L-ITTRA TA’ ĠAKBU

Dwar Din l-Ittra

 Żewġ appostli kien jisimhom Ġakbu: wieħed ħu Ġwanni, u l-ieħor bin Alfew (Mattew 10:2, 3).
 Ħu Ġesù l-kbir kien jismu Ġakbu (Mattew 13:15). Dan Ġakbu kien aktar wara magħruf bħala s-Sorveljant tal-knisja f’Ġerusalemm (Atti 12:17; Galatin 1:19), u huwa normal-ment meqjsu bħala l-kittieb ta’ din l-Ittra. Il-post u ż-żmien tal-kitba ta’ din l-ittra huma Ġerusalemm, fejn Ġakbu kien joqgħod qabel il-martirju tiegħu fis-sena 62 W.K.
 Din l-ittra hija ndirizzata lil-Kristjani mxerrda mal-Imperu Ruman. Għalkemm miktuba bħala ittra din hija aktar bħall-ktieb qasir ta’ struzzjonijiet ta’ ħajja ta’ kuljum.
 Għal Ġakbu l-fidi tfisser azzjoni! Fil-fatt, il-ktieb kollu (jew ittra) huwa serje ta’ eżempji li juru fidi fl-azzjoni f’modi għaqlin u prattiċi.
 Il-parir tiegħu kien ċar u dirett: Jekk inti fqir, tiddisprax! Iċċedix meta l-fidi tiegħek tkun ittestjata. Tinkorlax malajr. Tiffavorixxix l-għonja fuq il-fqar. Agħmel ħwejjeġ tajba għal oħrajn. Ikkontrolla lsienek u x-xewqat tiegħek. Ċedi għal Alla u afda fuq l-għerf Tiegħu. Ieqaflu lix-Xitan. Tgergirx dwar dak li int se tagħmel. Jekk int għani, uża flusek biex tgħin lill-fqir. Kun paċenzjuż u ħanin, u itlob għal dawk li jeħtieġu l-għjanuna ta’ Alla:
5Jekk xi ħadd minnkom jonqsu l-għerf, ħa jitlob lil Alla, li jagħti lil kulħadd b’id miftuħa u bla ma jċanfar ’il ħadd u jkun mogħti lilu” (1:5).

Ħarsa Ħafifa Lejn Din l-Ittra

  • Tislijiet (1:1)
  • Ħajja ta’ Fidi u Għerf (1:2-18)
  • Tisma’ u Tobdi l-Messaġġ ta’ Alla (1:18-27)
  • La Tiffavorixxix lil Għonja u s-Setgħana (2:1-13)
  • Fidi u Opri Jmorru Flimkien (3:1-18)
  • Twissija Lontra Ħbiberija mad-Dinja (4:1—5:6)
  • Sabar, Ħniena, u Talb (5:7-20)

