L-Ewwel Ittra Ta’ Ġwanni
L-EWWEL ITTRA TA’ ĠWANNI
Dwar Din l-Ittra
Il-Kittieb ta’ din l-ittra mhwiex imsemmi direttament. Huwa jirriferi għalih innifsu bħala “ix-xiħ” (presbiteru), (1 Ġwanni 1:1; 3 Ġwanni 1). Dwar din l-ittra, l-awtur jista’ b’mod raġjunevoli jkun iddeterminat li huwa Ġwanni l-Appostlu. Il-ftuħ ta’ Ġwanni huwa miktub minn perspettiva ta’ xi ħadd li kien hemm ma’ Ġesù (Ġwanni 1:1-4).
Din l-ittra probabbilment kienet miktuba bejn is-sena 85 u s-sena 95 W.K.
Ġwanni jrid lil emmiena Kristjani li jkunu jafu li meta huma jgħidu lil Alla dwar dnubiethom, Alla jaħfrilhom u jnaddaffhom (1:9).
Il-vera prova tal-fidi hija l-imħabba għal xulxin (3:11-24). Billi Alla hu mħabba, in-nies Tiegħu għandhom ikunu bħalu (4:1-21). Għall-vittorja sħiħa fuq id-dnub, aħna mhux biss għandna nħobbu lil xulxin, imma għandna nemmnu li Ġesù, l-Iben ta’ Alla, huwa tassew Kristu, u li l-mewt Tiegħu għalina kienet reali (5:1-12).
Ftakar:
“1Dak li kien mill-bidu, dak li aħna smajna, li rajna b’għaj-nejna, li lejh ħarisna u li messew idejna, jiġifieri l-verb, il-kelma tal-ħajja, dan sejrin inxandrulkom” (1:1)
Ħarsa Ħafifa Lejn Din l-Ittra
• Il-Kelma li Tagħti l-Ħajja (1:1-4)• Alla Hu Dawl u Kristu Hu l-Eżempju Tagħna (1:5—2:6)
• Il-Kmandament il-Ġdid (2:7-17)
• L-Għedewwa ta’ Kristu u Wlied Alla (2:18—3:10)
• L-Imħabba ta’ Alla u l-Imħabba Tagħna (2:18—3:10)
• Vittorja Fuq id-Dinja (4:21-23) (5:1-20)
• Twissija Kontra l-Idoli (5:21)
1 Ġwanni 1
- Dak li kien mill-bidu, dak li aħna smajna, li rajna b’għajnejna, li lejh ħarisna u li messew idejna, jiġifieri l-verb, il-kelma tal-ħajja, dan sejrin inxandrulkom.
- Għax il-ħajja dehret u aħna rajnieha u qegħdin nixhdu għaliha. Qegħdin inxandrulkom il-ħajja ta’ dejjem li kienet għand il-Missier u dehret lilna.
- Qegħdin inxandrulkom dak li aħna rajna u smajna, biex intom tissieħbu magħna, u l-għaqda tagħna tkun mal-Missier u ma’ Ibnu Ġesù Kristu.
- U qegħdin niktbu dan biex il-ferħ tagħkom ikun sħiħ.
- Din mela hi l-bxara li aħna smajna mingħandu, u ngħaruhielkom, li Alla hu dawl, u fih m’hemmx dlam.
- Jekk ngħidu li aħna mxerkin miegħu, u nimxu fid-dlam, aħna nigdbu, u ma nagħmlux il-verità:
- Imma jekk nimxu fid-dawl, bħalma hu fid-dawl, aħna mxerkin bejnietna, u d-demm ta’ Ġesù Kristu Ibnu jnaddafna minn kull dnub.
- Jekk ngħidu li m’għandna l-ebda dnub, aħna nqarrqu bina nfusna, u l-verità ma tkunx fina.
- Jekk nistqarru dnubietna, hu fidil u ġust biex jaħfrilna dnubietna, u jnaddafna minn kull ħażen.
