Ittra Lill-Kolossin
L-ITTRA LILL-KOLOSSIN
Dwar Din l-Ittra
Kolossi kienet belt importanti fil-punent tal-Asja Minuri. Pawlu qatt ma kien f’Kolossi, imma kien kuntent li sar jaf li l-Kristjani li kienu hemm kienu b’saħħithom fil-fidi tagħhom (1:3-7; 2:6-7). Huma kienu semgħu l-aħbar it-tajba minn għand raġel li kien jismu Epafaras li kien igħix hemm (1:7; 4:12-13), imma kien fil-ħabs ma’ Pawlu (Filemon 23) fil-ħin li Pawlu kiteb din l-ittra. L-Ittra lil Efesin u din l-ittra kienu miktuba fl-istess żmien, (61-63 W.K.
Ħafna mill-membri tal-knisja kienu Ġentili (1:27), u xi wħud minnhom kienu influwenzati bi prattika u b’reliġjonijiet strambi (2:16-23). Huma kienu jaħsbu li biex tobdi lil Alla kompletament huma għandhom iwarrbu ċerti xewqat fiżiċi u jaduraw lil l-anġli u qawwiet spiritwali oħra. Imma Pawlu riedhom li jkunu jafu li Kristu kien ma’ Alla fis-smewwiet, jaħkem fuq il-qawwiet kollha fl-univers (3:1). U għalhekk, il-qima tagħhom għandha tkun immirata lejn Kristu.
Pawlu jikkwota għanja sabiħa li tispjega min hu Kristu:
“15Li hu x-xbieha ta’ Alla li ma jidhirx, l-ewwel fost il-ħolqien kollu; . . . 19Għax għoġob lill-Missier li tgħammar fih il-milja kollha; 20U, wara li gieb is-sliem permezz tad-demm tas-salib tiegħu …” (1:15, 19, 20a).
Ħarsa Ħafifa Lejn Din l-Ittra
• Tislijiet (1:1-2)• Talba u Ħajr (1:3-8)
• Il-Persuna u x-Xogħol ta’ Kristu (1:9—2:19)
• Il-Ħajja l-Ġdida ma’ Kristu (2:20—4:6)
• L-Aħħar Tislijiet (4:7-18)
Kolossin 1
- Pawlu, Appostlu ta’ Ġesù Kristu bir-rieda ta’ Alla, u Timotju ħuna,
- Lill-qaddisin u aħwa fidili fi Kristu li huma f’Kolossi: Grazzja lilkom, u sliem, mingħand Alla Missierna.
- Niżżu ħajr lil Alla u Missier il-Mulej tagħna Ġesù Kristu, billi nitolbu dejjem għalikom.
- Għax smajna bil-fidi tagħkom fi Kristu Ġesù, u bl-imħabba li għandkom għall-qaddisin kollha.
- Minħabba fit-tama li hemm tistenniekom fis-smewwiet, li biha intom smajtu qabel fil-kelma tal-verità tal-evanġelju.
- Li wasal għandkom, bħalma hu fid-dinja kollha; u jagħmel il-frott, bħal ma jagħmel fikom ukoll, minn dak in-nhar li smajtu bih, u għaraftu l-grazzja t’Alla fil-verità:
- Bħal ma tgħallimtu wkoll minn għand Epafaras seħibna maħbub fix-xogħol, u li hu għalikom ministru fidil ta’ Kristu;
- U li għarrafna wkoll l-imħabba tagħkom fl-Ispirtu.
- Għalhekk aħna wkoll, minn dak in-nhar li smajna dan, ma nehdewx nitolbu għalikom, u nixtiequ li timtlew bil-għarfien tar-rieda tiegħu fil-għerf kollu u dehen spiritwali;
- Biex timxu kif jixraq lill-Mulej u li togħġbuh f’kollox, billi tagħmlu l-frott f’kull għemil tajjeb, u tikbru fil-għarfien ta’ Alla;
- Imsaħħin b’kull qawwa, skont is-setgħa glorjuża tiegħu, għal kull sabar u tbatija bil-ferħ.
- Ifirħu u roddu ħajr lill-Missier, li għamilkom denji li tissieħbu fil-wirt tal-qaddisin fis-saltna tad-dawl.
- Ħelisna mill-ħakma tad-dlam u daħħalna fis-saltna ta’ Ibnu l-maħbub.
- Li fih għandna l-ħlas għall-fidwa, il-maħfra tad-dnubiet.
