L-EWWEL ITTRA TA’ PIETRU

Dwar Din l-Ittra

 F’din l-ittra Pietru għandu wisq xi jgħid dwar it-tbatija. Hu juri kif din tista’ tkun mod biex taqdi lill-Mulej, li taqsam il-fidi ma’ oħrajn, u li tkun ippruvat. L-ittra kienet miktuba lill-Kristjani mxerrda matul il-parti tat-tramuntana tal-Asja Minuri. F’din il-parti tal-Imperus Ruman ħafna Kristjani kienu diġa’ sofrew trattament mhux xieraq minn nies li ma kinux jemmnu f’Ġesù. U huma kienu jistennew li jsofru saħansitra aktar minn hekk. Din l-ittra probabbilment kienet miktuba bejn is-sena 60 u 65 W.K.
 Pietru jfakkar lill-Kristjani li Kristu bata hawn fuq l-art, u meta d-dixxipli Tiegħu ibatu talli jagħmlu dak li hu tajjeb huma jkunu qegħdin jaqsmu Miegħu it-tbatija Tiegħu (2:18-25; 4:12-17). Fil-fatt, il-Kristjani għandhom jistennew li jbatu għall-fidi tagħhom (3:8—4:19).
 Imma minħabba min hu Alla u x’għamel Alla billi qajjem lil Ġesù Kristu mill-mewt, il-Kristjani jistgħu jkollhom tama fil-futur. L-istess kif Kristu bata qabel ma Hu rċieva l-unur minn Alla, hekk ukoll il-Kristjani jkunu ppruvati bit-tbatija qabel ma huma jirċievu l-unur meta l-Mulej jerġa’ jiġi. Pietru juża lingwa poetika biex ifakkar lill-qarrejja tiegħu x’għamel Kristu:
18Għax Kristu wkoll darba bata għad-dnubiet, hu l-ġust għal dawk li mhumiex ġusti, biex iressaqna lejn Alla, maqtul fil-ġisem, imma mqajjem għall-ħajja bl-Ispirtu.” (3:18).

Ħarsa Ħafifa Lejn Din l-Ittra

  • Tislijiet u Talba (1:1-2)
  • Raġuni Reali għat-Tama (1:3-12)
  • Ngħixu Bħala l-Poplu Qaddis ta’ Alla (1:3—12)
  • L-Eżempju tat-Tbatija ta’ Kristu (2:18-25)
  • Tkun Kristjan u t-Tbatija (3:1—4:19)
  • Parir għall-Mexxejja tal-Knisja (5:1-11)
  • L-Aħħar Tislijiet (5:12-14)