- Jekk ngħidu li ma dnibniex, noħorġuh ta’ giddieb, u l-kelma tiegħu mhix fina.
1 Ġwanni 2
- Uliedi ż-żgħar, qiegħed niktbilkom dawn il-ħwejjeġ, biex ma tidinbux. U jekk xi ħadd jidneb, għandna bħala avukat quddiem il-Missier, lil Ġesù Kristu l-ġust:
- U hu l-propizjazzjoni għal dnubietna, mhux għal tagħna biss, iżda wkoll għal dawk tad-dinja kollha.
- B’dan nafu li nagħrfu ’l Ġesù: jekk inżommu l-kman-damenti tiegħu.
- Min igħid “Jien nafu” u ma jżommx il-kmandamenti tiegħu, hu giddieb u l-verità mhix fih.
- Iżda kull in iżomm il-kelma tiegħu, fih hemm tassew l-imħabba ta’ Alla fil-milja tagħha. B’dan nagħrfu li aħna fih.
- Min igħid li qiegħed igħammar fih, jeħtieġ li hu jgħix kif għex hu stess.
- Għeżież, miniex niktbilkom xi kmandament ġdid, imma kmandament qadim li kellkom sa mill-bidu. Il-kmandament il-qadim hu l-kelma li intom smajtu.
- B’danakollu kmandament ġdid qiegħed niktbilkom: għax seħħ tassew fi Kristu u fikom, għax id-dlam għadda u d-dawl tassew ġa qiegħed jiddi.
- Min igħid li qiegħed fid-dawl, u jobgħod ’il ħuh, għadu fid-dlam sa issa.
- Min iħobb ’il ħuh, igħammar fid-dawl, u fih ma hemm ebda tfixkil.
- Iżda min jobgħod ’il ħuh, jinsab fid-dlam, jimxi fid-dlam, u ma jafx fejn hu sejjer, għax id-dlam għamielu għajnejh.
- Qiegħed nikteb lilkom uliedi, għax intom dnubietkom maħfura bis-saħħa ta’ ismu.
- Qiegħed nikteb lilkom, missirijiet, għax intom għaraftu ’l dak li hu sa mill-bidu. Qiegħed nikteb lilkom, żgħażagħ, għax intom irbaħtu l-ħażin.
- Ktibt lilkom, missirijiet, għax intom għaraftu lil dak li hu sa mill-bidu. Ktibt lilkom żgħażagħ, għax intom qawwija u l-kelma ta’ Alla qiegħda tgħammar fikom u intom irbaħtu l-ħażin.
- Tħobbux id-dinja u anqas dak li hemm fiha. Jekk xi ħadd iħobb id-dinja, l-imħabba tal-Missier ma tgħammarx fih.
- Għax kull ma fiha d-dinja, jiġifieri l-ġibda tal-ġisem u l-ġibda tal-għajnejn u l-kburija tal-ħajja, dan mhuwiex ġej mill-Missier imma mid-dinja.
- U d-dinja tgħaddi, u x-xewqat tagħha wkoll: imma min jagħmel ir-rieda ta’ Alla jibqa’ għal dejjem.
- Uliedi żgħar, din hi l-aħħar siegħa: intom smajtu li għandu jiġi l-antikrist, u issa hawn ħafna antikristijiet; minn dandan nagħrfu li waslet l-aħħar siegħa.
- Dawn ħarġu minn fostna, imma ma kinux minn tagħna; għax kieku kienu minn tagħna, bla dubju kienu jibqgħu magħna: imma dawn ħarġu, biex jidhru li mhux kollha huma tagħna.
- Imma intom għandkom id-dlik mill-Qaddis, u tafu kollox.
- Ma ktibtilkomx għax ma tafux il-verità, imma għax tafuha, u l-ebda gidba mhi ġejja mill-verità.
- Min hu giddieb, ħlief dak li jiċħad li Ġesù hu l-Kristu? Dan hu l-antikrist, li jiċħad il-Missier u l-Iben.
