IL-KTIEB TA’ RIVELAZZJONI

Dwar Dan il-Ktieb

 L-awtur tal-Ktieb ta’ Rivelazzjoni huwa Ġwanni. Dan il-ktieb igħid dak il Ġwanni kien ra f’viżjoni dwar il-messaġġ ta’ Alla u dwar x’kien qal u x’kien għamel Ġesù (1:2). Il-messaġġ għandu tliet partijiet prinċipali: (1) Hemm qawwiet ħżiena jaħdmu fid-dinja, u l-Kristjani jistgħu jkollhom li jbatu u jmutu. (2) Ġesù huwa Mulej, u Hu se jirbaħ lil dawk kollha u lill-qawwiet kolha li jopponu lil Alla; u (3) Alla għandu premjijiet tal-għaġeb merfugħin għan-nies fidili Tiegħu, li jibqgħu fidili Lejh, speċjalment għal dawk li jitiflu ħajjithom f’dan is-servizz.
 Billi dan il-ktieb hu mimli b’viżjonijiet li jużaw ideat u kliem fi stampi mit-Testment il-Qadim, dan kien bħall-ktieb b’messaġġi sigrieti għall-Kristjani tal-bidu. Il-ktieb kien jista’ jkun mgħoddi madwar u jkun mifhum mill-Kristjani, imma uffiċjal tal-Imperu Ruman ma jkunx jista’ jifhmu. Eżempju, meta l-waqa’ ta’ Babel hija mfissra (kapitlu 18), il-Kristjani tal-bidu kienu jafu li din kienet turi għall-waqa’ tal-Imperu Ruman. Dan l-għarfien tahom it-tama.
 Rivelazzjoni probabbilment kien miktub fit-tmiem tal-ħajja tal-Appostlu Ġwanni. Xi wħud igħidu li nkiteb bejn is-sena 90 u s-sena 95 W.K.
 Fil-bidu ta’ dan il-ktieb hemm seba’ ittri lil seba’ knejjes. Dawn l-ittri juru x’jagħmlu gruppi differenti ta’ dixxipli tal-Mulej f’waqtiet ta’ persekuzzjoni (2:1—3:22).
 L-awtur juża ħafna tixbihat qawwija biex jiddeskrivi l-qawwa u l-ġudizzju ta’ Alla. Il-viżjoni tat-tron ta’ Alla (4:1-11) u r-romblu ta’ karta u l-Ħaruf (5:1-14) turi li Alla u Kristu huma fil-kontroll tal-ġrajjien umani u sopranaturali kollha. Ftuħ tas-seba’ siġilli (6:1—8:5), daqq tas-seba’ trombi (8:6-11:19), u l-iżvojtar tas-seba’ bwieqi (16:1-21) huma fost il-viżjonijiet li juru l-ġudizzju qalil ta’ Alla fuq id-dinja.
 Wara lit-tbatija ġiet fit-tmiem, in-nies fidili ta’ Alla jirċievu l-akbar barka minn kollox:
“Ara, l-agħmara ta’ Alla hi mal-bnedmin, u hu jgħammar magħhom, u huma jkunu l-poplu tiegħu, u Alla stess ikun magħhom, u jkun Alla tagħhom. U jimsaħ Alla kull demgħa minn għajnejhom; u ma jkunx hemm iżjed mewt, u la għali, u la biki, u lanqas uġigħ iżjed; għax il-ħwejjeġ ta’ qabel ikunu għaddew” (21:3b, 4).

Ħarsa Ħafifa Lejn Dan il-Ktieb

  • Profezija Minn Ġwanni (1:1-8)
  • Viżjoni tal-Mulej Ħaj (1:9-20)
  • Ittri lis-Seba’ Knejjes (2:1—3:22)
  • Viżjoni ta’ Qima fis-Smewwiet (4:1-11)
  • Romblu tal-Karti b’Seba’ Siġilli (5:1—6:17)
  • Qima Quddiem it-Tron ta’ Alla (7:1-17)
  • Seba’ Trombi (8:1—11:19)
  • Dragun u Żewġ Bhejjem (12:1—13:18)
  • Viżjonijiet tal-Ġudizzju u l-Protezzjoni ta’ Alla (14:1—15:8)
  • Sweba’ Bwieqi tal-Korla ta’ Alla (16:1-21)
  • L-Għedewwa ta’ Alla Huma Megħluba (17:1—20:10)
  • Il-Ġudizzju Finali (20:11-15)
  • Sema Ġdida u Art Ġdida (21:1-8)
  • Ġerusalemm il-Ġdida (21:9—22:5)
  • Kristu Dalwaqt Jerġa’ Jiġi (22:6-21)

Rivelazzjoni 1

  1. Ir-Rivelazzjoni ta’ Ġesù Kristu, li tah Alla, biex juri lill-qaddejja tiegħu l-ħwejjeġ li għandhom jiġru dalwaqt; u li hu bagħat u għarrafha bl-anġlu tiegħu lill-qaddej tiegħu Ġwanni:
  2. Li ta xhieda tal-kelma ta’ Alla, u tax-xhieda ta’ Ġesù Kristu, u ta’ kulma ra.
  3. Imbierek min jaqra, u dawk li jisimgħu l-kliem ta’ dil-profezija, u jħarsu dawk il-ħwejjeġ li huma miktubin fiha: għax iż-żmien hu qrib.
  4. Ġwanni lis-seba’ knejjes li hemm fl-Asja: Grazzja lilkom, u sliem mingħand dak li hu, u li kien, u li ġej u mis-seba’ Spirti li huma quddiem it-tron tiegħu;
  5. U mingħand Ġesù Kristu, li hu x-xhud fidil, u l-imwieled l-ewwel fost il-mejtin, u l-Ħakkiem tas-slaten tal-art. Lilu li ħabbna, u li ħallna minn dnubietna f’demmu stess.
  6. U għamilna saltna u qassisin għal Alla Missieru; lilu glorja u qawwa għal dejjem ta’ dejjem. Amen.
  7. Ara, ġej mas-sħab; u tarah kull għajn, u dawk ukoll li nifduh: u jixhru minħabba fih it-tribujiet kollha tal-art. Iva, Amen.
  8. Jien hu l-Alfa u l-Omega, il-bidu u t-tmiem, jgħid il-Mulej Alla, li hu, u li kien, u li ġej, Dak li jista’ kollox.
  9. Jiena, Ġwanni, ħukom f’Ġesù Kristu u sieħeb tagħkom fit-tribulazzjoni u fis-saltna u fis-sabar, jien sibt ruħi fil-gżira li jisimha Patmos minħabba l-Kelma ta’ Alla u x-xhieda ta’ Ġesù.
  10. Kont fl-Ispirtu f’jum il-Mulej, u, smajt warajja leħen qawwi, bħal ta’ tromba.
  11. Igħid: dak li tara, iktbu fi ktieb, u ibgħatu lis-seba’ knejjes li hemm fl-Asja; f’Efesu, u fi Smirni, u f’Pergamu, u f’Tijatira, u f’Sardi, u f’Filadelfja, u f’Laödikija.
  12. U dort biex nara l-leħen li kien ikellimni. U kif dort, rajt seba’ saqajn tad-deheb tal-lampi;
  13. U f’nofs is-seba’ saqajn tal-lampi wieħed bħal bin il-bniedem, liebes libsa twila sa saqajh, u mħażżem madwar sidru bi ħżiem tad-deheb.
  14. Rasu u xagħru kienu bojod bħas-suf, bojod daqs il-borra; u għajnejh kienu bħal fjamma nar;
  15. U riġlejh bħal bronż ileqq, qishom imnaddfin fil-forn; u leħnu bħal ħoss ta’ ħafna ilmijiet.
  16. U kellu f’idu l-leminija seba’ kwiekeb: u minn fommu kienet ħierġa xabla twila taqta’ misnuna f’żewġt ixfar: u wiċċu kien jiddi bħax-xemx fil-qawwa tagħha.
  17. U meta rajtu, waqajt f’riġlejh bħal mejjet. U qiegħed idu l-leminija fuqi, hu u jgħidli: La tibżax; jiena l-ewwel u l-aħħar:
  18. Jiena hu l-ħaj, u kont mejjet; u, ara, jien ħaj għal dejjem ta’ dejjem. Amen; u għandi l-imfietaħ ta’ Ħades u tal-mewt.
  19. Ikteb dak li rajt, u l-ħwejjeġ li huma, u l-ħwejjeġ li għandhom jiġru wara dan;
  20. Il-misterju tas-seba’ saqajn tad-deheb tal-lampi. Is-seba’ kwiekeb huma l-anġli tas-seba’ knejjes: u s-seba’ saqajn tal-lampi li rajt huma s-seba’ knejjes.

