L-ITTRA LILL-EFESIN

Dwar Din l-Ittra

 Pawlu għadda ħajtu jgħallem lill-Ġentili li huma jistgħu jkunu Kristjani mingħajr ma jsiru proseliti Lhud. Dan xejn ma kien jogħġob lil-Lhud ġeneralment, għaliex huma kienu jaħsbu dwar il-Liġi Możajka li kienet torbot fuq kulħadd, u kienu wisq ippreġudikati kontra l-Ġentili mhux Ċirkonċiżi li ppreżumew li jsejħu lilhom infushom dixxipli tal-Messija Lhudi.
 Waqt li Pawlu għallem lill-Kristjani Ġentili biex jieqfu bħall-blata għall-Ħelsien tagħhom fi Kristu, kif hu għamel fil-Galatin u f’Rumani, madankollu hu ma riedhomx li jkunu preġudikati kontra l-Kristjani Lhud, imma biex iqisuhom bħala Aħwa fi Kristu.
 Pawlu ma riedx li jara żewġ knejjes: Knisja Lhudija u Knisja Ġentili: imma KNISJA WAĦDA: Lhud u Ġentili wieħed fi Kristu.
 Din hija waħda minn erba’ “Ittri tal-Ħabs,” miktuba mill-priġunerija Rumana ta’ Pawlu, fis-snin 61-63 W.K. L-oħrajn huma Filippin, Kolossin u Filemon. Pawlu jgħallem lil irġiel u n-nisa tagħhom, tfal u ġenituri, u lsiera u sidjien kif igħixu l-ħajja bħala Kristjani (5:21—6:9).
 Pawlu qatt ma jinsa kien hu ħanin Alla:
4Imma Alla, li hu għani fil-ħniena, għall-imħabba kbira tiegħu li biha ħabbna, 5Ukoll meta konna mejtin fid-dnubiet, tana l-ħajja flimkien ma’ Kristu, bil-grazzja intom salvati…. 8Għax bil-grazzja intom salvati, permezz tal-fidi: u dan mhux minkom infuskom: dan hu don ta’ Alla” (2:4, 5, 8).

Ħarsa Ħafifa Lejn Din l-Ittra

  • Tislijiet (1:3—3:21)
  • Kristu Jġib Barkiet Spiritwali (1:3—3:21)
  • Ħajja Ġdida f’Għaqda Ma’ Kristu (4:1—6:20)
  • L-Aħħar Tislijiet (6:21-24)

Efesin 1

  1. Pawlu, appostlu ta’ Ġesù Kristu bir-rieda ta’ Alla, lill-qaddisin li huma f’Efesu, u lill-fidili fi Kristu Ġesù:
  2. Grazzja lilkom, u sliem, mingħand Alla Missierna, u mingħand il-Mulej Ġesù Kristu.
  3. Imbierek ikun Alla u Missier il-Mulej tagħna Ġesù Kristu, li berikna b’kull barka spiritwali f’postijiet fis-smewwiet fi Kristu.
  4. Bħal ma għażilna fih qabel it-tisjis tad-dinja, biex inkunu qaddisin u bla ħtija quddiemu fl-imħabba;
  5. Billi ppredestinana biex inkunu wliedu adottivi għalih innifsu b’Ġesù Kristu, skont l-iskop tar-rieda tiegħu,
  6. Għat-tifħir tal-glorja tal-grazzja tiegħu, li biha għamilna milqugħin fil-Maħbub.
  7. Li fih għandna l-fidwa permezz ta’ demmu, il-maħfra ta’ ħtijietna, skont il-għana tal-grazzja tiegħu;
  8. Li kattar fuqna bl’ għerf kollu u għaqal;
  9. Billi għarrafna l-misterju tar-rieda tiegħu, skont l-inten-zjoni tajba tiegħu li għoġbu jagħmel minn qabel fih stess:
  10. Biex il-pjan tal-milja taż-żminijiet, jiġbor kollox flimkien fi Kristu, sew dak li hemm fis-sema, u kemm dak li hemm fl-art; iva, fih.
  11. Fih ukoll aħna konna magħżula, billi konna ppredestinati skont il-pjan ta’ dak li jagħmel il-ħwejjeġ kollha skont l-iskop tar-rieda tiegħu.
  12. Biex inkunu għat-tifħir tal-glorja tiegħu, aħna li minn qabel ittamajna fi Kristu.
  13. Li fih intom ukoll fdajtu, wara li smajtu l-kelma tal-verità, l-evanġelju tas-salvazzjoni tagħkom: li fih ukoll u intom ukoll emmintu, kontu issiġillati b’dak l-Ispirtu mqaddes tal-wegħda,
  14. Li hu rahan tal-wirt tagħna sakemm aħna niksbu l-pussess tiegħu għat-tifħir tal-glorja tiegħu.
  15. Għalhekk jien ukoll wara li smajt fuq il-fidi tagħkom fil-Mulej Ġesù, u l-imħabba lejn il-qaddisin kollha.
  16. Ma nehdiex niżżiħajr għalikom, billi msemmikom fit-talb tiegħi;
  17. Biex Alla tal-Mulej tagħna Ġesù Kristu, Missier il-glorja, jagħtikom spirtu ta’ għerf u rivelazzjoni ħalli jkollkom għarfa sħiħa tiegħu:
  18. Billi jdawlilkom il-għajnejn ta’ moħħkom; biex tkunu tafu x’inhi t-tama tas-sejħa tiegħu, liema għana ta’ glorja fih il-wirt tiegħu qalb il-qaddisin.
  19. U kemm hu tal-għaġeb il-kobor tas-setgħa tiegħu għal-ina li nemmnu, skont il-ħidma tas-setgħa qawwija tiegħu.
  20. Li għamel fi Kristu, meta qajmu mill-imwiet, u qiegħdu fin-naħa tal-lemin tiegħu stess fis-smewwiet.
  21. Wisq ’il fuq minn kull tmexxija, u awtorità, u qawwa, u ħakma, u kull isem li jissemma, mhux biss f’dan iż-żmien, imma f’dak ukoll li ġej:
  22. U qiegħed kollox taħt riġlejh, u lilu għamlu fuq kollox, biex ikun ir-ras tal-knisja.
  23. Li hi ġismu, il-milja ta’ dak li jimla kollox f’kollox.