- Li hu x-xbieha ta’ Alla li ma jidhirx, l-ewwel fost il-ħol-qien kollu;
- Għax fih kienu maħluqin il-ħwejjeġ kollha, li huma fis-sema, u li huma fuq l-art, li jidhru u li ma jidhrux, sew jekk huma tronijiet, kemm jekk huma dominji jew mexxejja, jew setgħat: kull ħaġa maħluqa bih, u għalih.
- U hu qabel il-ħwejjeġ kollha, u fih il-ħwejjeġ kollha huma miżmumin flimkien.
- U hu r-ras tal-ġisem, il-knisja: hu l-bidu, l-ewwel mill-imwiet; biex f’kollox ikun l-ewwel.
- Għax għoġob lill-Missier li tgħammar fih il-milja kollha;
- U, wara li ġieb is-sliem permezz tad-demm tas-salib tiegħu, irrikonċilja l-ħwejjeġ kollha miegħu nnifsu bih; sew dawk li huma fl-art, kemm dawk li huma fis-sema.
- U intom, li darba kontu mbegħdin u għedewwa fi ħsiebkom bl-opri ħżiena,
- Issa rrikonċiljakom il-ġisem tiegħu tal-laħam permezz tal-mewt, biex jippreżentakom qaddisin u bla tebgħa u bla għajb quddiemu;
- Jekk tkomplu fil-fidi, stabbli u fis-sod; u ma titħarrkux mit-tama tal-evanġelju li smajtu, u li kien imxandar lil kull ħlieqa li hi taħt is-sema; u li tiegħu jien Pawlu sirt ministru.
- U issa nifraħ fit-tbatijiet tiegħi għalikom, u nimla f’ġismi dak li jonqos fl-afflizzjonijiet ta’ Kristu għal ġismu, li hu l-knisja.
- Li jien sirt ministru tagħha, skont il-ħidma li tani Alla għalikom, biex inseħħ il-kelma ta’ Alla.
- Il-misterju moħbi miż-żminijiet u l-ġenerazzjonijiet, iżda li issa kien imgħarraf lill-qaddisin tiegħu.
- Li lilhom Alla ried igħarraf x’inhu l-għana tal-glorja ta’ dal-misterju fost il-Ġentili; li hu Kristu fikom, it-tama tal-glorja:
- Li aħna nxandru, billi nwissu li kull bniedem, u ngħallmu lil kull bniedem bil-għerf kollu; biex nagħmlu lil kull bniedem matur fi Kristu Ġesù:
- Għal dan jien ukoll nitħabat, u nitqabad skont is-saħħa tiegħu, li taħdem fija bil-qawwa.
Kolossin 2
- Għax nixtieq li tkunu tafu liema taqbida kbira għandi għalikom, u għal dawk ta’ Laödikija, u għal dawk kollha li qatt ma raw wiċċi fil-ġisem;
- Biex qalbhom titfarraġ, u magħqudin flimkien bl-im-ħabba, u fil-għana kollu tal-konvinzjoni sħiħa tad-dehen, jagħrfu l-misterju ta’ Alla, Kristu;
- Li fih jinsabu moħbija t-teżori kollha tal-għerf u tal-għarfien.
- U ngħid dan, biex ħadd ma jqarraq bikom bi kliem li jiġbidkom għal miegħu.
- Għax għalkemm miniex hemm bil-ġisem, jien qiegħed magħkom bl-ispirtu, ferħan għax nara l-ordni tagħkom, u kemm hu sħiħ it-twemmin tagħkom fi Kristu.
- Mela bħal ma rċevejtu lil Kristu Ġesù l-Mulej, hekk imxu fih:
- B’għeruqkom fih, u mibnijin fuqu, u mwettqin fil-fidi, bħal ma kontu mgħallmin, u mimlijin b’radd il-ħajr.
- Araw li ħadd ma jassarkom b’filosofija u qerq fieragħ, skont it-tradizzjonijiet tal-bnedmin skont prinċipji elementari tad-dinja u mhux ta’ Kristu.
- Fih hemm tgħammar il-milja sħiħa tad-divinità fil-ġisem.
- U intom fih għandkom il-milja tal-ħajja, hu li hu r-ras ta’ kull ħakma u awtorità.
- Li fih ukoll intom ċirkonċiżi b’ċirkonċiżjoni mhix magħmula bl-id, bit-tneħħija minn ġisimkom tal-laħam, biċ-ċirkonċiżjoni ta’ Kristu.