Rivelazzjoni 2

  1. Lill-anġlu tal-knisja ta’ Efesu ikteb: Dawn il-ħwejjeġ jgħid dak li jżomm is-seba’ kwiekeb f’idu l-leminija, li jimxi f’nofs is-seba’ saqajn tad-deheb tal-lampi.
  2. Naf l-opri tiegħek, u t-taħbit tiegħek, u s-sabar tiegħek, u kif ma tiflaħx għall-ħżiena: u int ġarrabt lil dawk li jgħidu li huma appostli, u mhumiex, u sibthom giddieba:
  3. U batejt, u kellek is-sabar, u tħabatt minħabba ismi, u ma għejjejtx.
  4. Imma għandi dan kontra tiegħek: li int ħallejt l-ewwel imħabba tiegħek.
  5. Ftakar mela minn fejn int imwaqqa’, u indem, u għamel l-opri ta’ qabel; inkella niġi malajr għalik, u nneħħi s-sieq tal-lampa tiegħek minn postha, jekk ma tindimx.
  6. Imma għandek dan: li inti tobgħod l-opri tan-Nikolajin, li nobogħdhom jiena wkoll.
  7. Min għandu widnejn, ħa jisma’ dak li jgħid l-Ispirtu lill-knejjes: lil min jirbaħ nagħtih jiekol mis-siġra tal-ħajja, li hi f’nofs il-Ġenna ta’ Alla.
  8. Lil l-anġlu tal-knisja li hemm fi Żmirna iktiblu hekk: Dan jgħidlek Dak li hu l-ewwel u l-aħħar, li kien mejjet u raġa’ ħaj:
  9. Jiena naf it-tribulazzjoni u l-faqar tiegħek, għad li inti għani; u dagħwa ta’ dawk li jgħidu li huma Lhud mingħajr ma huma, meta huma sinagoga ta’ Satana.
  10. La tibżax minn dak li se jkollok issofri; ara, ix-Xitan se jixħet lil xi wħud minnkom fil-ħabs biex iġarrabkom, u intom tgħaddu minn għaxart ijiem ta’ taħbit. Ibqa’ fidil sal-mewt, u jien nagħtik il-kuruna tal-ħajja.
  11. Min għandu widnejn, ħa jisma’ x’jgħid l-Ispirtu lill-knejjes. Lir-rebbieħ ebda ħsara ma hi se tagħmillu t-tieni mewt.
  12. U Lill-anġlu tal-knisja li hemm f’Pergamu iktiblu hekk: ‘Dan jgħidlek Dak li għandu x-xabla misnuna miż-żewġ naħat:
  13. Jiena naf fejn int qiegħed: qiegħed fejn hemm it-tron tax-Xitan. Imma għadek iżżomm sħiħ ma’ ismi u ma ċħadx il-fidi tiegħek fija, anqas f’dawk il-jiem li fihom Antipa, ix-xhud fidil tiegħi, qatluh hemm fostkom, fejn joqgħod Satana.
  14. Madankollu għandi xi ftit ħwejjeġ kontra tiegħek, jiġifieri li hemmhekk inti għandek xi wħud li qegħdin iżommu mat-tagħlim ta’ Balgħam, dak li kien għallem lil Balak kif skandalizza lil ulied Iżrael billi jieklu ikel issagrifikat lill-idoli u jikkommettu fornikazzjoni.
  15. Barra minn dan, għandek ukoll min qiegħed iżomm it-tagħlim tad-dixxipli ta’ Nikola.
  16. Isa, indem; inkella niġi bla telf ta’ żmien, u naħbat għalihom bix-xabla ta’ fommi.
  17. Min għandu widnejn, ħa jisma’ x’jgħid l-Ispirtu lill-knejjes. Lir-rebbieħ nagħtih mill-manna l-moħbija, u nagħtih ukoll ġebla bajda, b’isem ġdid minqux fuqha li ħadd ma jkun jafu ħlief min jirċeviha.
  18. U lill-anġlu tal-knisja ta’ Tijatira ikteb: Dawn il-ħwejjeġ jgħid Bin Alla, li għandu għajnejh bħal fjamma tan-nar, u riġlejh huma bħal bronż ileqq;
  19. Naf l-opri tiegħek, u l-imħabba, u s-servizz, u l-fidi, u s-sabar tiegħek, u l-opri tiegħek tal-aħħar huma aktar minn tal-ewwel.
  20. Madankollu għandi ħaġa żgħira kontra tiegħek, għax inti tħalli lil dik il-mara Ġeżabel, li ssejjaħ lilha nfisha profetissa, tgħallem u tqarraq bl-ilsiera tiegħi biex jiżnu, u jieklu ħwejjeġ issagrifikati lill-idoli.
  21. U jien tajtha ż-żmien biex tindem mill-fornikazzjoni tagħha; u hija ma nidmitx.
  22. Ara, jien nixħetha f’sodda, u lil dawk li jikkommettu adulterju magħha fi tribulazzjoni kbira, jekk ma jindmux mill-opri tagħhom.
  23. U noqtol bil-mewt lil uliedha; u jagħrfu l-knejjes kollha li jien hu dak li jfittex fil-ġewwieni u l-qlub: u li nagħti lil kull wieħed minnkom skont l-opri tagħkom.
  24. Imma lilkom, u lill-oħrajn li hemm Tijatira, lil dawk li m’għandhomx dat-tagħlim, u li, kif jgħidu, ma għarfux il-kobor bla tarf ta’ Satana, ngħid: Ma ngħabbikomx b’tagħbija oħra.
  25. Barra dan, dak li diġà għandkom żommuh tajjeb sa-kemm niġi.
  26. U dak li jirbaħ, u li josserva sa l-aħħar l-opri tiegħi, nagħtih awtorità fuq il-ġnus:
  27. U jaħkimhom b’xettru tal-ħadid; bħal ħwejjeġ ta’ fuħħari, frak jitkissru: bħalma jien ukoll ħadt mingħand Missieri.
  28. U nagħtih il-kewkba tas-sebħ. 29Min għandu widnejn, ħa jisma’ dak li jgħid l-Ispirtu lill-knejjes.