Ġakbu 1

  1. Ġakbu, ilsir ta’ Alla u tal-Mulej Ġesù Kristu, lit-tnax-il tribù mxerrda: sliem.
  2. Ħuti, qisuh bħala ferħ mill-akbar meta taqgħu f’tiġrib ta’ kull xorta;
  3. Billi tafu dan, li l-prova tal-fidi tagħkom iġġib is-sabar.
  4. Imma ħallu s-sabar ikollu l-għemil perfett tiegħu, biex tkunu perfetti u mitmumin, ma jonqoskom xejn.
  5. Jekk xi ħadd minnkom jonqsu l-għerf, ħa jitlob lil Alla, li jagħti lil kulħadd b’id miftuħa u bla ma jċanfar lil ħadd u jkun mogħti lilu.
  6. Imma ħa jitlob bil-fidi, bla ma jkollu ebda dubju. Għax min ikun fid-dubju, jixbah mewġa tal-baħar imqanqal u mqal-leb mir-riħ.
  7. Bniedem bħal dan ma għandux jistenna li se jaqla’ xi ħaġa mingħand il-Mulej.
  8. Bniedem ta’ żewġt imħuħ mhux sod f’kulma jagħmel.
  9. Ħallih jiftaħar ħuna l-baxx fil-għoli tiegħu:
  10. Iżda l-għani fl-umiljazzjoni tiegħu: Għax bħal fjura tal-ħaxix hu jmur fil-ġenb;
  11. Għax hekk kif titla’ x-xemx bis-sħana li taħraq, tnixxef il-ħaxix, u l-fjur tiegħu jaqa’ u s-sbuħija tad-dehra tiegħu: hekk ukoll jiġrilu l-għani fil-vjaġġi tiegħu.
  12. Imbierek il-bniedem li jistabar fit-tiġrib, għax wara li jkun għeleb it-tiġrib, jaqla’ l-kuruna tal-ħajja li l-Mulej wiegħed lil dawk li jħobbuh.
  13. Ħadd ma għandu jgħid meta jkun imġarrab: Jien imġarrab minn Alla: għax Alla ma jistax ikun imġarrab mill-ħażen, u lanqas lil ħadd ma jġarrab:
  14. Għax kull bniedem imġarrab jinġibed u jitħajjar mill-passjoni tiegħu stess.
  15. Imbagħad il-passjoni, meta tnissel, twelled id-dnub; u d-dnub, meta jilħaq il-milja tiegħu, iġib il-mewt.
  16. La titqarrqux, ħuti maħbubin.
  17. Kull għotja tajba, u kull don perfett huwa minn fuq, nieżel mingħand il-Missier tad-dawl, li fih mhemm ebda varjazzjoni, u lanqas dell ta’ tidwir.
  18. Bir-rieda tiegħu wilidna bil-kelma tal-verità, biex inkunu qisna l-ewwel frott tal-ħlejjaq tiegħu.
  19. Kunu afu dan, ħuti maħbubin, ħa jkun kull bniedem ħafif biex jisma’, tqil biex jitkellem, u tqil biex jinkorla:
  20. Għax il-korla tal-bniedem ma taħdimx il-ħaqq ta’ Alla.
  21. Għalhekk warrbu kull tniġġis u l-kobor żejjed tal-ħażen, u ilqgħu bil-ħlewwa l-kelma mlaqqma fikom, u li tista’ ssalvalkom ruħkom.
  22. Imma kunu intom dawk li jagħmlu l-kelma, u mhux tisimgħuha biss u hekk tqarrqu bikom infuskom.
  23. Għax jekk xi ħadd ikun semmiegħ tal-kelma u ma jagħ-milhiex, ikun bħal bniedem li jara f’mera l-wiċċ li bih twieled:
  24. Jara lilu nnifsu, jitlaq, u malajr jinsa kif kien.
  25. Imma dak li jħares bir-reqqa ġol-liġi perfetta tal-ħelsien, u jkompli jħares ġo fiha, ma jkunx wieħed li jisma’ biss u jinsa, iżda jkun wieħed li jagħmilha; imbierek dan fil-għemil tiegħu.
  26. Jekk xi wieħed fostkom jidhirlu li hu reliġjuż, u ma jliġġimx ilsienu, imma jqarraq b’qalbu stess, ir-reliġjon ta’ dal-bniedem hi fiergħa.
  27. Reliġjon safja u bla tinġis quddiem Alla u ’l Missier hi din: Iżżur l-iltiema u r-romol fil-hemm tagħhom, u li żżomm lilek innifsek bla tebgħa mid-dinja.