Efesin 2

  1. U intom li kontu mejtin bil-ħtijiet u d-dnubiet;
  2. Li fihom intom imxejtu fl-imgħoddi skont iż-żmien tad-dinja, skont il-ħakkiem tal-awtorità tal-ajru, l-ispirtu li issa jaħdem f’ulied id-diżubbidjenza:
  3. Li fosthom ukoll għexna aħna lkoll f’xi żmien fix-xewaqt ħżiena ta’ ġisimna, inwettqu x-xewqat tal-ġisem u tal-moħħ; u konna min-natura wlied il-għadab l-istess bħall-oħrajn.
  4. Imma Alla, li hu għani fil-ħniena, għall-imħabba kbira tiegħu li biha ħabbna,
  5. Ukoll meta konna mejtin fi ħtijietna, tana l-ħajja flimkien ma’ Kristu, (bil-grazzja intom salvati;)
  6. U qajjimna flimkien, u qegħidna flimkien fis-smewwiet fi Kristu Ġesù.
  7. Biex fiż-żminijiet li ġejjin juri l-għana tal-għaġeb tal-grazzja tiegħu, fit-tjieba tiegħu permezz ta’ Kristu Ġesù.
  8. Għax bil-grazzja intom salvati, permezz tal-fidi: u dan mhux minkom infuskom: dan hu don ta’ Alla.
  9. Mhux mill-opri, biex ħadd ma jiftaħar.
  10. Għax aħna x-xogħol tiegħu, maħluqin fi Kristu Ġesù għall-opri tajba, li Alla hejja minn qabel biex nimxu fihom.
  11. Għalhekk ftakru, li fl-imgħoddi kontu Ġentili fil-ġisem, u kontu msejħin mhux ċirkonċiżi minn dawk li huma msejħin ċirkonċiżjoni fil-ġisem b’id il-bniedem;
  12. Li f’dak iż-żmien kontu mingħajr Kristu, billi kontu barra mill-poplu ta’ Iżrael, u barranin għar-rabtiet tal-wegħda, mingħajr tama, u mingħajr Alla fid-dinja:
  13. Imma issa fi Kristu Ġesù, intom li darba kontu ’l bogħod ħafna, kontu miġjuba qrib bid-demm ta’ Kristu.
  14. Kristu hu s-sliem tagħna, hu, li minn t-tnejn għamel poplu wieħed,
  15. Billi abolixxa fil-ġisem Tiegħu l-liġi ta’ kmandamenti murija f’ordinanzi, biex hu joħloq fih innifsu bniedem wieħed ġdid minflok it-tnejn, b’hekk jagħmel il-paċi.
  16. U jirrikonċiljana t-tnejn ma’ Alla f’ġisem wieħed permezz tas-salib li bih qered il-mibegħda.
  17. U ġie u xandar is-sliem lilkom li kontu ’l bogħod ħafna, u lil dawk li kienu qrib.
  18. Għax permezz tiegħu aħna t-tnejn għandna dħul bi Spirtu wieħed għand il-Missier.
  19. Issa mela m’għadkomx aktar stranġieri u barranin, imma ċittadini tal-istess belt mal-qaddisin, u tad-dar ta’ Alla.
  20. Mibnijin fuq il-pedamenti tal-appostli u tal-profeti, b’Ġesù Kristu nnifsu bħala l-ġebla tax-xewka;
  21. Li fih il-bini kollu mgħaqqad tajjeb flimkien jikber f’tempju mqaddes fil-Mulej:
  22. Li fih intom ukoll mibnijin flimkien f’dar li fiha jgħammar Alla permezz tal-Ispirtu.