Rivelazzjoni 3

  1. Lill-anġlu tal-knisja li hemm f’Sardi iktiblu hekk: ‘Dan jgħidlek Dak li għandu s-seba’ spirti ta’ Alla u s-seba’ kwiekeb: Jien naf l-opri tiegħek, inti għandek isem li inti ħaj iżda int mejjet.
  2. Ishar, u saħħaħ il-ħwejjeġ li għad għandek u li sa jmutu: għax l-opri tiegħek ma sibthomx mitmumin quddiem Alla.
  3. Ftakar mela f’dak li lqajt, u f’dak li smajt: ħarsu, u in-dem. Jekk mela ma tisharx, niġi fuqek bħal ħalliel, u ma tkunx taf f’liema siegħa niġi fuqek.
  4. Int għandek xi ftit nies ukoll f’Sardi li ma ħammġux ħwejjiġhom; u dawn jimxu miegħi bi lbies abjad: għax jixirqilhom.
  5. Dak li jirbaħ, jitlibbes ħwejjeġ bojod, u ma nħassarx ismu mil-ktieb tal-ħajja, imma nistqarr ismu quddiem Missieri, u quddiem l-anġli tiegħu.
  6. Min għandu widnejn, ħa jisma’ dak li jgħid l-Ispirtu lill-knejjes.
  7. U lil l-anġlu tal-knisja li hemm f’Filadelfja tiktiblu hekk: ‘Dan jgħidlek il-Qaddis, il-Veru li għandu l-muftieħ ta’ David, li jiftaħ u ħadd ma jagħlaq, jagħlaq u ħadd ma jiftaħ:
  8. Jiena naf l-opri tiegħek; ara, ftaħtlek quddiemek bieb li ħadd ma jista’ jagħlqu; għax għad li l-ħila tiegħek hija dgħajfa, naf li l-kelma tiegħi ħaristha u ismi ma ċħadthulix.
  9. Ara, lil xi wħud mis-sinagoga ta’ Satana—li jriduha ta’ Lhud iżda m’humiex ħlief giddieba!—ara, jiena se nġegħilhom jiġu u jmilu quddiemek f’riġlejk, ħa jkunu jafu li jiena lilek ħabbejtek.
  10. Talli int ħarist it-tagħlim tiegħi dwar is-sabar, jiena wkoll inħares lilek mis-siegħa tat-tiġrib li ġejja fuq id-dinja kollha biex iġġarrab lil dawk li jgħammru fuq l-art.
  11. Ara, niġi malajr: żomm sħiħ dak li għandek, biex ħadd ma jieħu l-kuruna tiegħek.
  12. Ir-rebbieħ nagħmlu kolonna fit-tempju ta’ Alla tiegħi, minn fejn qatt iżjed ma joħroġ: u nikteb fuqu isem Alla tiegħi, u isem il-belt ta’ Alla tiegħi, li hi Ġerusalemm il-ġdida, li tinżel mis-sema mingħand Alla tiegħi: u nikteb fuqu l-isem il-ġdid tiegħi.
  13. Min għandu widnejn, ħa jisma’ x’jgħid l-Ispirtu lill-knejjes.
  14. U lil l-anġlu tal-Knisja li hemm f’Laödikija iktiblu hekk: ‘Dan igħidlek l-Amen, ix-Xhud fidil u veru, il-bidu tal-ħolqien ta’ Alla:
  15. Naf l-opri tiegħek, u naf li la inti kiesaħ u lanqas sħun. M’hux li kont jew kiesaħ jew sħun!
  16. U hekk, ladarba inti fietel, u la sħun u lanqas kÇsaħ, jiena sa nobżqok minn ġo ħalqi.
  17. Għax int tgħid, Jiena għani, jiena stagħnejt u ma jonqosni xejn, bla ma taf li l-imsejken huwa int, ta’ min jitħassrek, fqir, agħma u għeri.
  18. Nagħtik parir bÇx tiġi tixtri mingħandi deheb imsoffi bin-nar, ħalli tistagħna; u lbies abjad, ħalli jkollok x’tilbes u tgħatti l-għajb tal-għera tiegħek; u wkoll ingwent, ħalli tidlek għajnek u tkun tista’ tara.
  19. Lil dawk kollha li nħobb, jiena nwiddibhom u niddixxiplinahom. Mela tħeġġeġ u indem.
  20. Ara, jiena fil-bieb, u qiegħed inħabbat; jekk xi ħadd jis-magħni u jiftaħli l-bieb, jiena nidħol għandu u niekol miegħu, u hu jiekol miegħi.
  21. Lir-rebbieħ nagħtih li joqgħod maġenbi fuq it-tron tiegħi; l-istess kif jien, meta rbaħt, qgħadt maġenb Missieri fuq it-tron tiegħu.
  22. Min għandu widnejn, ħa jisma’ x’jgħid l-Ispirtu lill-knejjes.’

Rivelazzjoni 4

  1. Wara dan ħarist u, ara, bieb infetaħ fis-sema: u l-ewwel leħen li smajt kien qisu bħal tromba jkellimni, li qal: Itla’ hawn, u nurik x’għandu jiġri wara dan.
  2. U minnufih dħalt fl-ispirtu: u, ara, tron twaqqaf fis-sema, u wieħed qagħad fuq it-tron.
  3. U dak li kien bilqiegħda kien donnu ħaġra tal-ġaspru u tas-sardju fid-dehra; u kien hemm qawsalla madwar it-tron, fid-dehra bħal esmerald.
  4. U madwar it-tron kien hemm erbgħa u għoxrin tron; u fuq it-tronijiet rajt erbgħa u għoxrin xiħ bilqiegħda, lebsin ilbiesi bojod; u kellhom fuq rashom kuruni tad-deheb.
  5. U mit-tron kienu ħerġin beraq u ragħad u ħsejjes: u kien hemm seba’ lampi tan-nar iħeġġu quddiem it-tron, li huma s-seba’ Spirti ta’ Alla;
  6. U quddiem it-tron kien hemm bħal baħar tal-ħġieġ, qisu kristall: u f’nofs u madwar it-tron, kien hemm erba’ kreaturi ħajjin mimlijin għajnejn quddiem u wara.
  7. U l-ewwel kreatura kienet qisha ljun, it-tieni kreatura qisha għoġol, u t-tielet kreatura kellha wiċċ qisu dak ta’ bnie-dem, u r-raba’ kreatura kienet qisha ajkla ttir.
  8. U l-erba’ kreaturi ħajjin, kull waħda minnhom kellha sitt ġwienaħ, huma kollhom għajnejn madwarhom u minn ġewwa; u nhar u lejl ma jieqfu qatt jgħidu: Qaddis, Qaddis, Qaddis, il-Mulej, Alla li jista’ kollox, li kien, li hu, u li għandu jiġi.
  9. U kull meta dawk il-kreaturi ħajjin kienu jagħtu glorja u ġieħ u radd il-ħajr lil dak li qiegħed fuq it-tron, u li hu ħaj għal dejjem ta’ dejjem,
  10. L-erbgħa u għoxrin xiħ kienu jinxteħtu quddiem dak li qiegħed fuq it-tron, u jagħtu qima lil dak li hu ħaj għal dejjem ta’ dejjem, u jqiegħdu l-kuruni tagħhom quddiem it-tron, u jgħidu:
  11. Int jistħoqqlok, Mulej Alla tagħna, li tirċievi l-glorja u l-ġieħ u s-setgħa, għax int ħlaqt kollox, u bir-rieda tiegħek saru u nħolqu.

Rivelazzjoni 5

  1. Imbagħad lil dak li hu bilqiegħda fuq it-tron rajtlu f’idu l-leminija romblu miktub minn ġewwa u minn barra, magħluq b’seba’ siġilli.
  2. U rajt anġlu ta’ saħħa kbira, qiegħed ixandar b’leħen igħajjat: Min hu li jistħoqqlu jiftaħ il-ktieb u jikser is-siġilli li għandu?
  3. U la ħadd fis-sema, u la fl-art u lanqas taħt l-art, ma kellu l-ħila jiftaħ il-ktieb u jara x’fih.
  4. U bkejt ħafna, għax ma nstab ħadd li kien jistħoqqlu jiftaħ il-ktieb u jara x’fih.
  5. U wieħed mill-anzjani qalli: ‘Tibki xejn, ara, l-Iljun tat-tribù ta’ Ġuda, ir-rimja ta’ David, ħareġ rebbieħ, u se jiftaħ il-ktieb u s-seba’ siġilli tiegħu.
  6. U ħarist, u, ara, bejn it-tron u l-erba’ kreaturi ħajjin u fost l-anzjani rajt li kien hemm Ħaruf, bħallikieku kien maqtul, li kellu sebat iqrun u seba’ għajnejn, li huma s-seba’ spirti ta’ Alla mibgħutin fuq l-art kollha.
  7. U ġie u ħa l-ktieb mill-id il-leminija ta’ dak li kien qiegħed fuq it-tron.
  8. U meta ħa l-ktieb, l-erba’ kreaturi ħajjin u l-erbgħa u għoxrin xiħ inxteħtu quddiem il-Ħaruf, kull wieħed minnhom kellu ċetri, u bwieqi tad-deheb mimlijin bl-inċens, li huma t-talb tal-qaddisin.
  9. U għannew għanja ġdida, billi qalu: Int jistħoqqlok tieħu r-romblu, u tiftaħ is-siġilli tiegħu: għax int kont maqtul, u fdejt għal Alla b’demmek minn kull tribù, u lsien, u poplu, u ġens;
  10. U għamilthom għal Alla tagħna saltna u qassisin: u huma jsaltnu fuq l-art.
  11. U rajt, u smajt leħen ta’ ħafna anġli madwar it-tron u l-kreaturi ħajjin u l-anzjani: u l-għadd tagħhom kien għexur ta’ eluf ta’ għexur ta’ eluf, u eluf ta’ eluf;
  12. U kienu jgħidu b’leħen qawwi: Jistħoqqlu l-Ħaruf li nqatel biex jieħu s-setgħa, u l-għana, u l-għerf, u l-qawwa, u l-ġieħ, u l-glorja, u l-barka.
  13. U kull kreatura li hemm fis-sema, u fuq l-art, u taħt l-art, u li hemm fil-baħar, u kull ma hemm fihom, smajthom igħidu: Barka, u ġieħ, u glorja u setgħa lil dak li qiegħed fuq it-tron, u lill-Ħaruf għal dejjem ta’ dejjem!
  14. U l-erba’ kreaturi ħajjin wieġbu: Amen. U l-erbgħa u għoxrin xiħ inxteħtu u taw qima.