- Kull min jiċħad l-Iben, ma għandu lanqas il-Missier, imma min jistqarr l-Iben għandu l-Missier, ukoll.
- Ħa jibqa’ fikom mela dak li smajtu mill-bidu. Jekk jib-qa’ fikom dak li smajtu mill-bidu, tibqgħu intom ukoll fl-Iben, u fil-Missier.
- U din hi l-wegħda li hu wegħidna: il-ħajja ta’ dejjem.
- Ktibtilkom dawn il-ħwejjeġ fuq dawk li jqarrqu bikom.
- Imma d-dlik li ħadtu minn għandu jibqa’ fikom, u ma taħtiġux li ħaddieħor igħallimkom. Imma billi d-dlik tiegħu jgħallimkom fuq kollox, għax hu veru, u mhux gidba, u billi hu għallimkom, ibqgħu fih.
- U issa, uliedi żgħar, ibqgħu fih; biex, meta jidher, ikoll-na fiduċja, u ma nistħux quddiemu fil-miġja tiegħu.
- Jekk intom tafu li hu ġust, tafu li kull min jagħmel il-ġustizzja tiegħu hu mwieled minnu.
1 Ġwanni 3
- Ara, liema mħabba xerred fuqna l-Missier, biex nissejħu wlied Alla: għalhekk id-dinja ma tagħrafniex, għax ma tagħrafx lilu.
- Maħbubin, issa aħna wlied Alla, u għadu ma deherx x’sa nkunu: imma nafu li, meta jidher, aħna nkunu bħalu; għax narawh kif inhu.
- U kull bniedem li għandu dit-tama fih għandu jissaffa, bħalma hu safi Kristu.
- Kull min jagħmel id-dnub jikser ukoll il-liġi, għax id-dnub hu l-ksur tal-liġi.
- Imma intom tafu li hu deher biex ineħħi dnubietna; u li m’hemm ebda dnub fih.
- Kull min igħammar fih ma jidnibx: kull min jidneb ma rahx, u lanqas għarfu.
- Uliedi ż-żgħar, tħallu ebda bniedem iqarraq bikom: min jagħmel il-ħaqq hu ġust, bħalma Kristu hu ġust.
- Min jagħmel id-dnub ġej mix-Xitan; għax ix-Xitan dineb sa mill-bidu. Għal din ir-raġuni deher Bin Alla, biex jeqred l-opri tax-Xitan.
- Kull min hu mwieled minn Alla ma jagħmilx dnub; għax iż-żerriegħa tiegħu tibqa’ fih: u ma jistax jidneb, għax imwieled minn Alla.
- F’dan jidhru wlied Alla, u wlied ix-Xitan: kull min ma jagħmilx il-ħaqq mhux minn Alla, lanqas min ma jħobbx ’il ħuh.
- Għax din hi l-bxara li smajtu mill-bidu, li għandna nħobbu ’l xulxin.
- Mhux bħal Kajjin, li kien minn dak il-ħażin, u qatel ’il ħuh. U għaliex qatlu? Għax l-opri tiegħu kienu ħżiena, u ta’ ħuh tajbin.
- Tistagħġbux, ħuti, jekk tobgħodkom id-dinja.
- Aħna nafu li għaddejna mill-mewt għall-ħajja, għax inħobbu l-aħwa. Min ma jħobbx igħix fil-mewt.
- Kull min jobgħod ’il ħuh hu qattiel: u intom tafu li ebda qattiel ma għandu l-ħajja ta’ dejjem tgħammar fih.
- Minn dan għarafna l-imħabba, għax hu (Kristu) ta ruħu għalina: u aħna għandna nagħtu ħajjitna għall-aħwa.
- Imma kull min ikollu l-ġid ta’ din id-dinja, u jara ’l ħuh fil-bżonn, u jwarrab il-ħniena ta’ qalbu għalih, kif tista’ l-imħabba ta’ Alla tgħammar fih?
- Uliedi ż-żgħar, ħa ma nħobbux bil-kliem, lanqas bl-ilsien, imma bil-għemil u bil-verità.