Efesin 3

  1. Għal din ir-raġuni jien Pawlu, il-priġunier ta’ Ġesù Kristu għalikom il-Ġentili,
  2. Jekk intom smajtu bix-xogħol mogħti lili mill-grazzja ta’ Alla għalikom:
  3. Jiġifieri, li permezz ta’ rivelazzjoni għarrafni l-misterju, bħalma ġa ktibtilkom fil-qosor.
  4. Li bihom, meta taqraw, tistgħu tifhmu x’naf jien mill-misterju ta’ Kristu,
  5. Li fi żminijiet imgħoddija ma kienx imgħarraf lil ulied il-bniedem, bħalma hu irrivelat issa bl-Ispirtu lill-appostli qaddisa tiegħu u lill-profeti;
  6. Biex il-Ġentili jkunu sħab fil-wirt, u mill-istess ġisem, u jaqsmu fil-wegħda tiegħu fi Kristu permezz tal-evanġelju.
  7. Li tiegħu jien sirt ministru, skont id-don tal-grazzja ta’ Alla mogħti lili bil-ħidma tas-setgħa tiegħu.
  8. Lili, li jien l-iżgħar fost il-qaddisin kollha, hi mogħtija dil-grazzja, li nxandar fost il-Ġentili l-għana bla tarf ta’ Kristu;
  9. U li nġib għad-dawl għal kulħadd x’inhi l-amministrazzjoni tal-misterju moħbi matul iż-żminijiet f’Alla li ħalaq kollox
  10. Biex ikun imgħarraf issa lill-mexxejja u lill-awtoritajiet fis-smewwiet, permezz tal-knisja, il-għerf ta’ mezzi bla tarf ta’ Alla,
  11. Skont l-iskop etern li hu għamel fi Kristu Ġesù, il-Mulej tagħna.
  12. Li fih għandna l-ħila nersqu b’qalbna qawwija bil-fidi li għandna fih.
  13. Għalhekk nixtieq li ma taqtgħux qalbkom minħabba t-tribulazzjonijiet tiegħi għalikom; li hu l-glorja tagħkom.
  14. Minħabba f’hekk nilwi rkupptejja quddiem il-Missier tal-Mulej tagħna Ġesù Kristu,
  15. Li minnu tissemma kull familja, fis-sema u fl-art.
  16. Biex jagħtikom, skont il-għana tal-glorja tiegħu, li tis-saħħu bil-qawwa bl-Ispirtu tiegħu fil-bniedem ta’ ġewwa;
  17. Biex igħammar Kristu f’qalbkom bil-fidi; biex intom, billi għandkom l-għeruq u l-pedamenti fl-imħabba.
  18. Tkunu tistgħu tifhmu mal-qaddisin kollha l-wisa’, u t-tul, u l-fond, u l-għoli;
  19. U tagħrfu l-imħabba ta’ Kristu, li tisboq l-għarfien, biex timtlew bil-milja kollha ta’ Alla.
  20. Issa lil dak li jista’ jagħmel wisq aktar minn dak kollu li nitolbu jew milli naħsbu, skont is-setgħa li taħdem fina,
  21. Lilu tingħata l-glorja fil-knisja, bi Kristu Ġesù fiż-żminijiet kollha, għal dejjem ta’ dejjem. Amen.