Rivelazzjoni 6

  1. Imbagħad il-Ħaruf fetaħ l-ewwel wieħed mis-seba’ siġilli u jien ħarist u smajt wieħed mill-erba’ kreaturi ħajjin jgħid b’leħen ta’ ragħda: Ejja int.
  2. U jien ħarist, u rajt żiemel abjad, u dak li kien riekeb fuqu kellu qaws, ngħatalu kuruna; u ħareġ hu, rebbieħ, biex ikompli jirbaħ.
  3. U meta fetaħ it-tieni siġill, smajt it-tieni wieħed mill-kreaturi ħajjin jgħid: Ejja int.
  4. U ħareġ żiemel ieħor, ta’ lewn aħmar nar, u lil dak li kien riekeb fuqu ngħatalu li jneħħi l-paċi minn fuq wiċċ l-art, ħalli b’hekk il-bnedmin jitqatlgħu bejniethom; u kienet mogħtija lilu xabla kbira.
  5. U meta fetaħ it-tielet siġill, smajt it-tielet wieħed mill-kreaturi ħajjin jgħid: Ejja int. U jien ħarist, u ara, ġie żiemel iswed, u r-rikkieb tiegħu kellu miżien f’idu.
  6. U smajt leħen f’nofs l-erba’ kreaturi ħajjin igħid: Kejla qamħ dinar; tliet kejliet xgħir dinar ukoll; imma ż-żejt u l-inbid la tmisshomx.
  7. U meta fetaħ ir-raba’ siġill, smajt leħen ir-raba’ kreatura ħajja jgħid: Ejja int.
  8. U ħarist, u ara, ġie żiemel ta’ lewn aħdar jagħti fl-isfar, u r-rikkieb tiegħu kien jismu Mewt u Ħades miexi warajh. U lilhom ingħatat l-awtorità fuq waħda mill-erba’ taqsimiet tal-art, biex joqtlu n-nies bix-xabla, bil-ġuħ, bil-pesta u bil-bhejjem salvaġġi tal-art.
  9. U meta fetaħ il-ħames siġill, jien rajt taħt l-artal l-erwieħ ta’ dawk li kienu maqtula minħabba l-kelma ta’ Alla, u minħabba x-xhieda li taw:
  10. U huma għajtu b’leħen qawwi, jgħidu: Sa meta, Sid qaddis u veru, int ma tiġġudikax u titħallas ta’ demmna minn dawk li jgħammru fuq l-art?
  11. U lil kull wieħed minnhom ingħatatlu libsa twila bajda; u qalulhom, biex jistrieħu ftit taż-żmien ieħor, sakemm il-għadd tagħhom ikun sħiħ ma’ sħabhom qaddejja u ma’ ħuthom, li sa jinqatlu bħalhom.
  12. U meta fetaħ is-siġill, ħarist, u ara, saret theżhiża tal-art kbira; u x-xemx saret sewda bħal xoqqa magħmula mix-xagħar, u l-qamar kollu sar qisu demm;
  13. U l-kwiekeb tas-sema waqgħu fuq l-art, bħalma siġra tat-tin titfa’ t-tin mhux misjur tagħha meta jaħbat fuqha riħ qawwi.
  14. U s-sema kienet isseparata minn bħall-ktieb żgħir meta jkun imkebbeb; u kull muntanja u gżira kienu mħarrkin minn posthom.
  15. U s-slaten tal-art, u l-aqwa nies u l-kmandanti u l-għonja u l-qawwija u kull skjav u raġel ħieles, ħbew lilhom infushom fl-għerien u fost il-blat tal-muntanji;
  16. U huma qalu lill-muntanji u lill-blat, “Aqgħu fuqna; u aħbuna mill-preżenza ta’ Dak li hemm bil-qiegħda fuq it-tron, u mill-korla tal-Ħaruf;
  17. Għax il-jum il-kbir tal-korla tagħhom wasal; u min jista’ jieqaf?

Rivelazzjoni 7

  1. U wara dawn il-ħwejjeġ rajt erba’ anġli weqfin fuq l-erba’ rkejjen tal-art, iżommu l-erbat irjieħ tal-art, biex ma jonfoħx ir-riħ la fuq l-art, la fuq il-baħar, lanqas fuq l-ebda siġra.
  2. U rajt anġlu ieħor tiela’ minn fejn titla’ x-xemx, li kellu s-siġill ta’ Alla l-ħaj: u għajjat b’leħen qawwi lil-erba’ anġli, li lilhom kien mogħti li jagħmlu ħsara lill-art u lill-baħar.
  3. Billi qal: La tagħmlux ħsara lill-art, u la lill-baħar, u lanqas lis-siġar, sakemm aħna nkunu ssiġillajna lil ilsiera ta’ Alla tagħna fuq ġbinhom.
  4. U smajt x’kien il-għadd tal-issiġillati: mija u erbgħa u erbgħin elf issiġillati, minn kull tribù ta’ wlied Iżrael.
  5. Minn tribù Ġuda tnax-il elf kienu ssiġillati; minn tribù Ruben tnax-il elf; minn tribù Gad tnax-il elf;
  6. Minn tribù Aser tnax-il elf; minn tribù Neftali tnax-il elf; minn tribù Manasse tnax-il elf;
  7. Minn tribù Simgħon tnax-il elf; minn tribù Levi tnax-il elf; minn tribù Isakkar tnax-il elf.
  8. Minn tribù Żabulun tnax-il elf; minn tribù Ġużeppi tnax-il elf; minn tribù Benjamin tnax-il elf kienu ssiġillati.
  9. Wara dan ħarist, u ara, kien hemm folla kbira li ħadd ma jista’ jgħoddha, minn kull ġens u tribù, minn kull poplu u lsien, weqfin quddiem it-tron u quddiem il-Ħaruf, lebsin ilbies abjad, u bil-palm f’idejhom.
  10. U kienu jgħajtu b’leħen qawwi, igħidu: Is-salvazzjoni nafuha lil Alla tagħna, li qiegħed fuq it-tron, u mill-Ħaruf.
  11. L-anġli kollha kienu qegħdin madwar it-tron u madwar l-anzjani u l-erba’ ħlejjaq ħajjin, u waqgħu wiċċhom fl-art qud-diem it-tron jagħtu qima lil Alla.
  12. Billi qalu: Amen. Barka, u glorja, u għerf, u radd il-ħajr, u ġieh, u setgħa, u qawwa ’l Alla tagħna għal dejjem ta’ dejjem. Amen.
  13. U wieħed mill-anzjani wieġeb, billi qalli: Dawn li lebsin l-abjad minn huma? u mnejn ġew?
  14. U għidtlu: Sinjur, inti taf. U qalli: Dawn huma dawk li ġew minn tiġriba kbira, u ħaslu lbieshom, u għamluhom bojod fid-demm tal-Ħaruf.
  15. Għalhekk jinsabu quddiem it-tron ta’ Alla, lejl u nhar jaqduh fit-tempju tiegħu; u dak li qiegħed fuq it-tron jeħodhom igħammru taħt il-kenn tiegħu.
  16. Ma jbatux aktar ġuħ, anqas għatx ma jagħmel bihom aktar; ix-xemx ma taħkimhomx, anqas ebda għomma,
  17. Għax il-Ħaruf, li hemm f’nofs it-tron jiragħhom, u jiggwidahom lejn l-għejun ħajja tal-ilmijiet. U Alla jixxottalhom kull demgħa minn għajnejhom.

Rivelazzjoni 8

  1. U meta hu fetaħ is-seba’ siġill, fis-sema waqa’ skiet għal madwar nofs siegħa.
  2. U rajt illi lis-seba’ anġli li qegħdin quddiem Alla ngħatawlhom seba’ trombi.
  3. U ġie anġlu ieħor b’ċensier tad-deheb, u qagħad fuq artal; u tawh ħafna inċens biex joffrih mat-talb tal-qaddisin kollha fuq l-artal tad-deheb ta’ quddiem it-tron.
  4. U d-duħħan tal-inċens tela’ mat-talb tal-qaddisin minn id l-anġlu quddiem Alla.
  5. U ħa l-anġlu ċ-ċensier u mlieh bin-nar tal-artal; u tefgħu fl-art; u kien hemm ragħad u beraq, u l-art theżhżet.
  6. U s-seba’ anġli li kellhom is-seba’ trombi thejjew biex idoqqu.
  7. U daqq it-tromba l-ewwel wieħed. U fuq l-art beda nieżel silġ u nar b’taħlita ta’ dmija, u nħaraq terz tal-art, inħaraq terz tas-siġar, u nħarqet il-ħdura kollha tal-ħxejjex.
  8. It-tieni anġlu daqq it-tromba. U waqgħet ġol-baħar bħal muntanja kbira ta’ nar iħeġġeġ, u waħda minn kull tlieta tal-baħar saret demm,
  9. U terz mill-kreturi li kienu fil-baħar, u kellhom il-ħajja, mietu; u terz tal-ġifien inqerdu.
  10. U daqq it-tromba t-tielet anġlu. U mis-sema waqgħet kewkba kbira tħeġġeġ qisha torċa, li xteħtet fuq waħda minn kull tlieta tax-xmajjar u fuq l-għejun tal-ilmijiet.
  11. Issa l-kewkba kien jisimha Absint. U terz tal-ilmijiet sar imrar tal-għaġeb, u, billi l-ilmijiet imraru, mietu bihom ħafna nies.
  12. U r-raba’ anġlu daqq it-tromba. U terz mix-xemx kien milqut u terz mill-qamar, u wkoll terz mill-kwiekeb, hekk li terz tad-dawl tagħhom jiddallam; id-dawl ma deherx aktar f’terz tal-jum, u hekk ukoll ġralu l-lejl.
  13. U ħarist, u smajt anġlu jtir f’nofs is-sema, igħid b’leħen għoli: Għali kbir, għali kbir, għali kbir, għal dawk li jgħammru fuq l-art minħabba l-ilħna l-oħra tat-tromba tat-tliet anġli, li sa jdoqqu!

