma tafux xi tgħid l-iskrittura fuq Elija? Kif talab ’l Alla kontra Iżrael?
- Mulej qatlu l-profeti tiegħek, u ġarrfu l-artali tiegħek: u jien bqajt waħdi, u qegħdin ifittxu ħajti.
- Imma x’qaltlu t-tweġiba ta’ Alla? Ħallejt għalija nnifsi sebat elef raġel, li ma lwewx irkupptejhom lejn Bagħal.
- Hekk mela f’dan iż-żmien ukoll hemm fdal skont il-għażla tal-grazzja.
- U, jekk inhu bil-grazzja, mhux aktar bl-opri; inkella l-grazzja mhix aktar grazzja.
- Xi ngħidu, mela? Dak li kien ifittex Iżrael ma kisbux; iżda l-magħżulin kisbuh, u l-oħrajn webbsu qalbhom.
- Kif inhu miktub: Alla tahom spirtu ta’ ngħas qawwi, għajnejn biex ma jarawx, u widnejn biex ma jisimgħux: sa llum.
- U David igħid: Ħa tkun il-mejda tagħhom nassa, u nasba, u ġebla tat-tfixkil, u l-ħlas li ħaqqhom.
- Ħa jiddallmu għajnejhom, biex ma jarawx, u jilwu daharhom għal dejjem.
- Ngħid mela: Tfixklu biex jaqgħu? Ma jkun qatt! Imma per-mezz tal-waqgħa tagħhom ġiet is-salvazzjoni għall-Ġentili, biex tqum il-għira tagħhom.
- Issa jekk il-waqgħa tagħhom kienet ta’ ġid għad-dinja, u t-telfa tagħhom kienet ta’ ġid għall-Ġentili, kemm aktar tkun il-milja tagħhom?
- Għax ngħid lilkom Ġentili: Bħala appostlu tal-Ġentili, jien nagħmel ġieh lill-ministeru tiegħi.
- Jekk b’xi mezz nista’ nqajjem il-għira ta’ dawk li huma demmi, u nsalva x’uħud minnhom.
- Għax jekk ir-rimi tagħhom sar ir-rikonċiljazzjoni tad-dinja, x’ikun id-dħul tagħhom, ħlief ħajja mill-mewt?
- Għax jekk l-ewwel frott imqaddes, imqaddsa wkoll il-għaġna, u jekk il-għerq imqaddes, hekk ukoll il-friegħi.
- U jekk xi friegħi nqatgħu, u int, li int żebbuġa selvaġġa, kont imlaqqam magħhom, biex taqsam magħhom l-għerq u t-tira taż-żebbuġa.
- La tiftaħarx minn fuq il-friegħi. Imma jekk tiftaħar, kun af mhux int li tarfa’ l-għerq, imma l-għerq lilek.
- Int tgħid imbagħad: Inqatgħu l-friegħi, biex nitlaqqam jien.
- Tajjeb; minħabba n-nuqqas tat-twemmin tagħhom inqatgħu, u int bqajt iżżomm bil-fidi tiegħek. La titkabbarx, imma ibża’:
- Għax jekk Alla ma ħelishiex lill-friegħi naturali, lanqas jeħlisha lilek.
- Ara, mela t-tjieba u l-qilla t’Alla: il-qilla fuq dawk li waqgħu; iżda t-tjieba fuqek, jekk int tibqa’ fit-tjieba tiegħu: inkella tkun maqtugħ int ukoll.
- U dawk ukoll, jekk ma jibqgħux ma jemmnux, ikunu mlaqqmin: għax Alla jista’ jlaqqamhom mill-ġdid.
- Għax jekk int kont maqtugħ miż-żebbuġa li min-natura hi selvaġġa, u kont imlaqqam kontra n-natura f’żebbuġa tajba: kemm aktar u aktar dawn, li huma naturali, ikunu mlaqqmin fiż-żebbuġa tagħhom stess?
- Għax ma rridx, ħuti, li ma tkunux tafu dan il-misterju, li ma taħsbux li intom għorrief fi ħsibijietkom; ebusija parzjali waqgħet fuq Iżrael sa ma l-milja tal-Ġentili tkun ġiet;
- U hekk Iżrael kollu jkun salvat: bħalma hu miktub: Minn Sijon joħroġ il-Feddej, u jwarrab il-ħażen minn Ġakobb:
- Għax din hi r-rabta tiegħi magħhom, meta nneħħi dnu-biethom.