Efesin 4

  1. Jien mela, il-priġunier tal-Mulej, nitlobkom bil-ħniena li timxu kif jixraq lis-sejħa li biha kontu msejħin,
  2. Bl-umiltà kollha u bil-ħlewwa, bis-sabar, taħmlu lil xulxin bl-imħabba;
  3. Titħabtu biex iżżommu l-għaqda tal-Ispirtu bir-rabta tas-sliem.
  4. Hemm ġisem wieħed, u Spirtu wieħed, bħal ma kontu msejħin f’tama waħda tas-sejħa tagħkom;
  5. Mulej wieħed, fidi waħda, magħmudija waħda,
  6. Alla wieħed u Missier kulħadd, li hu fuq kulħadd, u f’kulħadd, u ġo fikom ilkoll.
  7. Imma lil kull wieħed minna hi mogħtija l-grazzja skont il-qjies tad-don ta’ Kristu.
  8. Għalhekk igħid: Meta tala’ fil-għoli, ħa fil-jasar il-jasar, u ta doni lill-bnedmin.
  9. Issa li tala’ x’inhu ħlief li wkoll niżel qabel fl-inħawi l-aktar t’isfel tal-art?
  10. Dak li niżel huwa dak li tela’ fuq is-smewwiet kollha, biex jimla kollox.
  11. U huwa dak li ta lil xi wħud li jkunu appostli, lil xi wħud profeti, lil xi wħud evanġelisti, lil xi wħud rgħajja u mgħallmin;
  12. Hekk jitrawmu l-qaddisin għax-xogħol tal-ħidma tagħhom għall-bini tal-ġisem ta’ Kristu,
  13. Sakemm aħna lkoll niksbu l-għaqda tal-fidi u fil-għarfien preċiż tal-Iben ta’ Alla; insiru raġel magħmul, fl-aħjar ta’ żmienu, fil-qjies tal-istatura tal-milja ta’ Kristu,,
  14. Sabiex ma nkunux aktar trabi, mitfugħin ’l hawn u ’l hemm, u mkaxkra minn kull riħ ta’ tagħlim bil-qerq tal-bned-min u bl-ingann tagħhom biex iwasslu lil ħaddieħor fl-iżball.
  15. Imma waqt li nżommu l-verità fl-imħabba nikbru f’kollox fih, f’dak li hu r-Ras, Kristu.
  16. Li minnu l-ġisem kollu magħqud u miżmum flimkien b’dak li kull ġog jipprovdi, skont il-ħidma xierqa ta’ kull parti individwali, jikkawża l-kobor tal-ġisem biex jibni lilu nnifsu fl-imħabba.
  17. Dan jien ngħid mela, u nixhed fil-Mulej, li minn issa ’l quddiem ma timxux iżjed bħal ma jimxu ġnus oħra, wara l-frugħa ta’ moħħhom,
  18. Li għandhom moħħhom imdallam, u mbegħdin mill-ħajja ta’ Alla, minħabba l-injuranza li qiegħda fihom, u l-ebu-sija ta’ qalbhom:
  19. U billi ma jħossux, taw lilhom infushom għat-tbaħrid, biex jagħmlu b’kilba kull faħx.
  20. Imma intom mhux hekk tgħallimtu ’l Kristu;
  21. Jekk intom tassew smajtuh, u kontu mgħallmin minnu, billi l-verità hi f’Ġesù:
  22. Biex tinżgħu għal dik li hija ħajja mgħoddija l-bniedem il-qadim, li hu mħassar skont ix-xewqat qarrieqa;
  23. U tiġġeddu fl-ispirtu ta’ moħħkom;
  24. U tilbsu l-bniedem ġdid, li skont Alla hu maħluq fil-ġustizzja u l-qdusija tal-verità.
  25. Għalhekk warrbu l-gideb, u kull wieħed jitkellem il-verità mal-ġar tiegħu: għax aħna membri ta’ xulxin.
  26. Kunu nkurlati, imma la tidinbux: tħallux ix-xemx tgħib fuq il-korla tagħkom:
  27. Lanqas tagħtu wisa’ lix-Xitan.
  28. Min seraq ħa ma jisraqx aktar: imma ħa jaħdem, billi jagħmel b’idejh stess il-ħaġa tajba, biex ikollu x’jagħti lil min hu fil-bżonn.
  29. Ħa ma toħroġ ebda kelma ħażina minn fommkom; imma dik li hi tajba, u li tiswa għall-ġid, biex tagħti grazzja lil dawk li jisimgħuha.
  30. U la tnikktux lill-Ispirtu mqaddes ta’ Alla, li bih intom issiġillati għal jum il-fidwa.
  31. Ħa jitwarrab minnkom kull imrar, u saħna, u korla, u għajat, u kliem ħażin, ma’ kull ħażen.
  32. U kunu qalbkom tajba ma’ xulxin, ħennu għal xulxin, u aħfru ’l xulxin, bħal ma ħafrilkom Alla għal Kristu.