Rivelazzjoni 9

  1. U daqq il-ħames anġlu, u rajt kewkba taqa’ mis-sema fl-art: u lilu kien mogħti l-muftieħ tal-ħofra tal-abbiss.
  2. U fetaħ il-ħofra tal-abbiss; u tala’ mill-ħofra duħħan, bħal duħħan ta’ forn kbir; u ddalmet ix-xemx u l-arja minħabba d-duħħan tal-ħofra.
  3. U ħarġu mid-duħħan ġradijiet fuq l-art: u kienet mogħ-tija lilhom awtorità, bħalma għandhom awtorità l-iskorpjuni tal-art.
  4. U lilhom intqal biex ma jagħmlux ħsara u la lill-ħaxix tal-art, u la lill-ħdura, u lanqas lill-ebda siġra; imma lin-nies biss li m’għandhomx is-siġill ta’ Alla fuq ġbinhom.
  5. U lilhom ingħatat l-ordni biex ma joqtluhomx, imma li jaħqruhom għal ħames xhur: u l-moħqrija tagħhom kienet bħal moħqrija ta’ skorpjun, meta joqros bniedem.
  6. U f’dawk il-jiem il-bnedmin ifittxu l-mewt, u ma jsibuhiex: u jixtiequ jmutu, u l-mewt taħrab minnhom.
  7. U l-għamla tal-ġradijiet kienet tixbaħ lil żwiemel imhejjin għall-battalja; u fuq rashom kien hemm bħal kuruni tad-deheb, u wiċċhom kien bħal wiċċ tal-bnedmin.
  8. U kellhom xagħar bħax-xagħar tan-nisa, u snienhom kienu bħas-snien tal-iljuni.
  9. U kellhom kurazzi, bħal kurazzi tal-ħadid; u l-ħoss ta’ ġwinħajhom kien bħal ħoss ta’ mriekeb ta’ ħafna żwiemel jiġru għall-battalja.
  10. U kellhom denbhom bħal skorpjuni, u kien hemm niggieża f’denbhom: u l-awtorità tagħhom kienet li jagħmlu l-ħsara lill-bnedmin għal ħames xhur.
  11. U fuqhom għandhom sultan, li hu l-anġlu tal-abbissi, li ismu fl-ilsien Lhudi hu Abaddon, u fl-ilsien Grieg Apolljon.
  12. Għali kbir wieħed għadda; u, ara, għad ġejjin żewġ għaljiet kbar oħra.
  13. Daqq is-sitt anġlu, u smajt leħen mill-erba’ qrun tal-artal tad-deheb li kien quddiem Alla.
  14. Igħid lis-sitt anġlu li kellu t-tromba: Ħoll l-erba’ anġli li huma marbutin fuq ix-xmara l-kbira Ewfrat.
  15. U kienu maħlulin erba’ anġli, li kienu mhejjijin għal dik is-siegħa, u l-jum, u x-xahar, u s-sena, biex joqtlu t-tielet parti tal-bnedmin.
  16. U l-għadd tal-armati taż-żwiemel kien mitejn miljun: u jien smajt il-għadd tagħhom.
  17. U hekk rajthom iż-żwiemel fil-viżjoni, u lil dawk li kienu rekbin fuqhom: kellhom kurazzi lewn in-nar, u l-ġjaċint, u l-kubrit; u rjus iż-żwiemel kienu bħal irjus l-iljuni; u minn fommhom kien ħiereġ nar u duħħan u kubrit.
  18. B’dawn it-tlieta, nar, duħħan u kubrit, li kienu ħerġin minn fommhom, kien maqtul wieħed minn kull tlieta tal-bnedmin.
  19. Għax l-awtorità taż-żwiemel qiegħda f’fommhom, u f’denbhom: għax denbhom kien bħal sriep, u kellhom irjus, u bihom kienu jagħmlu l-ħsara.
  20. U l-bqija tal-bnedmin li ma kinux maqtulin minn dawn il-kastigi, lanqas ma nidmu mill-opri ta’ jdejhom biex ma jqimux id-demonji, u l-idoli tad-deheb, u tal-fidda, u tal-bronż, u tal-ġebel, u tal-injam, li la jistgħu jaraw lanqas jisimgħu u lanqas jimxu;
  21. U huma ma nidmux la mill-qtil lanqas mis-sħarijiet ta-għhom u lanqas mill-fornikazzjoni tagħhom, u lanqas mis-serq tagħhom.

Rivelazzjoni 10

  1. U rajt anġlu ieħor ta’ saħħa kbira nieżel mis-sema, bi sħaba madwaru, qawsalla fuq rasu, wiċċu qisu xemx, saqajh donnhom kolonni tan-nar.
  2. U f’idu kellu romblu ċkejken miftuħ: u qiegħed siequ l-leminija fuq il-baħar, u x-xellugija fuq l-art.
  3. U għajjat b’leħen qawwi, bħal meta jgħajjat iljun: u wara li għajjat, seba’ ragħdiet semmgħu leħinhom.
  4. U meta s-seba’ ragħdiet semmgħu leħinhom, kont sa nikteb: u smajt leħen mis-sema jgħidili: Issiġilla dak li qalu s-seba’ ragħdiet, u la tiktbux.
  5. U l-anġlu li rajt wieqaf fuq il-baħar u l-art rafa’ idu l-leminija lejn is-sema.
  6. U ħalef b’dak li jgħix għal dejjem ta’ dejjem, li ħalaq is-sema, u l-ħwejjeġ li hemm fih, u l-art, u l-ħwejjeġ li fiha; u l-baħar, u l-ħwejjeġ li fih, biex ma jkunx hemm aktar dewmien.
  7. Imma fil-jiem tal-leħen tas-seba’ anġlu, meta jibda jdoqq, iseħħ il-misterju ta’ Alla, kif xandar lil ilsiera tiegħu l-profeti.
  8. U l-leħen li smajt mis-sema raġa’ kellimni, u qal: Mur u ħu r-romblu ċkejken li hu miftuħ f’id l-anġlu li qiegħed wieqaf fuq il-baħar u l-art.
  9. U mort għand l-anġlu, u għidtlu: Agħtini r-romblu ċkejken. U qalli: Ħudu, u ibilgħu; hu jagħmillek l-istonku tiegħek imrar, imma f’ħalqek ikun ħelu bħal għasel.
  10. U ħadt ir-romblu ċkejken minn id l-anġlu, u blajtu; u f’ħalqi kien ħelu bħal għasel: imma hekk kif kiltu, l-istonku tiegħi sar imrar.
  11. U qalli: Int għandek tarġa’ tħabbar quddiem ħafna popli, u ġnus, u ilsna, u slaten.