- Skont l-evanġelju, huma għedewwa, minħabba fikom: iżda skont il-għażla, huma maħba minħabba missirijiethom.
- Għax id-doni u s-sejħa ta’ Alla ma jittiħdux lura.
- Għax bħalma fl-imgħoddi intom ma kontux tobdu lil Alla, iżda issa ksibtu l-ħniena minħabba d-diżubbidjenza tagħ-hom.
- Hekk ukoll dawn issa kienu diżubbidjenti, biex permezz tal-ħniena murija lilkom huma wkoll jiksbu l-ħniena.
- Għax Alla għalaqhom ilkoll fid-diżubbidjenza biex ikollu ħniena ma’ kulħadd.
- O l-fond bla tarf tal-għana sew tal-għerf u kemm tal-għarfa ta’ Alla! Kemm ma jistgħux jinkixfu l-ġudizzji tiegħu, u t-triqat tiegħu ma jistgħux jitkejlu!
- Għax min għaraf il-ħsieb tal-Mulej? jew min qatt tah parir?
- Min qatt ta l-ewwel lilu, biex lilu jkun jistħoqqlu l-ħlas?
- Għax minnu, u bih, u għalih, huma l-ħwejjeġ kollha: lilu l-glorja għal dejjem Amen.
Rumani 12
- Nitlobkom mela, ħuti għall-ħniena ta’ Alla, biex tagħtu lil gisimkom bħala sagrifiċċju ħaj, imqaddes, u li jogħġob ’l Alla: li hu l-qima spiritwali tagħkom.
- U la timxux max-xejra ta’ dan iż-żmien, imma nbidlu bit-tiġdid ta’ moħħkom, biex tagħrfu liema hi dik ir-rieda tajba u aċċettabbli u perfetta ta’ Alla.
- Għax ngħid, permezz tal-grazzja mogħtija lili, lil kull wieħed fostkom, biex ma jqisx ruħu aktar milli hu xieraq li jqis; iżda jqis kif jixraq, skont il-qjies tal-fidi li Alla ta lil kull bniedem.
- Għax bħalma għandna ħafna membri f’ġisem wieħed, u l-membri kollha m’għandhomx l-istess xogħol:
- Hekk aħna, billi aħna ħafna, ġisem wieħed fi Kristu, u kull wieħed membri ta’ xulxin.
- Billi għandna mela doni differenti skont il-grazzja mogħtija lilna, jekk inhi profezija, ħa nipprofetizzaw skont il-qjies tal-fidi.
- Jekk ministeru, ħa nieħdu ħsieb il-ministeru tagħna: jew min igħallem, ħa jieħu ħsieb it-tagħlim.
- Jew min iwissi, ħa jieħu ħsieb it-twissija: min jagħti, ħa jagħti b’idejh miftuħa, min għandu s-setgħa, bil-ħerqa; min jagħmel atti ta’ ħniena, bil-ferħa.
- Ħa tkun l-imħabba bla uċuh. Stmerru dak li hu ħażin; żommu sħiħ mat-tajjeb.
- Għożżu ’l xulxin b’imħabba ta’ aħwa; fil-ġieh qisu lil xulxin ogħla.
- Tkunux traskurati fil-ħeġġa; kunu ferventi fl-ispirtu; taqdu lill-Mulej.
- Ifirħu fit-tama, stabru fil-hemm, itolbu bla ma taqtgħu qalbkom.
- Agħtu għall-ħtiġijiet tal-qaddisin; fitxxu biex turu l-ospitalità.
- Bierku lil dawk li jippersegwitawkom: bierku, u la tisħtux.
- Ifirħu ma’ min jifraħ; u ibku ma’ min jibki.
- Aqblu ma’ xulxin. Tixtiqux ħwejjeġ kbar, agħmluha ma’ nies umli. Tgħoddux ruħkom b’għorrief fil-ħsibijiet tagħkom.
- La troddu lil ħadd deni għal deni. Agħmlu ħwejjeġ onesti quddiem il-bnedmin kollha.
- Jekk jista’ jkun, daqs kemm jiġi minnkom, għixu fil-paċi ma’ kulħadd.
- Maħbubin tiegħi, qatt tagħmlu vendetta b’idejkom, imma agħmlu l-wisa’ għall-għadab ta’ Alla, għax hu miktub: Għalija l-vendetta, jien inħallas, igħid il-Mulej.