- Kontu midfunin miegħu fil-magħmudija, li fiha intom ukoll qomtu miegħu permezz tal-fidi fil-ħidma ta’ Alla, li qajmu minn bejn l-imwiet.
- U lilkom, billi kontu mejtin fi dnubietkom u n-nuqqas taċ-ċirkonċiżjoni ta’ ġisimkom, takom il-ħajja flimkien miegħu, u ħafrilkom id-dnubiet kollha;
- Billi ħassar il-kitba tal-ordinanzi li kienet kontra tagħna, u kuntrarja għalina: neħħieha min-nofs, u sammarha mas-salib.
- U wara li nażża’ l-mexxejja u s-setgħat, waqqagħhom għad-daħk pubblikament, billi ħareġ rebbieħ fuq is-salib.
- Għalhekk tħallu lil ħadd jiġġudikakom fuq ikel u xorb, fuq festa jew fuq qamar ġdid, jew fuq sabat:
- Dawn huma dell tal-ħwejjeġ li għandhom jiġu, imma r-realtà hija Kristu.
- Tħallu ’l ħadd min jisirqilkom il-premju billi jagħmilha tal-umli u forma ta’ qima lil l-anġli, jimla rasu bil-viżjonijiet, minfuħ mill-frugħat ta’ moħħ tal-ġisem,
- U ma jżommx mar-Ras li minnha l-ġisem kollu, im-saħħaħ u magħqud bl-irbit tiegħu, u l-għeruq, qiegħed jikber skont il-kobor li jrid Alla.
- Jekk intom mittu flimkien ma’ Kristu mill-ħwejjeġ elementari tad-dinja, għaliex, qiskom għadkom tgħixu fid-dinja, intom suġġetti għall-preċetti,
- La tmissx; la dduqx; la taqbadx;
- Li kollha jintemmu bl-użu tagħhom; skont il-kmanda-menti u d-duttrini tal-bnedmin?
- Ħwejjeġ li tassew għandhom wiri ta’ għerf f’qima vol-ontarja, u f’umiltà, u f’moħqrija tal-ġisem; iżda li ma jiswew xejn ħlief biex jissodisfaw lill-ġisem.
Kolossin 3
- Jekk intom irxuxtajtu ma’ Kristu, fittxu l-ħwejjeġ tas-sema, fejn Kristu qiegħed fuq il-lemin ta’ Alla.
- Aħsbu fil-ħwejjeġ tas-sema, mhux f’dawk tal-art.
- Għax intom mittu, u ħajjitkom moħbija ma’ Kristu f’Alla.
- Meta Kristu, li hu ħajjitna, jidher, imbagħad intom ukoll tidhru miegħu fil-glorja.
- Mewtu mela l-membri tagħkom li huma fuq l-art: fornikazzjoni, impurità, passjoni, xewqat ħżiena, u r-regħba li hija idolatrija:
- Li minħabba fihom jiġi l-għadab ta’ Alla fuq ulied id-diżubbidjenza:
- Li fihom intom ukoll imxejtu darba, meta kontu tgħixu fihom.
- Imma issa wkoll neħħejtu dawn kollha: korla, rabja, il-ħażen, il-ħalf, u kliem mhux xieraq minn fommkom.
- La tigdbux lil xulxin, wara li intom inżajtu l-bniedem il-qadim bl-opri tiegħu;
- U lbistu l-bniedem il-ġdid, li hu mġedded fl-għarfien skont ix-xbieha ta’ min ħalqu;
- Fejn la hemm Grieg la Lhudi, la ċirkonċiż, la bla ċirkonċiżjoni, la Barbaru, la Skita, la lsir u la ħieles, iżda Kristu hu kollox, u f’kollox.
- Ilbsu mela, bħala l-magħżulin ta’ Alla, qaddisin u maħ-bubin, qalb ta’ ħniena, it-tjieba, l-umiltà tal-moħħ, il-ħlewwa, is-sabar:
- Issaportu ’l xulxin, u aħfru ’l xulxin, jekk wieħed għandu xi jgħid ma’ l-ieħor: bħal ma ħafrilkom ukoll il-Mulej, hekk ukoll għamlu intom.
- U fuq dawn kollha ilbsu l-imħabba, li hi r-rabta tal-perfezzjoni.