- Minn dan nagħrfu li aħna fil-verità, u nassiguraw qlubna quddiemu.
- Għax jekk qalbna ċċanfarna, Alla hu akbar minn qalbna, u hu jaf kollox.
- Maħbubin, jekk qalbna ma ċċanfarniex, aħna għandna fiduċja f’Alla.
- U kulma nitolbu, naqilgħuh mingħandu, għax inħarsu l-kmandamenti tiegħu, u nagħmlu dawk il-ħwejjeġ li jogħġbu lilu.
- U dan hu l-kmandament tiegħu: Li nemmnu f’isem Ibnu Ġesù Kristu, u nħobbu ’l xulxin, bħal ma tana l-kmandament.
- U min iħares il-kmandamenti tiegħu jgħammar fih, u hu fih. U minn dan nagħrfu li hu jgħammar fina, mill-Ispirtu li tana.
1 Ġwanni 4
- Maħbubin, temmnux kull xorta ta’ spirtu, imma stħarrġuhom l-ispirti biex taraw ikunux ġejja minn Alla: għax kienu ħafna l-profeti foloz li ħarġu barra fid-dinja.
- L-Ispirtu ta’ Alla tagħrfuh b’dan: kull spirtu, li jistqarr li Ġesù Kristu sar bniedem, hu minn Alla.
- U kull spirtu, li ma jistqarrx lil Ġesù, mhuwiex minn Alla; dan hu l-ispirtu tal-antikrist, li intom smajtu li għandu jiġi, anzi minn issa stess ġa qiegħed fid-dinja.
- Intom minn Alla, uliedi, u ġa għelibtuh, għax dak li hemm igħammar fikom hu akbar mill-ispirtu li hemm fid-dinja.
- Huma mid-dinja; għalhekk jitkellmu skont id-dinja, u d-dinja lilhom tagħti widen.
- Aħna, iżda, ġejjin minn Alla; mela min jagħraf ’l Alla jisma’ lilna; min mhux ta’ Alla ma jismagħniex. Minn dan nagħrfu l-Ispirtu tal-verità, u l-ispirtu ta’ l-iżball.
- Għeżież, ejjew inħobbu ’l xulxin, għax l-imħabba ġejja minn Alla, u kull min iħobb hu mwieled minn Alla u jagħraf lil Alla.
- Dak li ma jħobbx ma għarafx lil Alla, għax Alla hu mħabba.
- B’dan dehret l-imħabba ta’ Alla fina, għax Alla bagħat lil Ibnu, l-uniku mnissel fid-dinja biex ngħixu bih.
- U hawn qiegħda l-imħabba: mhux għax aħna ħabbejna ’l Alla, imma għax ħabbna hu u bagħat lil Ibnu biex ikun ta’ tpattija għal dnubietna.
- Maħbubin, jekk Alla ħabbna daqshekk, aħna wkoll għandna nħobbu lil xulxin.
- Lil Alla għadu ħadd ma rah, imma jekk inħobbu ’l xulxin hu jgħammar fina, u mħabbtu ssib il-milja tagħha fina.
- Minn dan nagħrfu li aħna ngħammru fih u hu fina, għax tana sehem mill-Ispirtu tiegħu.
- U aħna rajna, u nagħtu xhieda, li l-Missier bagħat lil Ibnu s-Salvatur tad-dinja.
- Kull min jistqarr li Ġesù hu l-Iben ta’ Alla, Alla jgħammar fih, u hu f’Alla.
- U aħna għarafna u aħna emminna l-imħabba li għandu Alla għalina. Alla hu mħabba; u min igħammar fl-imħabba jgħammar f’Alla, u Alla jgħammar fih.
- F’dan issir perfetta l-imħabba tagħna, ħalli aħna nqaw-wu qalbna għal jum il-ħaqq, għax saħansitra f’din id-dinja aħna sirna bħalu.