Ġakbu 2

  1. Ħuti, tħarsu lejn wiċċ ħadd fil-fidi fil-Mulej tagħna Ġesù Kristu, il-Mulej tal-glorja.
  2. Għax jekk jiġi għal-laqgħa tagħkom raġel b’ċurkett tad-deheb f’sebgħu, u liebes ilbies ilellex, u jidħol ukoll fqir liebes imċerċer;
  3. U intom turu rispett lejn dak li liebes ilellex, u tgħidulu: Int oqgħod bil-qiegħda hawn f’post tajjeb; u lill-fqir tgħidulu: Int ilbqa’ wieqaf hemm; jew oqgħod bil-qiegħda hawn taħt mirfes riġlejja:
  4. Ma tkunux mela tagħmlu għażla bejnietkom stess, u tagħmluha ta’ mħallfin bi ħsibijiet ħżiena?
  5. Isimgħu, ħuti maħbubin: Ma għażilx Alla l-foqra ta’ din id-dinja biex ikunu għonja fil-fidi, u werrieta tas-saltna li wiegħed lil dawk li jħobbuh?
  6. Imma intom stmerrejtu l-fqir. Mhux il-għonja li jaħqrukom u jkarkurkom quddiem it-tribunali?
  7. Mhux huma li jidgħu bl-isem sabiħ li bih intom im-sejħin?
  8. Jekk tassew tħarsu l-liġi rjali skont l-iskrittura: Tħobb lil għajrek bħalek innifsek, tagħmlu sewwa:
  9. Imma jekk tħarsu lejn l-uċuħ, tagħmlu dnub, u tkunu kkundannati mill-liġi bħala ħatjin.
  10. Għaliex min iħares il-liġi kollha, u jonqos f’ħaġa waħda, ikun ħati ta’ kollox.
  11. Għax min qal: La tagħmilx adulterju, qal ukoll: La toqtolx. Issa jekk int ma tagħmilx adulterju, imma toqtol, inti ksirt il-liġi.
  12. Hekk tkellmu, u hekk agħmlu, bħal dawk li sa jsir ħaqq minnhom bil-liġi tal-libertà.
  13. Għax il-ġudizzju hu bla ħniena ma’ min ma wera ebda ħniena; u l-ħniena tirbaħ fuq il-ħaqq.
  14. X’jiswa, ħuti, jekk wieħed igħid li għandu l-fidi, u m’għandux opri? Tista’ l-fidi ssalvah?
  15. Jekk ħu jew oħt huma għarwenin, u neqsin mill-ikel ta’ kuljum,
  16. U jgħidilhom wieħed minnkom: Morru bis-sliem, isħnu u ixbgħu; mingħajr ma tagħtuhom dawk il-ħwejjeġ li jinħtieġu għall-ġisem, x’jiswa?
  17. Hekk ukoll il-fidi, jekk m’għandhiex opri, hi mejta, billi hi weħidha.
  18. Iva, wieħed jista’ jgħid: Int għandek il-fidi u jien għandi l-opri: urini l-fidi mingħajr opri, u jien nurik il-fidi tiegħi mill-opri.
  19. Inti temmen li Alla huwa wieħed, u tagħmel sew. U dan id-demonji wkoll jemmnuh, u jitriegħdu.
  20. Imma trid tkun taf, ja bniedem fieragħ, li l-fidi bla opri ma tiswa għal xejn?
  21. Abraham, missierna, mhux bl-opri kien iġġustifikat, meta offra ’l ibnu Iżakk fuq l-artal?
  22. Tara kif il-fidi kienet taħdem ma’ l-opri tiegħu, u kif bl-opri l-fidi saret perfetta?
  23. U seħħet l-iskrittura li tgħid: Emmen Abraham lil Alla, u kien magħdud lilu b’ħaqq: u kien imsejjaħ ħabib Alla.
  24. Taraw mela kif bl-opri jsir ġust il-bniedem, u mhux bil-fidi weħidha.
  25. Hekk ukoll Raħab, il-mara tad-dnub, mhux bl-opri kienet iġġustifikata, meta laqgħet il-messaġġiera, u tellqithom minn triq oħra?
  26. Għax bħalma ġisem bla spirtu hu mejjet, hekk il-fidi bla opri hi mejta.

