L-ITTRA LIL TITU

Dwar Din l-Ittra

 Titu kien Grieg, li akkumpanja lil Pawlu għal Ġerusalemm. Pawlu jsemmi lil Titu bosta drabi fl-ittri tiegħu bħala xi ħadd li ħadem miegħu fl-Asja Minuri u fil-Greċja (2 Korintin 2:13; 7:6, 13; 8:6, 16, 23; 12:18; Galatin 2:3). Pawlu qallu biex jappunta mexxejja u uffiċjali tal-knisja fi Kreta.
 Pawlu jgħid lil Titu biex ikun ċert li l-mexxejja u l-uffiċjali tal-knisja għandhom l-aħjar ripetuzzjonijiet (1:5-9). Din l-ittra hu maħsub li kienet miktuba fis-sena 65 W.K.
 Pawlu jinkludi wkoll struzzjonijiet speċjali għall-gruppi differenti fil-knisja fi Kreta. Hu jfakkar lil Titu li mod ġdid ta’ ħajja huwa possibbli min-ħabba dak li Alla kien għamel billi bagħat lil Ġesù Kristu: Alla salvahom bil-ħasil tat-twelid mill-ġdid tal-Ispirtu Qaddis, u tahom bidu ġdid u t-tama tal-ħajja eterna.
 Pawlu jgħid f’kapitlu 3:4-5 kif aħna nkunu salvi:
4Imma wara dan dehret it-tjieba u l-imħabba ta’ Alla s-Salvatur tagħna lejn il-bniedem, 5Mhux bl-opri tajba li konna għamilna, iżda skont il-ħniena tiegħu salvana, bil-ħasil tat-twelid mill-ġdid, u t-tiġdid tal-Ispirtu Qaddis”

Ħarsa Ħafifa Lejn Din l-Ittra

  • Tislijiet u Talb għal Titu (1:1-4)
  • Struzzjonijiet għal Uffiċjali tal-Knisja (1:5-16)
  • Struzzjonijiet għan-Nies tal-Knisja (2:1—3:11)
  • Parir Personali u l-Aħħar Tislijiet (3:12-15)

Titu 1

  1. Pawlu, qaddej ta’ Alla, u appostlu ta’ Ġesù Kristu, skont il-fidi tal-maħturin ta’ Alla, u t-tagħrif tal-verità li hi skont it-tjieba;
  2. Fit-tama tal-ħajja ta’ dejjem, li Alla, li ma jistax jigdeb, wiegħed qabel ma bdew iż-żminijiet;
  3. Imma li wera f’waqtu l-kelma tiegħu permezz tax-xandir, mogħti f’idejja skont il-kmandament ta’ Alla s-Salvatur tagħna;
  4. Lil Titu, ibni tassew skont il-fidi li għandna t-tnejn: Grazzja, ħniena, u paċi, mingħand Alla l-Missier u Kristu Ġesù s-Salvatur tagħna.
  5. Għalhekk jiena ħallejtek fi Kreta, biex tqiegħed fl-ordni dawk il-ħwejjeġ li huma difettużi, u biex taħtar irġiel anzjani f’kull belt, skont ma ordnajtlek.
  6. Kull min ikun maħtur ma għandu jkollu xejn x’wieħed igħid fih; ikun iżżewweġ darba biss, u jkollu ’l uliedu jemmnu, bla ma ħadd jista’ jixlihom bi mġiba żienja jew bla rażan.
  7. L-indokratur [isqof], bħala amministratur ta’ Alla, għandu jkun bniedem li ħadd ma jista’ jgħid xejn fih: ma għandux ikun mimli bih innifsu, jinkorla malajr, mogħti għax-xorb, ġellied jew rgħib;
  8. Imma jkun bniedem li jilqa’ ’l barranin, iħobb it-tajjeb, meqjus, ġust, qaddis, irżin;
  9. Bniedem li jżomm sħiħ mal-kelma ta’ min jemminha, skont kif kien mgħallem, biex ikun jista’ jagħti struzzjoni bid-duttrina sħiħa u jwiddeb ukoll lil dawk li jikkontradixxu.
  10. Għax hawn ħafna li ma jobdux, li jitħaddtu fieragħ, u qarrieqa, l-aktar dawk taċ-ċirkonċiżjoni:
  11. Li ħalqhom għandu jingħalaq, li jaqilbu familji sħaħ, billi jgħallmu ħwejjeġ li m’għandhomx igħallmu, għall-qliegħ bil-għawġ.
  12. Wieħed minnhom stess, profeta minn tagħhom, qal: Il-Kretin huma dejjem giddieba, bhejjem li jagħmlu l-ħsara, żaqqeqin u għażżenin.
  13. Dix-xhieda hi minnha. Għalhekk ċanfruhom bl-aħrax, biex ikunu sħaħ fil-fidi.
  14. Biex ma jagħtux widen għall-ħrejjef tal-Lhud, u għall-kmandamenti tal-bnedmin, li jagħtu daharhom lill-verità.
  15. Għal min hu safi kollox hu safi: iżda għal dawk li huma mniġġsin u ma jemmnux, xejn mhu safi: iżda moħħhom u l-kuxjenza tagħhom ukoll huma mniġġsin.
  16. Għax jistqarru li jagħrfu lil Alla, biex imbagħad bl-għemil tagħhom jiċħduh. Nies ta’ min jistmerrhom, diżubbid-jenti, u ma jiswew għall-ebda opra tajba.