- Għalhekk jekk l-għadu tiegħek bil-ġuħ, itimgħu; jekk inhu bil-għatx, isqih; għax billi tagħmel dan, tkun qiegħed tiġ-bor ġamar jaħraq fuq rasu.
- Tintrebaħx mill-ħażen, imma irbaħ il-ħażen bit-tajjeb.
Rumani 13
- Ħalli kull ruħ tkun suġġetta għal awtorità aktar għolja. Għax mhemm ebda awtorità ħlief dik ta’ Alla: l-awtoritajiet li hawn huma mwaqqfin minn Alla.
- Għalhekk kull min jieqaf lil l-awtoritajiet, ikun qiegħed jieqaf lill-ordni ta’ Alla jiġbdu fuqhom il-kundanna.
- Għax il-ħakkiema mhumiex biża’ għall-opra tajba, iżda għall-ħżiena. Trid mela ma tibżax minn min hu fl-awtorità? Agħmel dak li hu tajjeb, u jkollok tifħir minnu.
- Għax hu l-qaddej ta’ Alla għalik għall-ġid. Iżda jekk tagħmel il-ħażin ibża’; għax mhux għalxejn għandu x-xabla: hu l-qaddej ta’ Alla, vendikatur għall-korla biex jikkastiga lil min jagħmel il-ħażin.
- Għalhekk jaħtieġ li tkunu suġġetti mhux biss minħabba l-għadab ta’ Alla, imma minħabba l-kuxjenza wkoll.
- Għax għalhekk għandkom tħallsu l-ħaraġ ukoll: għax huma l-ministri ta’ Alla, li jagħmlu dil-ħaġa kuljum.
- Roddu mela lil kulħadd dak li jmissu: il-ħaraġ lil min imissu l-ħaraġ; it-taxxi lil min imissu t-taxxi; rispett lil min imissu rispett, il-ġieħ lil min imissu l-ġieħ.
- M’għandu jkollkom tagħtu xejn lil ħadd; ħlief li tħobbu lil xulxin: għax min iħobb lil ħaddieħor iwettaq il-liġi.
- Għalhekk: La tagħmilx adulterju: La toqtolx, La tisraqx, La tkunx rgħib, u jekk hemm kmandament ieħor, jinġabar fil-qosor fil-kelma: Ħobb lil għajrek bħalek innifsek.
- L-imħabba ma tagħmilx deni li għajrek. Għalhekk l-imħabba hi t-twettiq tal-liġi.
- U dan, għax tafu xi żmien hu; li qorob il-ħin li tqumu min-ngħas: għax issa s-salvazzjoni tagħna hi eqreb minn meta sirna nemmnu.
- Il-lejl daħal sewwa; in-nhar qorob: Ħa nneħħu mela l-opri tad-dlam, u ħa nilbsu l-armi tad-dawl.
- Ħa nimxu onestament, qisu bi nhar; mhux fix-xalar u s-sokor, mhux f’immoralità sesswali, mhux fil-ġlied u l-għira.
- Imma ilbsu l-Mulej Ġesù Kristu, u tagħtux ħsieb tal-ġisem, biex taqtgħu x-xewqat ħżiena tiegħu.
Rumani 14
- Ilqugħ lil min hu dgħajjef fil-fidi, iżda mhux għal deċiżjonijiet ta’ skrupli.
- Għax wieħed jemmen li jista’ jiekol kollox; ieħor, li hu dgħajjef, jiekol il-ħaxix.
- Ħalli min jiekol ma jmaqdarx lil dak li ma jikolx; u min ma jikolx ma jiġġudikax lil dak li jiekol; għax Alla laqgħu.
- Int min int biex tiġġudika lill-qaddej ta’ ħaddieħor? Għal sidu jżomm wieqaf jew jaqa’. Iva, iżomm wieqaf: għax il-Mulej jiflaħ iżommu wieqaf.
- Wieħed iqis jum ogħla minn ieħor: ieħor kollha l-istess: ħa jkun kull wieħed ikun żgur għalkollox f’moħħu stess.
- Min iqis il-jum, iqisu għall-Mulej: u min ma jqisx il-jum, ma jqisux għall-Mulej. Min jiekol, jiekol għall-Mulej, għax jiżżi ħajr lil Alla; u min ma jikolx, ma jikolx għall-Mulej, u jiżżi ħajr lil Alla.