Ġakbu 3

  1. Ħuti, la ssirux ħafna minnkom għalliema, għax tafu li aħna li ngħallmu nkunu ġġudikati b’reqqa akbar.
  2. Għax f’ħafna ħwejjeġ nonqsu lkoll. Jekk bniedem ma jonqosx bil-kliem, dan hu bniedem perfett, u għandu ħila jrażżan il-ġisem kollu.
  3. Issa, aħna nqiegħdu l-ilġiem f’ħalq iż-żwiemel, biex jobduna; u aħna ndawru ġisimhom kollu.
  4. Araw ukoll l-iġfien, li għalkemm huma hekk kbar, u mħabbtin minn irjieħ qawwija, huma mdawrin minn daqsxejn ta’ tmun, lejn kulfejn jogħġob lill-kaptan.
  5. Hekk ukoll l-ilsien hu daqsxejn ta’ membru, u jiftaħar bi ħwejjeġ kbar. Araw, kif daqsxejn ta’ xrara kemm injam tqabbad!
  6. U l-ilsien hu nar; dinja ta’ ħażen: hekk hu l-ilsien fost il-membri l-oħra tagħna; iniġġes il-ġisem kollu, u jaħraq ir-rota tal-ħajja; u mqabbad min-nar tal-infern.
  7. Għax kull ġens ta’ dbejjeb, u ta’ tjur; u ta’ bhejjem li jitkaxkru, u ta’ bhejjem tal-baħar, jitrażżan, u kien imrażżan mill-bniedem.
  8. Imma l-ilsien ebda bniedem ma jista’ jrażżnu; hu deni bla rażan, mimli velenu li jagħti l-mewt.
  9. Bih inbierku lil Alla Missierna, u bih nisħtu l-bnedmin, magħmulin xbieha ta’ Alla.
  10. Mill-istess fomm joħorġu l-barka u s-saħta. Dawn il-ħwejjeġ m’għandhomx ikunu hekk, ħuti.
  11. Tista’ għajn tal-ilma tagħti minn toqba waħda ilma ħelu u ilma morr?
  12. Tista’, ħuti, is-siġra tat-tin tagħmel iż-żebbuġ, jew dielja, it-tin? Hekk l-ebda għajn ma tista’ tagħti ilma mielaħ u ilma ħelu.
  13. Min hu għaref u intelliġenti fostkom? Ħa juri b’imġiba tajba l-opri tiegħu bil-ħlewwa tal-għerf.
  14. Imma jekk intom għandkom għira kollha mrar u ġlied f’qalbkom, la tiftaħrux, u la tigdbux kontra l-verità.
  15. Dan il-għerf mhux ġej mill-għoli, imma hu tal-art, tal-ġisem, tad-demonju.
  16. Għax fejn hemm il-għira u l-ġlied, hemm it-taħwid u kull għemil ħażin.
  17. Imma l-għerf li ġej mill-għoli hu l-ewwelnett safi, im-bagħad iħobb is-sliem, it-tjieba, il-ħlewwa, mimli ħniena u frott tajjeb, ma jżomm ma’ ħadd, u ma jurix ħaġa b’oħra.
  18. U l-frott tal-ġustizzja jinżara’ fis-sliem minn dawk li jagħmlu s-sliem.

Ġakbu 4

  1. Mnejn jiġu l-gwerer u l-glied fostkom? Ma jiġux dawn mill-ġibdiet ħżiena tagħkom li jitqabdu fil-membri tagħkom?
  2. Tixtiequ, u m’għandkomx: intom toqtlu, u tgħiru, u ma tistgħux taqilgħu: intom tiġġieldu u tissieltu, iżda m’għandkomx, għax ma titolbux.
  3. Titolbu, u ma taqilgħux, għax titolbu ħażin, biex tonfqu għall-pjaċiri tagħkom.
  4. Nies Adulteri! Ma tafux li l-ħbiberija mad-dinja hi l-għadu ta’ Alla? Għalhekk, min irid ikun ħabib tad-dinja, isir għadu ta’ Alla.
  5. Taħsbu li għal xejn tgħid l-iskrittura: Jixtieq bil-għira l-ispirtu li jgħammar fina?
  6. Imma hu jagħti grazzja akbar. Għalhekk hu jgħid: Alla jeqfilhom lis-suppervi, imma jagħti grazzja lill-umli.
  7. Issottomettu ruħkom għal Alla. Ieqfulu lix-Xitan, u jaħ-rab minnkom.
  8. Ersqu lejn Alla, u hu jersaq lejkom. Nadfu idejkom, ja midinbin, u saffu qalbkom, ja intom ta’ żewġt imħuħ.
  9. Kunu miżerabbli u tnikktu u olfqu: ħalli jinbidel id-daħk tagħkom f’niket, u l-ferħ tagħkom fi dwejjaq.
  10. Umiljaw ruħkom quddiem il-Mulej, u hu jgħollikom.
  11. La tgħidux kontra xulxin, ħuti. Min igħid kontra ħuh, u jiġġudika lil ħuh, ikun igħid kontra l-liġi, u jiġġudika l-liġi. Imma jekk inti tiġġudika l-liġi, ma tħarisx il-liġi, imma tagħmilha ta’ mħallef.
  12. Wieħed hemm li jagħmel il-liġi, li jista’ jsalva u jeqred: Int min int biex tiġġudika lil l-ieħor?
  13. Tajjeb, issa intom tgħidu: Illum jew għada mmorru f’dik il-belt, u nibqgħu sena hemm, u nixtru u nbiegħu, u naqilgħu:
  14. Fil-waqt illi ma tafux x’sa jiġri għada. Għax x’inhi ħajjitkom? Hi fwar, li jidher ftit, imbagħad igħib.
  15. Għax dak għandkom tgħidu: Jekk il-Mulej irid, nibqgħu ħajjin, u nagħmlu dan, jew dak.
  16. Imma issa tiftaħru bl-arroganza tagħkom: kull ftaħir bħal dan hu ħażin.
  17. Għalhekk min jaf jagħmel it-tajjeb, u ma jagħmlux, jagħmel dnub.