Efesin 5

  1. Imitaw mela lil Alla bħala wlied maħbuba;
  2. U imxu fl-imħabba, bħalma Kristu wkoll ħabbna, u ta lilu nnifsu għalina bħala offerta u sagrifiċċju lil Alla b’rieħa ħelwa.
  3. La l-fornikazzjoni, u lanqas ebda faħx, jew ir-regħba, ma għandhom jissemmew darba waħda biss fostkom, kif jixraq lill-qaddisin;
  4. Lanqas kliem moqżież, u kliem iblah, u ċajt, li ma jixirqux: imma pjuttost radd il-ħajr.
  5. Għax dan kunu afu; li ebda fornikatur jew faħxi jew rgħib (li hu idolatra) ma jkollu wirt fis-Saltna ta’ Kristu u ta’ Alla.
  6. Tħallu lil ħadd iqarraq bikom bi kliem fieragħ, għaliex minħabba f’dawn il-ħwejjeġ tiġi l-korla ta’ Alla fuq ulied id-diżubbidjenza.
  7. Mela tissieħbu qatt magħhom!
  8. Għax intom kontu darba dlam, imma issa intom dawl fil-Mulej: imxu bħala wlied id-dawl.
  9. Għax il-frott tad-dawl jinsab f’kull tjieba u ġustizzja u verità;
  10. Billi tfittxu li tagħrfu dak li jogħġob lill-Mulej,
  11. U la tissiħbux fl-opri bla frott tad-dlam, iżda minflok ikxfuhom.
  12. Għax hu għajb ukoll li wieħed jitkellem fuq dawk il-ħwejjeġ li huma jagħmlu fil-moħbi.
  13. Imma l-ħwejjeġ kollha li huma kkundannati jinkixfu mid-dawl: għax kulma jidher hu dawl.
  14. Għalhekk igħid: Stenbaħ int li rieqed, u qum mill-imwiet, u jdawlek Kristu.
  15. Araw mela li timxu bil-għaqal, mhux bħal boloh, imma bħal għorrief,
  16. Billi tirbħu ż-żmien, għax il-jiem huma ħżiena.
  17. Għalhekk tkunux bla għaqal, imma ifhmu x’inhi r-rieda tal-Mulej.
  18. U la tiskrux bl-inbid, li fih hemm il-ħajja bla rażan; imma mtlew bl-Ispirtu;
  19. Billi tgħidu wieħed lil ieħor salmi, innijiet u għana spiritwali; kantaw u agħmlu melodija minn qalbkom lill-Mulej.
  20. Troddu l-ħajr dejjem u ta’ kollox ’l Alla l-Missier f’isem il-Mulej tagħna Ġesù Kristu;
  21. Billi tissottomettu ruħkom għal xulxin fil-biża’ ta’ Kristu.
  22. Nisa, issottomettu ruħkom għal żwieġkom, qiskom għall-Mulej.
  23. Għax ir-raġel hu ras martu, bħalma Kristu hu ras il-knisja: u hu s-salvatur tal-ġisem.
  24. Mela bħalma l-knisja hi suġġetta għal Kristu, ħa jkunu hekk in-nisa għal żwieġhom f’kollox.
  25. Intom irġiel, ħobbu n-nisa tagħkom, bħalma Kristu ħabb ukoll lill-knisja, u ta lilu nnifsu għaliha;
  26. Biex iqaddisha u jnaddafha bil-ħasil tal-ilma bil-kelma.
  27. Biex jagħmilha tidher quddiemu knisja glorjuża, bla tebgħa, bla tikmixa, u bla xejn minn dan; iżda biex tkun qad-disa, u bla tebgħa.
  28. Hekk għandhom l-irġiel iħobbu n-nisa tagħhom bħal-kieku ġisimhom infushom. Min iħobb lil martu, iħobb lilu nnifsu.
  29. Għax ħadd għadu qatt ma bagħad lil ġismu’ imma jmantnih u jieħu ħsiebu; hekk ukoll il-Mulej il-knisja:
  30. Għax aħna membri ta’ ġismu, ta’ laħmu, u ta’ għadmu.
  31. Minħabba f’hekk, raġel iħalli lil missieru u lil ommu, u jingħaqad ma’ martu, u jkunu t-tnejn ġisem wieħed.
  32. Dan hu misterju kbir; iżda jien irrid ngħid għal Kristu u l-knisja.
  33. Għalhekk kull wieħed minnkom, hu min hu, ħa jħobb lil martu bħalu nnifsu; u l-mara tweġġah lil żewġha.