1 Pietru 1

  1. Pietru, appostlu ta’ Ġesù Kristu, lir-residenti barranin imxerrda fil-Pontus, fil-Galazja, fil-Kappadoċja, fl-Asja u fil-Bitinja,
  2. Maħturin skont il-għarfa minn qabel ta’ Alla l-Missier, bit-taqdis tal-Ispirtu, għal ubbidjenza lejn Ġesù Kristu, u għat-traxxix b’demmu: Grazzja lilkom, u sliem bil-kotra.
  3. Imbierek ikun Alla u Missier il-Mulej tagħna Ġesù Kristu, li bil-ħniena kbira tiegħu raġa’ wilidna għal tama ħajja bil-qawma ta’ Ġesù Kristu minn bejn l-imwiet,
  4. Għal wirt li ma jitħassarx, ma jittebbax, u ma jgħibx, merfugħ fis-sema għalikom.
  5. Li intom imħarsin mis-setgħa ta’ Alla bil-fidi, għas-salvazzjoni li sa tidher fl-aħħar waqt.
  6. B’dan intom tifirħu ħafna, għalkemm issa għal ftit żmien, jekk jaħtieġ, tiddejqu b’ħafna tiġrib.
  7. Biex il-prova tal-fidi tagħkom, billi hija aktar prezzjuża mid-deheb li jintemm, għalkemm hu ippruvat bin-nar, tinstab li ħaqqha tifħir, u ġieh, u glorja, fid-dehra ta’ Ġesù Kristu:
  8. Li tħobbuh, għalkemm ma rajtuhx; li temmnu fih, bla ma tarawh issa, u tifirħu b’ferħ li ma jitfissirx u mimli glorja:
  9. Billi taqilgħu l-għan tal-fidi tagħkom, is-salvazzjoni ta’ ruħkom.
  10. Fuq din is-salvazzjoni stħarrġu u fittxu sewwa l-profeti, li ħabbru l-grazzja li għandha tkun mogħtija lilkom:
  11. Huma fittxu li jkunu jafu għal min, jew għal liema żmien, l-Ispirtu ta’ Kristu, jixhdilhom minn qabel it-tbatijiet ta’ Kristu, u l-glorji li kellhom jiġu wara.
  12. Lilhom kien irrivelat li mhux għalihom infushom, imma għalikom kien jiswa dak li huma kienu jaqdu, u li issa kien imxandar lilkom minn dawk li, bil-qawwa tal-Ispirtu Qaddis mibgħut mis-sema, qegħdin jagħtukom l-evanġelju. Dawn huma ħwejjeġ li l-anġli stess jixtiequ jifhmuhom sewwa.
  13. Għalhekk ħażżmu l-imħuħ tagħkom għal l-azzjoni, għixu ħajja meqjusa, u ttamaw sa l-aħħar fil-grazzja li tingħatalkom fid-dehra ta’ Ġesù Kristu;
  14. Bħala wlied ubbidjenti, la taqblux max-xewqat ħżiena ta’ dari, fi żmien l-injuranza tagħkom.
  15. Iżda bħalma hu qaddis dak li sejħilkom, hekk kunu intom ukoll qaddisin fl-imġiba tagħkom kollha;
  16. Għax hu miktub: Kunu qaddisin, għax qaddis jien.
  17. Jekk intom issejjħu Missier lil dak li, bla ma jħares lejn l-uċuħ, jagħmel minn kulħadd skont l-għemil ta’ kull wieħed, għixu fil-biża’ ż-żmien tal-ħajja li qegħdin tgħaddu f’art barranija.
  18. Billi tafu li kontu mifdija mill-ħajja fiergħa tagħkom, li ħadtu mingħand missirijietkom, mhux b’xi ħaġa li tintemm, bħalma hi l-fidda jew id-deheb,
  19. Imma bid-demm prezzjuż ta’ Kristu, li kien bħal ħaruf bla għajb u bla tebgħa.
  20. Hu kien ippredestinat sa minn qabel ma saret id-dinja, imma deher fl-aħħar taż-żminijiet minħabba fikom.
  21. Bih intom temmnu f’Alla, li qajmu mil-imwiet u tah il-glorja; hekk il-fidi tagħkom hi wkoll tama f’Alla.
  22. Wara li saffejtu ruħkom, fl-ubbidjenza għall-verità, permezz tal-Ispirtu, biex tħobbu ’l xulxin bħal aħwa bla qerq, qisu li tħobbu ’l xulxin b’qalb safja bil-ħeġġa kollha.
  23. Ma twelidtux mill-ġdid minn nisel li jitħassar, imma minn nisel li ma jitħassarx, bis-saħħa tal-kelma ta’ Alla li tgħix u tibqa’ għal dejjem.
  24. Għax: il-laħam kollu hu bħal ħaxix, u l-glorja tiegħu kollha bħal ward tal-ħaxix; il-ħaxix jinxef u l-ward jaqa’,
  25. Imma l-kelma tal-Mulej tibqa’ għal dejjem. Din hi l-kelma tal-Evanġelju li kien imxandar lilkom.