- Fl-imħabba ma hemmx biża’; l-imħabba sħiħa tkeċċi l-biża’ ’l barra, għax il-biża’ għandu x’jaqsam mal-ħaqq. Min jibża’ għadu ma sabx il-milja tal-imħabba.
- Aħna nħobbuh, għax hu ħabbna l-ewwel.
- Jekk wieħed igħid: Inħobb lil Alla, u jobgħod lil ħuh, hu giddieb: għax jekk wieħed ma jħobbx lil ħuh li jarah, hu ma jistax iħobb lil Alla li ma jarahx.
- U dan hu l-kmandament li għandna minnu: Min iħobb ’l Alla, iħobb ’il ħuh ukoll.
1 Ġwanni 5
- Kull min jemmen li Ġesù hu l-Kristu hu mwieled minn Alla: u kull min iħobb lil dak li wildu jħobb lil dak li twieled minnu.
- B’dan nagħrfu li aħna nħobbu lil ulied Alla, meta aħna nħobbu ’l Alla, u nħarsu l-kmandamenti tiegħu.
- Għax din hi l-imħabba ta’ Alla, li nħarsu l-kmandamenti tiegħu: u l-kmandamenti tiegħu mhumiex tqal.
- Għax kull min twieled minn Alla rebaħ id-dinja: u din hi rebħa li rebħet id-dinja, il-fidi tagħna.
- Min hu li jirbaħ id-dinja ħlief min jemmen li Ġesù hu Bin Alla?
- Dan hu dak li ġie bl-ilma u d-demm: Ġesù Kristu; mhux bl-ilma waħdu, imma bl-ilma u d-demm.
- U hu l-Ispirtu li jixhed, għax l-Ispirtu hu l-verità.
- Għaliex tlieta huma li jixhdu: l-Ispirtu u l-ilma u d-demm: u tlieta huma f’wieħed.
- Jekk ix-xhieda tal-bnedmin nilqugħa, ix-xhieda ta’ Alla hi aqwa; għax din hi x-xhieda ta’ Alla li hu ta għal Ibnu.
- Min jemmen fl-Iben ta’ Alla għandu fih ix-xhieda: min ma jemminx f’Alla jagħmel lilu giddieb, għax ma jemminx ix-xhieda li ta Alla għal Ibnu.
- U din hi x-xhieda: Alla tana l-ħajja ta’ dejjem, u din il-ħajja hi f’Ibnu.
- Min għandu l-Iben għandu l-ħajja; u min m’għandux l-Iben ta’ Alla m’għandux il-ħajja.
- Dan ktibtu lilkom, li temmnu fl-isem tal-Iben ta’ Alla biex tkunu tafu li intom għandkom il-ħajja ta’ dejjem.
- Din hi l-fiduċja sħiħa li għandna fih, li jekk nitolbu xi ħaġa skont ir-rieda tiegħu, hu jismagħna.
- U jekk nafu li jismagħna f’kulma nitolbuh, nafu li aħna għandna l-ħwejjeġ li tlabnieh.
- Jekk wieħed jara lil ħuh jagħmel dnub, imma mhux dnub tal-mewt, jitlob, u jagħtih il-ħajja għal dawk li jidinbu mhux bi dnub tal-mewt. Hemm dnub tal-mewt: ma ngħidx li għal dan għandu jitlob.
- Kull ħażen hu dnub; imma hemm dnub li mhux tal-mewt.
- Nafu li kull min hu mwieled minn Alla ma jidnibx; imma hu li hu mnissel minn Alla jħares lilu nnifsu, u l-ħażin ma jmissux.
- Nafu li aħna ta’ Alla, u d-dinja kollha qiegħda fil-ħażen.
- U nafu li l-Iben t’Alla ġie, u tana d-dehen, biex nagħrfu lil dak li hu veru, u aħna f’dak li hu veru, f’Ibnu Ġesù Kristu. Dan hu Alla veru, u l-ħajja ta’ dejjem.
- Ulied ż-żgħar, ħarsu ruħkom mill-idoli. Amen.