- Għax ħadd minna ma jgħix għalih innifsu, u ħadd ma jmut għalih inifsu.
- Għax jekk ngħixu, ngħixu għall-Mulej; u jekk immutu, immutu għall-Mulej: mela sew jekk ngħixu, u kemm jekk immutu, aħna tal-Mulej.
- Għax għalhekk Kristu miet, u qam, u raġa’ ħa l-ħajja, biex ikun il-Mulej sew tal-mejtin u kemm tal-ħajjin.
- Imma int għax tiġġudika lil ħuk? Jew int għax tmaqdar lil ħuk? Għax aħna lkoll għad irridu nidhru quddiem it-tribunal ta’ Kristu.
- Għax hu miktub: Daqskemm jien ħaj, igħid il-Mulej, kull irkoppa titlewa quddiemi, u kull ilsien jistqarr ’l Alla.
- Mela kull wieħed minna jagħti kont lil Alla tiegħu nnifsu.
- Ħa ma niġġudikawx mela aktar lil xulxin: iżda pjuttost dan għandu jkun il-ġudizzju tagħkom, li ħadd ma jagħmel ebda tfixkil jew tiġrif fi triq ħuh.
- Jien naf u nħossni żgur bil-Mulej Ġesù, li m’hemm xejn imniġġes fih innifsu: iżda għal min jaħseb li xi ħaġa hi mniġġsa, dik imniġġsa għalih.
- Imma jekk ħuk jitnikket minħabba l-ikel tiegħek, int issa ma timxix bl-imħabba. La titlifx bl-ikel tiegħek lil dak li Kristu miet għalih.
- Tħallux mela t-tajjeb tagħkom ikun imgħajjar.
- Għax is-saltna ta’ Alla m’hijiex ikel u xorb, imma ġustizzja, u sliem, u ferħ fl-Ispirtu Qaddis.
- Għax min f’dawn il-ħwejjeġ jaqdi lil Kristu jkun jogħġob lil Alla, u n-nies ma tgħid xejn fih.
- Ħa nimxu mela wara dawk il-ħwejjeġ li jġibu s-sliem, u l-ħwejjeġ li bihom intejbu wieħed lil ieħor.
- Tħassarx mela x-xogħol ta’ Alla minħabba l-ikel. Tas-sew kollox safi: iżda hu ħażin għal min jiekol bit-tfixkil.
- Tajjeb li la tiekol laħam, u la tixrob inbid, u lanqas ħaġ’oħra li biha ħuk jista’ jitfixkel, jew joffendi ruħu, jew jiddgħajjef.
- Għandek fidi? żommha għalik quddiem Alla. Hieni min ma jikkundannax lilu nnifsu b’dak li jagħżel biex jagħmel.
- Imma min hu fid-dubju, jikkundanna lilu nnifsu jekk jiekol, għax ma jikolx bil-fidi: għax dak kollu li mhux mill-fidi hu dnub.
Rumani 15
- Aħna mela l-qawwijin għandna nerfgħu d-dgħufija ta’ dawk li huma dgħajfa, u mhux nogħġbu lilna nfusna.
- Ħalli kull wieħed minna jogħġob lil għajru għall-ġid tiegħu biex itejbu.
- Għax Kristu stess ma għoġobx lilu nnifsu; iżda, bħalma hu miktub: It-tagħjir ta’ dawk li għajruk waqa’ fuqi.
- Kull ma nkiteb fl-Iskrittura fl-imgħoddi, inkiteb għat-tagħlim tagħna, biex permezz tas-sabar u bis-saħħa tal-qalb li tagħmlilna l-Iskrittura, aħna jkollna t-tama.
- Issa Alla tas-sabar u tal-faraġ jagħtikom li taqblu fil-fehma bejnietkom skont Kristu Ġesù.
- Biex b’fehma waħda u b’fomm wieħed tigglorifikaw lil Alla, Missier Ġesù Kristu l-Mulej tagħna
- Għalhekk ilqgħu lil xulxin, bħalma Kristu wkoll laqa-għna għall-glorja ta’ Alla.
- Jien ngħid li Kristu sar ministru taċ-ċirkonċiżjoni għall-verità ta’ Alla, biex iwettaq il-wegħdi li saru lill-patrijarki.