- U ħa jsaltan is-sliem ta’ Alla f’qalbkom; li għalih ukoll intom imsejħin f’ġisem wieħed; u roddu ħajr.
- Ħa tgħammar fikom bil-kotra l-kelma ta’ Kristu f’kull għerf; billi tgħallmu u twissu lil xulxin b’salmi, u innijiet, u għanjiet spiritwali, u tkantaw bil-grazzja f’qalbkom lill-Mulej.
- Kull ma tagħmlu jew tgħidu, agħmlu kollox f’isem il-Mulej Ġesù, u roddu ħajr lil Alla l-Missier permezz tiegħu.
- Nisa, issottomettu ruħkom għal żwieġkom, kif jixraq fil-Mulej.
- Irġiel, ħobbu n-nisa tagħkom, u tkunux ħorox magħ-hom.
- Tfal, isimgħu mill-ġenituri tagħkom f’kollox: għax dan jogħġob ħafna lill-Mulej.
- Missirijiet, tipprovokawx lil uliedkom, biex ma jaqtgħux qalbhom.
- Qaddejja, obdu f’kollox lis-sidien tagħkom skont il-ġisem; mhux għall-għajn, biex togħġbu lill-bnedmin; iżda bis-safa tal-qalb, u l-biża’ ta’ Alla.
- U kulma tagħmlu, agħmluh bil-qalb, qisu lill-Mulej, u mhux lill-bnedmin;
- Billi tafu li mingħand il-Mulej tieħdu l-ħlas tal-wirt: intom qegħdin taqdu lill-Mulej Kristu.
- Imma min jagħmel il-ħażin jitħallas għall-ħażin li jkun għamel, u ma hemm ebda parzjalità.
Kolossin 4
- Sidien, agħtu lil l-ilsiera tagħkom dak li hu ġust u sewwa; billi tafu li intom ukoll għandkom Sid fis-sema.
- Komplu fit-talb, u ishru fih b’radd il-ħajr.
- Itolbu flimkien ukoll għalina, ħalli Alla jiftħilna l-bieb għall-kelma biex inxandru l-misterju ta’ Kristu.
- Biex ngħarrfu, u nitkellem kif imiss.
- Imxu bil-għaqal ma’ dawk li huma barra, billi tirbħu ż-żmien.
- Ħa jkun kliemkom dejjem bil-grazzja, imħawwar bil-melħ, biex tkunu tafu kif għandkom twieġbu lil kulħadd.
- Tikiku, ħija l-għażiż u l-qaddej fidil u ħaddiem fil-Mulej, jagħtikom aħbari.
- Li bgħattu għandkom għall-istess għan, biex ikun jaf kif tinsabu, u jfarrġilkom qalbkom;
- Ma’ Onesimus, ħuna fidil u maħbub, li hu wieħed minnkom. Igħarrfukom bil-ħwejjeġ kollha li qegħdin isiru hawn.
- Isellmilkom Aristarku, fil-ħabs miegħi, u Marku, il-kuġin ta’ Barnaba, (ġa għandkom l-ordnijiet dwaru; jekk jiġi għandkom ilqugħ tajjeb),
- U Ġożwè, li jgħidulu Ġustu. Dawn biss huma taċ-ċirkonċiżjoni fost dawk li qegħdin jaħdmu miegħi għas-saltna t’Alla u huma ta’ faraġ kbir għalija..
- Iselli għalikom Epafaras, li hu wieħed minnkom, qaddej ta’ Kristu, u li jitħabat bil-qalb għalikom fit-talb, biex iżżommu ruħkom perfetti, u mwettqin fir-rieda kollha ta’ Alla.
- Għax jien nixhed għalih, li hu mħeġġeġ ħafna għalikom, u għal dawk li huma Laödikija u Hjerapolis.
- Isellu għalikom Luqa, it-tabib il-maħbub, u Demas.
- Sellu għall-aħwa li huma Laödikija, u għal Nimfas, u għall-knisja li hemm f’daru.
- U meta tinqara minnkom din l-epistola, qisu li tinqara fil-knisja tal-Laodikin ukoll; u li intom ukoll taqraw l-epistola ta’ Laödikija.
- U għidu lil Arkippus: Ħu ħsieb il-ministeru li ħadt fil-Mulej, u qis li twettqu.
- It-tislija minn idi, Pawlu. Ftakru fl-irbit tiegħi. Il-grazzja magħkom. Amen.