Rivelazzjoni 11

  1. U kienet mogħtija lili qasba tal-qjies, bħal għasluġ: u l-anġlu qagħad bil-wieqfa, igħid: Qum, u kejjel it-tempju ta’ Alla, u l-artal, u lil dawk li hemm fih iqimu.
  2. Imma l-bitħa ta’ barra t-tempju ħalliha, u tkejjilhiex: għax hi mogħtija lill-Ġentili; u jgħaffġu taħt saqajhom il-belt im-qaddsa għal tnejn u erbgħin xahar.
  3. U jiena nagħti liż-żewġ xhieda tiegħi, u huma jħabbru għal elf sena, mitejn u sittin jum, lebsin l-ixkora.
  4. Dawn huma ż-żewġ siġriet taż-żebbuġġ, u ż-żewġ saqajn tal-lampi li huma wieqfa quddiem is-Sid tal-art.
  5. U jekk xi ħadd ikun jixtieq jagħmlilhom xi ħsara, nar joħroġ minn fommhom, u jibla’ l-għedewwa tagħhom: u jekk xi ħadd ikun jixtieq jagħmlilhom xi ħsara, hekk ikollu jmut.
  6. Għandhom is-setgħa jagħlqu s-sema, biex ma tagħmilx xita fil-jiem meta huma jipprofetizzaw; u għandhom setgħa fuq l-ilmijiet biex ibiddluhom f’demm, u jolqtu l-art b’kull kastig, kull meta jridu.
  7. U meta jispiċċaw ix-xhieda tagħhom, il-bhima salvaġġa li titla’ mill-abbiss tagħmlilhom gwerra, u tirbaħhom, u toqtolhom.
  8. L-iġsma mejta tagħhom jibqgħu fit-triq il-wiesgħa tal-belt il-kbira, li spiritwalment hija msejħa Sodoma u Eġittu, fejn ukoll kien mislub il-Mulej tagħhom.
  9. Għal tlitt ijiem u nofs l-iġsma tagħhom jarawhom x’uħud minn fost il-popli, it-tribujiet u l-ilsna u l-ġnus; u ma jħallux li l-iġsma mejta tagħhom jindifnu f’qabar.
  10. U dawk li jgħammru fuq l-art jifirħu u jithennew minħabba fihom, u jagħtu rigali lil xulxin, għax dawn iż-żewġ profeti kienu jitturmentaw lil min jgħammar fuq l-art.
  11. U wara t-tlitt ijiem u nofs daħal fihom spirtu ta’ ħajja minn Alla, u waqfu fuq riġlejhom; u waqa’ biża’ kbir fuq dawk li rawhom.
  12. U semgħu leħen qawwi mis-sema jgħidilhom, Itilgħu hawn. U huma telgħu lejn is-sema fi sħaba; u rawhom l-għedewwa tagħhom.
  13. U f’dik is-siegħa saret theżhiża kbira tal-art, u waqgħet (parti) waħda minn kull għaxra tal-belt; u sebat elef ruħ kienu maqtula f’dik it-theżhiża: u l-bqija beżgħu, u taw glorja lil Alla tas-sema.
  14. It-tieni għali kbir għadda; u, ara, ġej it-tielet malajr.
  15. U daqq is-seba’ anġlu; u kien hemm ilħna qawwija fis-sema, igħidu: Is-saltna tad-dinja saret is-saltna tal-Mulej tagħna, u tal-Kristu Tiegħu; u Hu jsaltan għal dejjem ta’ dejjem.
  16. U l-erbgħa u għoxrin xiħ, li kienu bil-qiegħda quddiem Alla fuq it-tronijiet tagħhom, inxteħtu wiċċhom fl-art, u taw qima lil Alla.
  17. Huma u jgħidu: Niżżuk ħajr, O Mulej Alla, li jista’ kollox, li int, u kont, u tkun; għaliex int ħadt is-setgħa kbira tiegħek u bdejt is-saltan.
  18. U l-ġnus imtlew bil-għadab, u l-korla Tiegħek ġiet, u ż-żmien wasal għall-mejtin li jkunu ġġudikati, u ż-żmien biex tagħti l-premju tagħhom lil ilsiera Tiegħek u l-profeti u lill-qaddisin u lil dawk li jibżgħu mill-isem Tiegħek, iż-żgħar u l-kbar, u biex teqred lil dawk li jeqirdu l-art.
  19. U nfetaħ it-tempju ta’ Alla fis-sema, u dehret fit-tempju tiegħu l-arka tar-rabta tiegħu: u kien hemm beraq, u ilħna, u ragħad, u theżhiż tal-art, u silġ oħxon.

Rivelazzjoni 12

  1. U deher sinjal kbir fis-sema: Mara, liebsa x-xemx, bil-qamar taħt riġlejha, u b’kuruna ta’ tnax-il kewkba fuq rasha.
  2. Hija kienet fit-tqala, u bdiet tgħajjat bl-uġigħ tal-ħlas u tbati biex teħles.
  3. U deher sinjal ieħor fis-sema; u, ara, dragun kbir aħmar nar, b’sebat irjus u għaxart iqrun, u b’seba’ dijademi fuq irjusu.
  4. U b’denbu kines terz tal-kwiekeb tas-sema u waddab-hom lejn l-art. U d-dragun mar qagħad quddiem il-Mara li kienet se tiled, biex kif tiled lil binha jibilgħu.
  5. U hi wildet iben, tifel, li għandu jaħkem il-ġnus kollha b’xettru tal-ħadid. U binha ġie maħtuf għal quddiem Alla u quddiem it-tron tiegħu.
  6. U l-mara ħarbet fix-xagħri, fejn hemmhekk għandha post imhejji minn Alla, biex hemm jitimgħuha għal elf, mitejn u sittin jum.
  7. U kien hemm gwerra fis-sema: Mikiel u l-anġli tiegħu tqabdu kontra d-dragun; u d-dragun tqabad u l-anġli tiegħu.
  8. U ma għelbux; u lanqas ma nstab aktar post għalihom fis-sema.
  9. U ntafa’ barra d-dragun il-kbir, dak is-serp il-qadim, li jismu Xitan, u Satana, li jqarraq bid-dinja kollha; ntafa’ barra fuq l-art, u l-anġli tiegħu ntefgħu barra miegħu.
  10. U smajt leħen qawwi jgħid fis-sema: Issa ġiet is-salvazzjoni, u s-saħħa, u s-saltna ta’ Alla tagħna, u l-ħakma tal-Kristu tiegħu: għaliex intafa’ barra ix-xellej ta’ ħutna, dak li kien jixlihom lejl u nhar quddiem Alla tagħna.
  11. U huma rebħuh bid-demm tal-Ħaruf, u bil-kelma tax-xhieda tagħhom; u ma ħabbewx ħajjithom sa ma ħadu l-mewt.
  12. Għalhekk ifirħu, ja smewwiet, u intom li tgħammru fihom. Għali kbir għal dawk li jgħammru fl-art u fil-baħar! Għax niżel ix-Xitan għandkom, billi għandu għadab kbir, għax jaf li ftit żmien baqagħlu.
  13. U meta d-dragun ra li ntafa’ barra fuq l-art, ippersegwita l-mara li wildet it-tifel.
  14. U kienu mogħtija lill-mara żewġ ġwienaħ ta’ ajkla kbira, biex ittir lejn ix-xagħri f’postha, fejn tkun mitmugħa għal żmien, u zminijiet, u nofs żmien, ’il bogħod minn wiċċ is-serp.
  15. U s-serp tafa’ barra minn ħalqu bħal xmara ilma wara l-mara, biex iġorrha l-ilma.
  16. U l-art għenet lill-mara, u fetħet l-art fommha, u belgħet ix-xmara li tafa’ barra d-dragun minn ħalqu.
  17. U nkorla d-dragun għall-mara, u telaq biex jagħmel gwerra mal-bqija ta’ nisilha, dawk li jħarsu l-kmandamenti ta’ Alla, u għandhom ix-xhieda ta’ Ġesù Kristu.