- U biex il-Ġentili jigglorifikaw lil Alla għall-ħniena tiegħu: kif inhu miktub: Għalhekk infaħħrek qalb il-Ġentili, u ngħanni lil ismek.
- U jgħid ukoll: Ifirħu, ja Ġentili, mal-poplu tiegħu.
- Ukoll: Faħħru l-Mulej, intom il-Ġentili kollha; u faħħruh, intom il-popli kollha.
- Jgħid ukoll Isaija: Ikun hemm il-għerq ta’ Ġessi, u dak li jqum biex isaltan fuq il-Ġentili; fih il-Ġentili jittamaw.
- U Alla tat-tama jimliekom ilkoll bil-ferħ u s-sliem permezz tal-fidi tagħkom, sabiex it-tama tagħkom toktor bil-qawwa tal-Ispirtu Qaddis.
- U jiena stess ukoll żgur minnkom, ħuti, li intom ukoll mimlijin tjieba, mfawrin b’kull għerf, u li tistgħu twissu wieħed lil ieħor.
- Madankollu, ħuti, ktibtilkom iżjed kif inħossha, xi drabi, bħal biex infakkarkom, minħabba l-grazzja mogħtija lili minn Alla.
- Biex inkun il-ministru ta’ Kristu Ġesù għall-Ġentili; bil-li naħdem bħala ministru tal-evanġelju ta’ Alla, biex il-Ġentili jkunu sagrifiċċju li jogħġob, imqaddsin bl-Ispirtu Qaddis.
- Għalhekk jien għandi għalfejn nista’ niftaħar fi Kristu Ġesù, f’dawk il-ħwejjeġ li huma ta’ Alla.
- Għax m’għandix ħila nitkellem fuq ħaġa li Kristu ma għamilx bija, biex inġib il-Ġentili għall-ubbidjenza, bil-kelma u l-għemil.
- Permezz ta’ sinjali kbar u għeġubijiet, bis-setgħa tal-Ispirtu ta’ Alla: hekk li minn Ġerusalemm, dawramejt sa l-Illirja, seħħ bija x-xandir tal-Evanġelju ta’ Ġesù.
- Iva, tħabbatt bil-ħeġġa biex inxandar l-evanġelju, mhux fejn isem Kristu kien magħruf, biex ma nibnix fuq il-pedamenti ta’ bniedem ieħor:
- Iżda bħalma hu miktub: Dawk li lilhom ma kienx im-ħabbar, jaraw: u dawk li qatt ma semgħu, jifhmu.
- Għalhekk jien kont imfixkel wisq li niġi għandkom.
- Imma issa, billi m’għandix aktar x’nagħmel f’dawn l-inħawi, u billi ilni ħafna snin bix-xewqa li niġi għandkom;
- Meta mmur Spanja, niġi għandkom: għax nittama li fil-vjaġġ tiegħi narakom, u li nkun imqabbad it-triq ’il hemm minnkom, wara li l-ewwel inkun imtlejt xi ftit bil-ferħ li nkun magħkom.
- Imma issa sejjer Ġerusalemm biex naqdi l-qaddisin.
- Għax għoġob lil dawk tal-Maċedonja u tal-Akaja li jagħmlu xi kontribuzzjoni għall-qaddisin foqra li huma Ġeru-salem.
- Għoġobhom tassew; u huma obbligati lejhom. Għax jekk il-Ġentili ħadu sehem mill-ħwejjeġ spiritwali tagħhom, id-dmir tagħhom hu wkoll li jgħinuhom fi ħwejjeġ tal-ġisem.
- Meta mela jien inkun temmejt dan, u nkun tajthom f’idejhom il-frott ta’ dil-ġabra, ngħaddi minn għandkom għal Spanja.
- U jien żgur li, meta niġi għandkom, niġi fil-milja tal-barka tal-evanġelju ta’ Kristu.
- Issa nitlobkom, ħuti, f’ġieħ il-Mulej tagħna Ġesù Kristu, u f’ġieħ l-imħabba tal-Ispirtu, li titħabtu flimkien miegħi fit-talb tagħ-kom lil Alla għalija;
- Biex neħles minn dawk li ma jemmnux fil-Lhudija, u biex il-qadja li għandi Ġerusalemm tkun milqugħa tajjeb mill-qaddisin;
- Biex niġi ferħan għandkom, jekk Alla jrid, u nsib il-mistrieħ magħkom.
- Issa Alla tas-sliem ikun magħkom ilkoll. Amen.