1 Pietru 2

  1. Għalhekk warrbu kull malizzja, u kull qerq, u wiri ta’ ħaġa b’oħra, u għejriet, u kull tqassis.
  2. Bħal trabi li għadhom kemm twieldu, ixxenqu għall-ħalib safi tal-kelma, biex bih tikbru għas-salvazzjoni:
  3. Jekk intom daqtu l-ħlewwa tal-Mulej.
  4. Ersqu, mela, lejh, li hu dik il-ġebla ħajja li kienet im-warrba mill-bennejja, imma magħżula minn Alla bħala ġebla għażiża.
  5. U intom ukoll, bħal ġebel ħaj, mibnijin f’dar spiritwali, saċerdozju qaddis biex toffru sagrifiċċji spiritwali, li jogħġbu ’l Alla permezz ta’ Ġesù Kristu.
  6. Għaliex hemm ukoll fl-iskrittura: Ara, sa nqiegħed f’Sijon ġebla tax-xewka, magħżula, prezzjuża: u min jemmen fiha ma jaqax fil-għajb.
  7. Għalikom mela li temmnu hu prezzjuż; imma għal dawk li ma jemmnux, il-ġebla li rmew il-bennejja, din saret ras ix-xewka.
  8. U ġebla ta’ tiġrif, u blata ta’ tfixkil, għal dawk li jiġġarfu fil-kelma, billi ma jobduhiex: għal dan ukoll huma kienu appuntati.
  9. Imma intom razza magħżula, saċerdozju rjali, nazzjon qaddis, poplu miksub, biex ixxandru l-glorja ta’ dak li sejħilkom mid-dlam għad-dawl tiegħu tal-għaġeb.
  10. Intom darba ma kontux poplu, issa sirtu l-poplu ta’ Alla, intom li darba ma kontux issibu ħniena, issa sibtu l-ħniena.
  11. Maħbubin, nitlobkom bħala barranin u bħala residenti għal ftit taż-żmien, li żżommu ruħkom lura mix-xewqat tal-ġisem, li huma fi ġlieda kontra r-ruħ;
  12. Ħa jkollkom imġieba tajba qalb il-Ġentili; biex, f’dak li huma jgħidu kontra tagħkom, bħala nies li tagħmlu d-deni, huma jkunu jistgħu bl-opri tajba tagħkom, li jaraw, jigglorifikaw lil Alla f’jum iż-żjara..
  13. Issottomettu ruħkom għal kull liġi tal-bniedem min-ħabba l-Mulej: kemm lis-sultan, bħala fuq kulħadd,
  14. Kemm lill-gvernaturi, bħala mibgħutin minnu għall-kastig ta’ dawk li jagħmlu d-deni, u biex ifaħħru ’l dawk li jagħmlu t-tajjeb.
  15. Għax hekk hi r-rieda t’Alla li, billi tagħmlu t-tajjeb, intom tkunu tistgħu ssiktu l-injuranza tan-nies bla għaqal:
  16. Bħala ħielsa u mhux tinqdew bil-ħelsien tagħkom, bħala għata għall-ħażen.
  17. Onoraw lil kulħadd. Ħobbu l-aħwa kollha. Ibżgħu minn Alla. Onoraw lis-sultan.
  18. Qaddejja, issottomettu ruħkom għas-sidien tagħkom bil-biża’ kollu; mhux biss lit-tajbin u lill-ġwejdin, imma lill-ħorox ukoll.
  19. Għax din hi grazzja, jekk wieħed isofri għal Alla xi għali u jbati bla ma ħaqqu.
  20. Għax xi glorja hemm, jekk, meta tissawtu għall-ħtijiet tagħkom, tissaportu bis-sabar? Imma jekk, meta tagħmlu s-sewwa, issofru bis-sabar, dan ikun jogħġob lil Alla.
  21. Għax għal dan kontu msejħin: għax Kristu wkoll bata għalina, u ħallielna eżempju, biex timxu wara l-passi tiegħu;
  22. Hu, li ma għamel l-ebda dnub, u li ma nstab ebda qerq f’fommu:
  23. Hu, li meta kien imgħajjar, ma raġax għajjar: li bata’ u ma heddidx; imma reħa ruħu f’idejn dak li jagħmel ġudizzju bil-ġustizzja:
  24. Hu stess rafa’ dnubietna f’ġismu fuq il-għuda, biex aħna, mejtin għal dnubietna, ngħixu għall-ħaqq: bil-ġrieħi tiegħu intom kontu mfejqa.
  25. Għax kontu bħal ngħaġ mitlufa; imma issa rġajtu lejn ir-Ragħaj u l-Għassies ta’ ruħkom.