Rivelazzjoni 13

  1. U waqaft fuq ir-ramel tal-baħar, u rajt tiela bhima mill-baħar, li kellha sebat irjus u għaxart iqrun, u għaxar kuruni fuq qrunha, u fuq irjusha ismijiet ta’ dagħa.
  2. U l-bhima li rajt kienet tixbah lil-leopard, saqajha kienu bħal saqajn ta’ ors, u ħalqha bħal ħalq ta’ ljun: u d-dragun taha l-qawwa tiegħu, u t-tron tiegħu, u s-setgħa kbira tiegħu.
  3. U rajt waħda minn irjusha qisha midruba għall-mewt, u l-ġerħa tagħha tal-mewt kienet imdewwija. U stagħġbet l-art kollha hekk kif imxew wara l-bhima.
  4. U taw qima lid-dragun li ta awtorità lill-bhima: u taw qima lill-bhima, billi qalu: Min hu bħal bhima? Min għandu ħila jagħmlilha gwerra?
  5. U kien mogħti lilha fomm li jitkellem ħwejjeġ kbar u dagħa; u kienet mogħtija lilha awtorità li ddum tnejn u erbgħin xahar.
  6. U fetħet fommha tidgħi kontra Alla, tidgħi kontra l-isem tiegħu, u t-tabernaklu tiegħu, u dawk li jgħammru fis-sema.
  7. U kienet imħollija li tagħmel gwerra lill-qaddisin, u tirbaħhom: u kienet mogħtija lilha awtorità fuq it-tribujiet koll-ha, u ilsna, u ġnus.
  8. U jqimuha dawk kollha li jgħammru fuq l-art, li isim-hom mhux miktub fil-ktieb tal-ħajja tal-Ħaruf maqtul sa mit-tisjis tad-dinja.
  9. Min għandu widnejn, ħa jisma’.
  10. Min hu għall-jasar imur fil-jasar: min joqtol bix-xabla jinqatel bix-xabla. Hawn hu s-sabar u l-fidi tal-qaddisin.
  11. U rajt bhima oħra tiela’ mill-art; u kellha żewġt iqrun bħal ħaruf, u kienet titkellem bħal dragun.
  12. U kienet teżerċita l-awtorità kollha tal-ewwel bhima, quddiem il-preżenza tagħha; u ġġiegħel l-art u lil dawk li jgħammru fiha biex iqimu l-ewwel bhima, li l-ġerħa tagħha tal-mewt kienet imfejqa.
  13. U kienet tagħmel sinjali kbar, saħansitra ġġiegħel in-nar jinżel mis-sema fuq l-art quddiem il-bnedmin.
  14. U bis-sinjali li hi mħollija tagħmel quddiem il-bhima, kienet tqarraq b’dawk li jgħammru fuq l-art; billi tgħidilhom, li għandhom jagħmlu xbieha lill-bhima, li kellha ġerħa bix-xabla, u madankollu għexet.
  15. U kien mogħti lilha li tagħti nifs lix-xbieha tal-bhima, biex titkellem ukoll ix-xbieha tal-bhima, u ġġiegħel li jinqatlu dawk kollha li ma jqimux ix-xbieha tal-bhima.
  16. Hija ġġiegħel lil kulħadd, iż-żgħar u l-kbar, il-għonja u l-foqra, il-ħielsa u l-ilsiera, kulħadd issirlu marka fuq idu l-leminija jew fuq ġbinu,
  17. U li ħadd ma jkun jista’ jixtri jew ibigħ, ħlief dak li kellu l-marka, jew l-isem tal-bhima, jew in-numru ta’ isimha.
  18. Hawn hu l-għerf. Min għandu d-dehen ħa jgħodd in-numru tal-bhima: għax hu n-numru tal-bniedem; u n-numru tiegħu hu Sitt mija sitta u sittin.

Rivelazzjoni 14

  1. U ħarist; u, ara, kien hemm wieqaf fuq il-muntanja ta’ Sijon Ħaruf, u miegħu kien hemm mija u erbgħa u erbgħin elf ruħ, li kellhom isem Missieru miktub fuq ġbinhom.
  2. U smajt leħen mis-sema, bħal ħoss ta’ ħafna ilmijiet, u bħal ħoss ta’ ragħda qawwija: u smajt il-ħoss tad-daqqaqa tal-arpa huma u jdoqqu l-arpi tagħhom;
  3. U għannew għanja ġdida quddiem it-tron, u quddiem l-erba’ kreaturi ħajjin, u l-anzjani; u ebda bniedem ma sata’ jitgħallem dik il-għanja ħlief il-mija u erbgħa u erbgħin elf, li kienu mixtrijin mill-art.
  4. Dawn huma dawk li ma tniġġsux man-nisa; għax huma verġni. Dawn huma dawk li jimxu wara l-Ħaruf kull fejn imur. Dawn kienu mixtrijin minn fost il-bnedmin, billi kienu l-ewwel frott għal Alla u l-Ħaruf.
  5. U f’fommhom qatt ma nstab qerq: għax huma bla teb-għa quddiem it-tron ta’ Alla.
  6. U rajt anġlu ieħor itir f’nofs is-sema, li kellu l-bxara ta’ dejjem biex ixandarha lil dawk li jgħammru fuq l-art, u lil kull ġens, u tribù, u lsien, u poplu;
  7. Hu u jgħid b’leħen qawwi: Ibżgħu minn Alla, u agħtuh glorja; għax waslet is-siegħa tal-ġudizzju tiegħu: u agħtu qima lil dak li għamel l-art, u l-baħar, u l-għejun tal-ilmijiet.
  8. U ġie anġlu ieħor, jgħid: Waqgħet, waqgħet Babel, Waqgħet, waqgħet Babel il-kbira, dik li ġiegħlet il-ġnus kollha jixorbu l-inbid tal-għadab tal-fornikazzjoni tagħha.
  9. U ġie warajhom it-tielet anġlu, igħid b’leħen qawwi: Jekk xi bniedem iqim il-bhima u x-xbieha tagħha, u jirċievi l-marka tagħha fuq ġbinu, jew fuq idu,
  10. Jixrob hu wkoll l-inbid tal-korla ta’ Alla, li hu msawwab mingħajr taħlit fit-tazza tal-qilla tiegħu; u jinħaqar bin-nar u l-kubrit quddiem l-anġli l-qaddisa, u quddiem il-Ħaruf.
  11. U d-duħħan tat-turment tagħhom jitla’ għal dejjem ta’ dejjem: u ma jkollhomx mistrieħ la bi nhar u lanqas bil-lejl, dawk li jqimu l-bhima u x-xbieha tagħha, u kull min jirċievi l-marka ta’ isimha.
  12. Hawn hu s-sabar tal-qaddisin: hawn huma dawk li jħar-su l-kmandamenti ta’ Alla, u l-fidi ta’ Ġesù.
  13. U smajt leħen mis-sema jgħidli: Ikteb: Imberkin il-mejtin li jmutu fil-Mulej minn issa ’l quddiem: Iva, jgħid l-Ispirtu, biex jistrieħu mit-taħbit tagħhom; u l-opri tagħhom imorru warajhom.
  14. U ħarist, u rajt sħaba bajda, u fuq is-sħaba kien hemm wieħed bil-qiegħda bħal Bin il-bniedem, li kellu fuq rasu kuruna tad-deheb, u f’idu minġel misnun.
  15. U ħareġ anġlu ieħor mit-tempju, jgħajjat b’leħen qawwi lil dak li kien bil-qiegħda fuq is-sħaba: Midd il-minġel tiegħek, u aħsad: għax waslet is-siegħa għalik biex taħsad; għax il-ħsad tal-art sar.
  16. U dak li kien bil-qiegħda fuq is-sħaba medd il-minġel tiegħu; u l-art kienet maħsuda.
  17. U ħareġ anġlu ieħor mit-tempju li hu fis-sema; hu wkoll kellu minġel misnun.
  18. U ħareġ anġlu ieħor mill-artal, li kellu awtorità fuq in-nar: u għajjat b’leħen qawwi lil dak li kellu l-minġel misnun, billiqal: Midd il-minġel misnun tiegħek, u iġbor l-għenieqed tad-dielja tal-art; għax l-għeneb tagħha misjur sewwa.
  19. U l-anġlu xejjer il-minġel tiegħu fuq l-art, u ġabar id-dielja tal-art, u tefagħha fil-magħsar kbir tal-korla ta’ Alla.
  20. U l-magħsar kien imgħaffeġ barra mill-belt; u demm ħareġ mill-magħsar, li laħaq sal-lġiem taż-żwiemel, fuq medda ta’ elf u sitt mitt stadju.

Rivelazzjoni 15

  1. U rajt sinjal ieħor fis-sema, kbir u tal-għaġeb: seba’ anġli li kellhom l-aħħar seba’ kastigi; għax bihom kellha tin-temm il-korla ta’ Alla.
  2. U rajt bħal baħar tal-ħġieġ imħallat bin-nar; u dawk li għamlu rebħa fuq il-bhima, u fuq ix-xbieha tagħha, u fuq in-numru ta’ isimha, weqfin fuq il-baħar tal-ħġieġ, u kellhom l-arpi ta’ Alla.
  3. U huma qegħdin igħannu l-għanja ta’ Mosè l-iskjav ta’ Alla, u l-għanja tal-Ħaruf, igħidu: Kbar u tal-għaġeb huma l-opri tiegħek, Mulej Alla li tista’ kollox; ġusti u veri huma triqatek, is-Sultan taż-żminijiet.
  4. Min ma jibżax, o Mulej, u min ma jigglorifikax ismek? għax int waħdek qaddis: għax il-ġnus kollha jiġu u jqimu quddiemek; għax il-ġudizzji tiegħek huma murija.
  5. U wara dan ħarist, u, ara, it-tempju tat-tinda tax-xhieda fis-sema nfetaħ:
  6. U ħarġu s-seba’ anġli mit-tempju, li kellhom is-seba’ kastigi, lebsin il-għażel safi u abjad, u sidirhom imħażżem bi ħżimijiet tad-deheb.
  7. U waħda mill-erba’ kreaturi ħajjin tat lis-seba’ anġli seba’ bwieqi tad-deheb mimlijin bil-korla ta’ Alla, li jgħix għal dejjem ta’ dejjem.
  8. U mtela t-tempju bid-duħħan mill-glorja ta’ Alla, u mis-setgħa tiegħu; u ħadd ma sata’ jidħol fit-tempju, sa ma ntemmu s-seba’ kastigi tas-seba’ anġli.