Ġakbu 5

  1. Ejjew issa, intom il-għonja, ibku u ixhru fuq il-għawġ li ġej fuqkom!
  2. Ġidkom tħassar, ħwejjiġkom kilithomlkom il-kamla.
  3. Id-deheb u l-fidda tagħkom rabbew is-sadid, u s-sadid tagħhom għad jixhed kontra tagħkom u jiklilkom ġisimkom bħan-nar. Ħżintu l-ġid fl-aħħar jiem!
  4. Ara, il-ħlas tal-ħaddiema li ħasdu l-għelieqi tagħkom — ħlas li intom żammejtuhulhom bil-qerq—qiegħed igħajjat kontra tagħkom, u l-biki ta’ dawk li ħasdu wasal f’widnejn il-Mulej tal-eżerċti.
  5. Fuq l-art għextu fix-xalar u fl-immoralità; ssemmintu qlubkom f’jum il-qatla.
  6. Intom ikkundannajtu, intom qtiltu l-ġust, għax ma jistax jiqfilkom!
  7. Stabru mela, ħuti, sal-miġja tal-Mulej: Ara, il-bidwi jistenna l-frott prezzjuż tal-art, u jistennieh għal żmien twil bil-paċenzja, sa ma jkollu x-xita bikrija u x-xita ta’ barra minn żmienha.
  8. Stabru intom ukoll; wettqu qlubkom: għax il-miġja tal-Mulej qorbot.
  9. Tgergrux, ħuti, wieħed għall-ieħor, biex ma jsirx ħaqq minnkom: ara, l-imħallef wieqaf fil-bieb.
  10. Ħudu, ħuti, bħala eżempju ta’ qawwa fit-tbatija u fis-sabar il-profeti, li tkellmu f’isem il-Mulej.
  11. Ara, aħna ngħidulhom imberkin lil dawk li jistabru. Smajtu bis-sabar ta’ Ġob, u rajtu t-tmiem li l-Mulej tah; għax il-Mulej kollu ħasra, u ħniena.
  12. Imma fuq kollox, ħuti, la taħilfux, la bis-sema, u lanqas bl-art, u bl-ebda ħalfa oħra: imma ħallu l-iva tagħkom ikun iva; u l-le tagħkom, le; biex ma taqgħux taħt il-kundanna.
  13. Hemm xi ħadd minnkom li jsofri? Ħa jitlob. Hemm xi ħadd ferħan? ħa jkanta.
  14. Hemm xi ħadd fostkom marid? ħa jsejjaħ lill-anzjani tal-knisja: u ħa jitolbu għalih, wara li jkunu dilkuh biż-żejt f’isem il-Mulej:
  15. U t-talb tal-fidi jsalva l-marid, u l-Mulej iqajmu; u jekk ikun għamel xi dnubiet, jinħafrulu.
  16. Stqarru wieħed lil l-ieħor id-dnubiet tagħkom u itolbu għal xulxin, biex hekk tfiqu. It-talba tal-bniedem ġust magħmula bil-ħerqa għandha qawwa kbira.
  17. Elija kien bniedem suġġett għall-passjonijiet bħalna, u talab bil-ħeġġa biex ma tkunx xita: u ma kenitx xita fuq l-art għal tliet snin u sitt xhur.
  18. U raġa’ talab, u s-sema ta x-xita, u l-art tat il-frott tagħha.
  19. Ħuti, jekk xi ħadd minnkom joħroġ barra mill-verità, u ħaddieħor iġibu lura,
  20. Ħa jkun jaf, li dak li raġġa’ lura midneb mit-triq żbaljata jkun salva ruħ mill-mewt, u jgħatti kotra ta’ dnubiet.