1 Pietru 3

  1. Hekk ukoll, intom in-nisa, għandkom tissottomettu ruħ-kom għal żwieġkom; biex, jekk x’uħud ma jobdux il-kelma, huma wkoll jistgħu bla l-kelma jintrebħu bl-imġieba tan-nisa;
  2. Meta jaraw l-imġieba qaddisa u l-biża’ tagħkom.
  3. It-tiżjin tagħkom m’għandux ikun tiżjin minn barra, bħalma hi l-immaljar tax-xagħar, id-dandin tad-deheb, jew it-tlellix tal-ilbies,
  4. Imma ħa jkun tiżjin minn ġewwa, il-bniedem moħbi fil-qalb, dak li ma jitħassarx, imżejjen bi spirtu ġwejjed ta’ sliem, u li hu prezzjuż ħafna quddiem Alla.
  5. Hekk ukoll fl-imgħoddi n-nisa qaddisa, li kienu jit-tamaw f’Alla, kienu jiżżejnu, billi kienu jissottomettu ruħhom għal żwieġhom.
  6. Hekk Sara kienet tisma’ minn Abraham, billi kienet issejjaħlu: sidi; u intom uliedha, sakemm tagħmlu s-sewwa, u ma tibżgħu minn ebda twerwir.
  7. Hekk ukoll, intom irġiel miżżewġin, għammru ma’ martkom bl-għafien, turu unur lill-mara bħala li hija r-reċipjent l-aktar dgħajjef, u billi huma werrieta magħkom tal-grazzja tal-ħajja; biex it-talb tagħkom ma jkunx imfixkel.
  8. Fl-aħħarnett, kunu lkoll fehma waħda, billi tagħdru lil xulxin, tħobbu lil xulxin bħal aħwa, qalbkom ħanina, u umli:
  9. La troddux deni għal deni, jew tagħjir għal tagħjir: imma, għall-kuntrarju, bierku; billi tafu li għalhekk intom kontu msejħin, biex tirtu l-barka.
  10. Għax min iħobb il-ħajja, u jara jiem hienja, ħa jħares ilsienu mill-ħażen, u xofftejh minn kliem qarrieq;
  11. Ħa jwarrab mid-deni, u jagħmel it-tajjeb; ħa jfittex is-sliem, u jmur warajh.
  12. Għax għajnejn il-Mulej huma fuq dawk li jagħmlu s-sewwa, u widnejh miftuħa għat-talb tagħhom; imma ħarset il-Mulej hi fuq dawk li jagħmlu d-deni.
  13. U min jista’ jagħmlilkom id-deni, jekk timxu wara dak li hu tajjeb?
  14. Imma u jekk tbatu minħabba l-verità, imberkin intom: la tibżgħux mit-twerwir tagħhom, u la titħawdux;
  15. Imma qaddsu lill-Mulej Kristu f’qalbkom: kunu dejjem ippreparati biex tagħmlu difiża lil kull min jitlobkom raġuni għat-tama li għandkom fikom: imma għamluha bil-ħlewwa u bil-biża’.
  16. U qisu li jkollkom kuxjenza tajba; biex, waqt li jitkellmu fuqkom bħala nies li tagħmlu d-deni, jistħu dawk li jabbużaw minnkom fuq l-imġiba tajba tagħkom fi Kristu.
  17. Għax aħjar, jekk din hi r-rieda ta’ Alla, li tbatu għax tagħmlu t-tajjeb, milli għax tagħmlu l-ħażin.
  18. Għax Kristu wkoll bata darba għad-dnubiet, hu l-ġust għal dawk li mhumiex ġusti, biex iressaqna lejn Alla, maqtul fil-ġisem, imma mqajjem għall-ħajja fl-ispirtu:
  19. Li bih hu wkoll mar ixandar lill-ispirti fil-ħabs;
  20. Lil dawk li darba ma obdewx, meta s-sabar ta’ Alla kien jistenna fi żmien Noè, waqt li l-arka kienet qiegħda tinbena, li fiha ftit, jiġifieri tmien erwieħ, kienu salvati bl-ilma.
  21. Dan l-ilma kien ifisser il-magħmudija, li issa ssalva lilkom ukoll. Mhux għax tnaddaf il-ħmieġ tal-ġisem, imma għax hi tweġiba ta’ kuxjenza tajba lejn Alla permezz tal-qawmien ta’ Ġesù Kristu.
  22. Li mar fis-sema, u qiegħed fil-lemin ta’ Alla; u li għalih huma suġġetti l-anġli, is-setgħat u l-qawwiet.