Rumani 16
- Nirrikmandalkom ’l oħtna Febe, qaddejja tal-knisja ta’ Kenkre:
- Biex tilqgħuha fil-Mulej, kif jixraq lill-qaddisin, u tgħi-nuha f’kulma għandha bżonn minn għandkom, għax hi kienet ta’ għajnuna lil ħafna, u għalija nnifsi wkoll
- Sellu għal Priska u għal Akwila, ħaddiema sħabi fi Kristu Ġesù;
- Li għal ħajti issugraw għonqhom: u niżżihom ħajr mhux jien waħdi, imma wkoll il-knejjes kollha tal-Ġentili;
- Inselli wkoll għall-knisja li hemm f’darhom. Sellu għal Epenetus il-maħbub tiegħi, l-ewwel frott għal Kristu fl-Akaja.
- Sellu għal Marija, li tħabtet ħafna għalina.
- Sellu għal Andronikus u għal Ġunja, qraba tiegħi, u sħabi fil-ħabs, magħrufin fost l-appostli, li kienu wkoll qabli fi Kristu.
- Sellu għal Amplijatus il-maħbub tiegħi fil-Mulej.
- Sellu għal Urbanu, seħibna fix-xogħol fi Kristu, u Stakis il-maħbub tiegħi.
- Sellu għal Apelle, ippruvat fi Kristu. Sellu għan-nies tad-dar ta’ Aristobolus.
- Sellu għal Herdojon qaribi. Sellu għal tad-dar ta’ Narkissus, li huma fil-Mulej.
- Sellu għal Trifena, u għal Trifosa, li jitħabtu fil-Mulej. Sellu għal Persis il-maħbuba tiegħi li tħabtet ħafna fil-Mulej.
- Sellu għal Rufus, il-maħtur fil-Mulej u l-omm tiegħu u tiegħi.
- Sellu għal Asinkritus, għal Flegon, għal Herma, għal Patroba, għal Ħerme, u l-aħwa li huma magħhom.
- Sellu għal Filologus, u għal Ġulja, u Nereus, u għal oħtu; għal Olimpja, u għall-qaddisin kollha li hemm magħhom.
- Sellu għal xulxin b’bewsa qaddisa. Isellu għalikom il-knejjes ta’ Kristu.
- Issa nitlobkom, ħuti, għassulhom lil dawk li qegħdin jikkaġunaw firda u tfixkil, kuntrarju għad-duttrina li tgħallimtu: u warrbu minnhom.
- Għax nies bħal dawn ma jaqdux lill-Mulej tagħna Kristu, imma lix-xewqat tagħhom, u bi kliem ħelu u diskors melliesi jqarrqu bil-qlub tan-nies bla ħażen.
- Għax l-ubbidjenza tagħkom magħrufa ma’ kulħadd. Jien nifraħ mela bikom; imma rridkom tkunu għaqlin f’dak kollu li hu tajjeb, u bla qerq f’dak li hu ħażin.
- U Alla tas-sliem ma jdumx ma jgħaffeġ lil Satana taħt riġlejkom. Il-grazzja tal-Mulej tagħna Ġesù tkun magħkom. Amen.
- Timotju ħaddiem sieħbi, u Lukus, u Ġason, u Sosipatros, qraba tiegħi, isellu għalikom.
- Jien Tertjus, li ktibt din l-epistola, inselli għalikom fil-Mulej.
- Iselli għalikom Gajus li laqa’ lili għandu, u l-knisja koll-ha. Iselli għalikom Erastus, u l-knisja kollha. Iselli għalikom Erastus it-teżorier tal-belt, u Kwartus ħuna.
- [Il-grazzja tal-Mulej tagħna Ġesù Kristu magħkom ilkoll. Amen.]
- Issa lil dak li għandu s-setgħa jwettaqkom skont l-evanġelju tiegħi, u x-xandir ta’ Ġesù Kristu, skont ir-rivelazzjoni tal-misterju, li nżamm sieket sa minn żminijiet bla tmiem,
- Imma issa mikxuf, u bil-kitba tal-profeti, skont l-ordni ta’ Alla ta’ dejjem, imgħarraf lill-ġnus kollha, għall-ubbidjenza tal-fidi;
- Lil Alla li hu waħdu għaref, tkun il-glorja għal dejjem ta’ dejjem, b’Ġesù Kristu. Amen.