Efesin 6

  1. Tfal, isimgħu mill-ġenituri tagħkom fil-Mulej: għax dan sewwa.
  2. Weġġah lil missierek u lil ommok; dan hu l-ewwel kmandament b’wegħda;
  3. Biex jaħbatlek tajjeb, u tgħix ħajja twila fuq l-art.
  4. U intom, missirijiet, la tipprovokawx lil uliedkom għall-għadab: imma rabbuhom fit-tagħlim u d-dixxiplina tal-Mulej.
  5. Ilsiera, isimgħu minn dawk li huma s-sidien tagħkom skont il-ġisem, bil-biża’ u t-tregħid, bis-safa ta’ qalbkom, qiskom għal Kristu;
  6. Mhux għal l-għajn, biex togħġbu lill-bnedmin; imma bħala lsiera ta’ Kristu, billi tagħmlu r-rieda ta’ Alla mill-qalb;
  7. Aqduhom bil-qalb, qiskom lill-Mulej, u mhux lill-bnedmin:
  8. Billi tafu li għal kull ħaġa tajba li wieħed jagħmel, dan jieħu l-ħlas minn għand Alla, sew jekk ikun ilsir, kemm jekk ikun ħieles.
  9. U intom, is-sidien, agħmlu l-istess magħhom; ħallukom mit-tehdid, għax tafu li s-Sid fis-smewwiet hu tagħhom bħalma hu tagħkom, u hu ma jħares lejn wiċċ ħadd.
  10. Mill-bqija, twettqu fil-Mulej u ssaħħu bil-qawwa tiegħu.
  11. Ilbsu l-armatura ta’ Alla biex tkunu tifilħu tieqfu għat-tnassis tax-Xitan.
  12. Għax il-ġlieda tagħna m’hijiex kontra d-demm u l-laħam, imma kontra s-setgħat, kontra l-qawwiet, kontra l-ħakkiema ta’ din id-dinja ta’ dlamijiet, kontra l-ispirti ħżiena li jgħammru fil-wisa’ tas-smewwiet.
  13. Għalhekk ħudu fuqkom l-armatura ta’ Alla, ħalli tkunu tistgħu tieqfu fi żmien il-ħażen u, wara li tkunu għamiltu ħilitkom kollha, iżżommu weqfin.
  14. Żommu sħiħ, mela, ħażżmu ġenbejkom bil-verità, ilbsu l-korazza tal-ġustizzja,
  15. U xiddu riġlejkom bil-ħeġġa tal-Evanġelju tas-sliem;
  16. Fuq kollox, ħudu f’idejkom it-tarka tal-fidi, li biha tistgħu titfu l-vleġeġ kollha tan-nar tal-ħażin;
  17. U aċċettaw l-elmu tas-salvazzjoni u x-xabla tal-Ispirtu li hi l-Kelma ta’ Alla. Itolbu dejjem fl-Ispirtu,
  18. B’kull xorta ta’ talb u f’kull ħtieġa, ishru fih f’kull żmien appuntat, u itolbu għall-ħtiġijiet tal-qaddisin kollha.
  19. U għalija, biex tingħatali l-kelma, ħalli nkun nista’ nitkellem bla biża’, biex ngħarraf il-misterju tal-evanġelju.
  20. Li tiegħu jien ambaxxatur marbut bil-ktajjen: biex nitkellem bla biża’, kif jaħtieġli nitkellem.
  21. Iżda biex tkunu tafu wkoll fiex ninsab, u kif jien, Tikikus, ħuna l-maħbub qaddej fidil tal-Mulej, igħarrafkom kollox:
  22. bgħattu għandkom għalhekk, biex tkunu tafu fiex nin-sabu, u biex ifarrġilkom qalbkom.
  23. Sliem lill-aħwa, u mħabba flimkien mal-fidi, mingħand Alla l-Missier u l-Mulej Ġesù Kristu.
  24. Il-grazzja ma’ dawk kollha li jħobbu lill-Mulej tagħna Ġesù Kristu fis-sinċerità. Amen.