1 Pietru 4

  1. Mela la Kristu bata fil-ġisem, intom ukoll armaw lilkom infuskom bl-istess ħsieb: għax dak li bata fil-ġisem kisirha mad-dnub;
  2. Biex ma jgħix iż-żmien li baqagħlu fil-ġisem skont ix-xewqat ħżiena tal-bnedmin, imma skont ir-rieda ta’ Alla.
  3. Għax għalina hu biżżejjed li fiż-żmien imgħoddi tajnieha għar-rieda tal-Ġentili, tgħixu ħajja żienja f’passjoni bla lġiem, f’sokor, f’immoralità sesswali, f’riċevimenti ta’ xorb, u fl-idolatrija kontra l-liġi.
  4. Fuq dan huma sorpiżi meta intom ma tingħaqdux magħhom fl-istess korsa ta’ tbaħrid, u huma jimmalafamaw-kom.
  5. Imma jkollhom jagħtu kont lil dak li hu mhejji biex jagħmel ħaqq mill-ħajjin u mill-mejtin.
  6. Għax għalhekk kien imxandar l-evanġelju, ukoll lill-mejtin, biex ikunu iġġudikati skont il-bnedmin fil-ġisem, imma jgħixu skont Alla fl-ispirtu.
  7. Imma wasal it-tmiem ta’ kollox: għalhekk kunu meqju-sin, u agħtu ruħkom għat-talb.
  8. U fuq kollox ħa jkollkom imħabba sħiħa bejnietkom: għax l-imħabba tgħatti l-kotra tad-dnubiet.
  9. Ilqgħu wieħed lil ieħor bla tgergir.
  10. Skont id-don li kull wieħed ħa, għinu lil xulxin, bħala amministraturi tajba tal-grazzja ta’ Alla, li hi ta’ ħafna xorta.
  11. Jekk xi ħadd jitkellem, ħa jitkellem qisu bi kliem Alla; jekk xi ħadd jaqdi, ħa jagħmlu bis-setgħa li tah Alla; biex f’kollox ikun igglorifikat Alla b’Ġesù Kristu, li tiegħu huma l-glorja, u l-qawwa, għal dejjem ta’ dejjem. Amen.
  12. Maħbubin, la tistagħġbux bil-ħuġġieġa li qiegħda tħeġġeġ biex iġġarrabkom, bħallikieku ġralkom xi ħaġa ġdida:
  13. Imma ifirħu, skont ma tixxierku fit-tbatijiet ta’ Kristu, biex meta tidher il-glorja tiegħu, tifirħu u tithennew.
  14. Jekk intom tkunu mgħajrin f’isem Kristu, imberkin in-tom, għax l-Ispirtu tal-glorja u ta’ Alla qiegħed fuqkom: huma jgħajruh, imma intom tigglorifikawh.
  15. Imma ħa ma jkun hemm ħadd fostkom li jkollu jbati bħala qattiel, jew bħala ħalliel, jew bħala wieħed li jagħmel id-deni, jew jindaħal fejn ma jesgħux.
  16. Imma jekk wieħed isofri għax hu Kristjan, ħa ma jistħix; imma ħa jfaħħar lil Alla f’dan l-isem.
  17. Għax wasal iż-żmien li jibda jsir il-ġudizzju minn dar Alla: u jekk jibda minna, x’ikun it-tmiem ta’ dawk li ma jisimgħux mill-evanġelju ta’ Alla?
  18. U jekk il-ġust bil-kemm ikun salvat, il-ħażin u l-midneb x’isir minnu?
  19. Hekk mela dawk li jsofru skont ir-rieda ta’ Alla, ħa jerħu ruħhom f’idejn il-Ħallieq fidil, billi jagħmlu t-tajjeb.

1 Pietru 5

  1. Inħeġġeġ lill-anzjani li hemm fostkom, bħala anzjan jien ukoll u xhud tat-tbatijiet ta’ Kristu, u bħala wieħed li għandu sehem mill-glorja li għad trid tidher:
  2. Irgħu l-merħla ta’ Alla li hemm fostkom u ħudu ħsieb-ha, mhux bilfors, imma minn rajkom, mhux għall-qligħ baxx, imma b’qalb imħeġġa;
  3. Mhux qiskom is-sidien tal-wirt ta’ Alla, imma billi tkunu eżempju tal-merħla.
  4. Imbagħad, meta jidher ir-Ragħaj il-Kbir, tieħdu l-kuruna tal-glorja li ma tidbielx.
  5. Hekk ukoll intom, iż-żgħażagħ, issottomettu ruħkom għall-anzjani. Iva, intom ilkoll issottomettu ruħkom għal xulxin, u kunu mżejnin bl-umiltà: għax Alla jżommilhom il-kburin, u jagħti grazzja lill-umli.
  6. Umiljaw ruħkom mela taħt l-id setgħana ta’ Alla, biex igħollikom f’waqtu:
  7. Itfgħu fuqu l-hemm tagħkom kollu; għax hu jieħu ħsiebkom.
  8. Kunu meqjusin; ishru; il-għadu tagħkom, ix-Xitan, bħal-iljun igħajjat, idur, ifittex lil min jibla’:
  9. Iqfulu, qawwijin fil-fidi, billi tafu li tbatijiet bħal dawn huma mogħtija lil ħutkom li huma fid-dinja.
  10. Imma Alla ta’ kull grazzja li sejħilkom għall-glorja eterna tiegħu fi Kristu Ġesù, wara li tkunu batejtu ftit, iwettaqkom, iqawwikom, issaħħaħkom, u jqegħidkom fis-sod.
  11. Tiegħu hi l-glorja, u l-qawwa, għal dejjem ta’ dejjem. Amen.
  12. Ktibtilkom fil-qosor b’Silvanus, li jien inżommu b’ħukom fidil, biex inħeġġiġkom u nixhdilkom li din hi l-grazzja vera ta’ Alla. Ibqgħu fiha.
  13. Il-knisja li hemm f’Babel, maħtura flimkien magħkom, isselli għalikom: hekk jagħmel ukoll Marku, ibni.
  14. Sellu għal xulxin bil-bewsa tal-imħabba. Is-sliem għalikom ilkoll li intom fi Kristu Ġesù. Amen.