Titu 2

  1. Imma int tkellem il-ħwejjeġ li jixirqu lid-duttrina sħiħa.
  2. Biex l-irġiel xjuħ ikunu meqjusa, serji, moħħhom ċar, sħaħ fil-fidi, fl-imħabba, u fis-sabar.
  3. In-nisa xjuħ l-istess: iġibu ruħhom kif jixraq lill-qdusija, mhux kalunjaturi, mhux mogħtijin għal ħafna nbid, imma għalliema ta’ ħwejjeġ tajba;
  4. Biex igħallmu n-nisa żagħżagħ ikunu meqjusin, iħobbu lil żwieġhom, u lil uliedhom.
  5. Li jkunu bil-għaqal, safja, jieħdu ħsieb id-dar, tajbin, jisimgħu minn żwieġhom, biex ma jsirx tkasbir bil-kelma ta’ Alla.
  6. Hekk ukoll iż-żgħażagħ wissihom biex ikunu meqjusin.
  7. Uri lilek innifsek f’kollox xempju ta’ opri tajba: fit-tagħlim, nuqqas ta’ taħsir, għaqal, sinċerità.
  8. Kliem sħiħ, li ma jistax ikun ikkundannat: biex min hu kontra jistħi, billi ma jsib xi jgħid l-ebda deni fuqek.
  9. Widdeb lill-ilsiera biex jissottomettu lilhom infushom għas-sidien tagħhom fil-ħwejjeġ kollha, u jogħġbuhom sewwa, ma jikkontradixxuhomx.
  10. Ma jisirqux, imma juru li huma fidili għalkollox; biex isebbħu t-tagħlim ta’ Alla s-Salvatur tagħna f’kollox.
  11. Għax il-grazzja ta’ Alla li ġġib is-salvazzjoni dehret lill-bnedmin kollha,
  12. U għallmitna niċħdu l-ħażen u x-xewqat tad-dinja, biex ingħixu b’moħħna floku, bil-ġustizzja, u bit-tjieba, fiż-żmien ta’ issa.
  13. Nistennew dik it-tama mbierka, u d-dehra glorjuża t’Alla l-kbir u Salvatur tagħna Ġesù Kristu.
  14. Li ta lilu nnifsu biex jifdina minn kull ħażen, u jnaddaf għalih innifsu poplu, li hu tiegħu, imħeġġeġ għall-opri tajba.
  15. Dawn il-ħwejjeġ iddikjara, u widdeb, u ċanfar bl-awtorità kollha. Tħalli ’l ħadd min imaqdrek.

Titu 3

  1. Fakkarhom li għandhom ikunu suġġetti għall-gvernijiet u l-awtoritajiet, li jissottomettu lilhom infushom, u li jkunu ubbidjenti lejn il-mexxejja, ikunu mhejjijin għal kull għemil tajjeb,
  2. Ma jimmalafamaw lil ħadd, ma jkunux ġellieda, imma ġwejdin, billi jkunu kollhom ħlewwa ma’ kulħadd.
  3. Għax aħna stess konna wkoll darba boloh, ma nobdux, imqarrqin, naqdu kull xorta ta’ xewqat u pjaċiri, ngħixu fil-ħażen u l-għira, mibgħudin, u nobogħdu lil xulxin.
  4. Imma wara dan dehret it-tjieba u l-imħabba ta’ Alla s-Salvatur tagħna lejn il-bniedem,
  5. Mhux bl-opri tajba li konna għamilna, iżda skont il-ħniena tiegħu salvana, bil-ħasil tat-twelid mill-ġdid, u t-tiġdid tal-Ispirtu Qaddis.
  6. Li sawwab fuqna bil-kotra b’Ġesù Kristu s-Salvatur tagħna;
  7. Biex wara li nkunu ġġustifikati bil-grazzja tiegħu, insiru werrieta skont it-tama tal-ħajja ta’ dejjem.
  8. Din kelma vera: u fuq dawn il-ħwejjeġ irridek tħaqqaq ta’ spiss, biex dawk li jemmnu f’Alla jieħdu ħsieb li jagħtu ruħhom għall-opri ġusti. Dawn il-ħwejjeġ huma tajbin u ta’ benefiċċju għall-bnedmin.
  9. Imma aħrab kwistjonijiet boloh, u ġenealoġiji, u ġlied, u tilwim fuq il-liġi; għax huma bla ebda benefiċċju u fiergħa.
  10. Bniedem li jġib il-firda, wara l-ewwel u t-tieni twissija, warrbu.
  11. Billi taf li bniedem bħal dan hu maqlub, u jidneb, u ikkundannat minnu nnifsu.
  12. Meta nibgħat lil Artemas għandek, jew lil Tikikus, ħaffef biex tiġi għandi Nikopolis: għax hemm waħħalt f’rasi li ngħaddi x-xitwa.
  13. Għamel mill-aħjar biex iġġib lil Żenas l-avukat u lil Apollo fil-vjaġġ tagħhom, biex ma jonqoshom xejn.
  14. Ħa jitgħallmu tagħna wkoll jagħtu ruħhom għall-opri tajba għall-ħtiġijiet li jistgħu jinqalgħu, biex ma jkunux bla frott.
  15. Isellu għalik dawk kollha li huma miegħi. Selli għal dawk li jħobbuna fil-fidi. Il-grazzja magħkom ilkoll. Amen.