Rivelazzjoni 16

  1. U smajt leħen qawwi ġej mit-tempju jgħid lis-seba’ anġli: Morru triqatkom, u sawbu l-bwieqi tal-korla ta’ Alla fuq l-art.
  2. U mar l-ewwel wieħed, u sawwab il-bieqja tiegħu fuq l-art; u ġrieħi jintnu u ta’ wġigħ ġew fuq il-bnedmin li kellhom il-marka tal-bhima, u fuq dawk li kienu jqimu x-xbieha tagħha.
  3. U sawwab it-tieni anġlu l-bieqja tiegħu fuq il-baħar; u sar demm qisu ta’ bniedem mejjet: u kull ħaġa ħajja mietet fil-baħar.
  4. U sawwab it-tielet anġlu l-bieqja tiegħu fuq ix-xmajjar u l-għejjun tal-ilmijiet; u saru demm.
  5. U smajt l-anġlu tal-ilmijiet igħid: Int tal-ħaqq, o Mulej: int li hu, u li kien, u li jkun, għaliex għamilt il-ħaqq.
  6. Għax huma xerrdu d-demm tal-qaddisin u tal-profeti, u int tajthom jixorbu demm; għax jistħoqqilhom.
  7. U smajt ieħor mill-artal igħid: Iva, Mulej Alla li tista’ kollox, tassew u tal-ħaqq huma l-ġudizzji tiegħek.
  8. U sawwab ir-raba’ anġlu l-bieqja tiegħu fuq ix-xemx; u kienet imħollija lilha tikwi l-bnedmin bin-nar.
  9. U nkwew il-bnedmin bis-sħana qalila, u baqgħu jidgħu bl-isem ta’ Alla, li għandu l-awtorità fuq dawn il-kastigi: u ma nidmux biex jagħtuh glorja.
  10. U sawwab il-ħames anġlu l-bieqja tiegħu fuq it-tron tal-bhima; u s-saltna tagħha ddalmet; u gidmu lsienhom bl-uġigħ.
  11. U baqgħu jidgħu b’Alla tas-sema minħabba l-uġiħ tagħhom u l-ġrieħi tagħhom, u ma nidmux mill-opri tagħhom.
  12. U sawwab is-sitt anġlu l-bieqja tiegħu fuq ix-xmara l-kbira l-Ewfrat, u nixef l-ilma tagħha, biex titlesta t-triq għas-slaten tal-lvant.
  13. U rajt ħerġin tliet spirti mniġġsa, qishom żrinġijiet, minn ħalq id-dragun, u minn ħalq il-bhima, u minn ħalq il-profeta falz.
  14. Għax huma spirti tad-demonji, li jagħmlu l-mirakli. U jmorru għand is-slaten tad-dinja kollha, biex jiġbruhom għall-gwerra tal-jum il-kbir ta’ Alla li jista’ kollox.
  15. Ara, jien ġej bħal ħalliel. Imbierek min jishar, u jżomm ilbiesu, biex ma jimxix għarwien, u jaraw il-għajb tiegħu.
  16. U ġabruhom flimkien f’post li jgħidulu bl-ilsien Lhudi Ħarmagedon.
  17. U sawwab is-seba’ anġlu l-bieqja tiegħu fl-ajru; u ħareġ leħen qawwi mit-tempju tas-sema, mit-tron, igħid: Sar!
  18. U kien hemm leħnijiet, u ragħad, u beraq; u kien hemm theżhiż kbir tal-art, li bħalu qatt ma sar mindu l-bnedmin kienu fuq l-art, theżhiża hekk qawwija, u hekk kbira.
  19. U nqasmet il-belt il-kbira fi tliet taqsimiet, u waqgħu l-bliet tal-ġnus: u ftakar Alla f’Babel il-kbira, biex jagħtiha t-tazza tal-inbid tal-ħruxija tal-qilla tiegħu.
  20. U ħarbet kull gżira, u l-muntanji ma nstabux.
  21. U silġ kbir daqs il-piż ta’ talent waqa’ mis-sema fuq il-bnedmin, u l-bnedmin bdew jidgħu b’Alla minħabba l-kastig tas-silġ; għax kbir wisq hu l-kastig tagħha.

Rivelazzjoni 17

  1. Mbagħad wieħed mis-seba’ anġli li kellu s-seba’ bwieqi ġie u tkellem miegħi, jgħid, Ejja ’l hawn; jien nurik il-ġudizzju tal-prostituta l-kbira li qiegħda fuq ħafna ilmijiet:
  2. Li magħha s-slaten tal-art ikkommettew fornikazzjoni, u n-nies tal-art sikru bl-inbid tal-fornikazzjoni tagħha.
  3. Mara bil-qiegħda fuq bhima ta’ lewn skarlat, Mimlija ismijiet ta’ dagħa, u li kellha sebat irjus fuq għaxart iqrun.
  4. U l-mara kienet liebsa fil-vjola u l-iskarlat, imżejna bid-deheb u ħaġar prezzjuż, u ġawhar, u kellha f’idha tazza mimlija qżież u ħmieġ tal-fornikazzjoni tagħha:
  5. U fuq ġbinha kien hemm miktub isem: Misterju, Babel il-Kbira, omm il-prostituti u l-qżiżijiet tal-art.
  6. U rajt il-mara fis-sakra bid-demm tal-qaddisin, u bid-demm tax-xhieda ta’ Ġesù. U stagħġibt kif rajt l-għaġeb kbir tagħha.
  7. U qalli l-anġlu: għalfejn tistagħġeb? Ngħidlek il-misterju tal-mara u tal-bhima li ġġorrha, li għandha sebat irjus u għaxart iqrun.
  8. Il-bhima li int rajt kienet, u mhijiex; u sa titla’ barra mill-abbissi u tmur għall-qerda. U dawk li jgħammru fuq l-art jistagħġbu, dawk li isimhom ma kienx miktub fil-ktieb tal-ħajja mit-tisjis tad-dinja, meta huma jaraw il-bhima, għaliex hi kienet, u mhijiex, u għandha tiġi.
  9. Hawn hu l-moħħ li għandu l-għerf. Is-sebat irjus huma seba’ muntanji, li fuqhom hi bil-qiegħda l-mara.
  10. U hemm seba’ slaten: ħamsa waqgħu, wieħed għadu, u l-ieħor għadu ma ġiex; u meta jiġi, idum ftit.
  11. U l-bhima li kienet u mhijiex, hi stess hija wkoll it-tmien waħda, u waħda mis-sebgħa, u hija sejra fit-telfien.
  12. U l-għaxart iqrun li inti rajt huma għaxar slaten li għad-hom ma rċevewx saltna, iżda huma jirċievu awtorità bħala sla-ten mal-bhima għal siegħa waħda.
  13. Dawn għandhom skop wieħed u huma jagħtu l-qawwa u l-awtorità tagħhom lill-bhima.
  14. Għad jagħmlu gwerra lill-Ħaruf, u l-Ħaruf joħroġ reb-bieħ fuqhom, għax hu Sid is-sidien u Sultan is-slaten, flimkien ma’ dawk li huma miegħu msejħin u magħżulin u fidili.
  15. U qalli: L-ilmijiet li tara, fejn hi qiegħda l-mara tad-dnub, huma popli, u ġemgħat ta’ nies, u ġnus u ilsna.
  16. U l-għaxar qrun li rajt fuq il-bhima, dawn jobogħdu lill-prostituta u jagħmluha mnikkta u għarwiena, u jieklu laħamha, u jaħarquha bin-nar.
  17. Għax Alla qanqlilhom qalbhom biex iwettqu r-rieda tiegħu, u biex jiftiehmu, u jagħtu s-saltna tagħhom lill-bhima, sa ma jseħħ il-kliem ta’ Alla.
  18. U l-mara li int rajt hi dik il-belt il-kbira, li ssaltan fuq is-slaten tal-art.

Rivelazzjoni 18

  1. Wara dawn il-ħwejjeġ rajt anġlu ieħor nieżel mis-sema, li kellu setgħa kbira, u l-art iddawlet bil-glorja tiegħu.
  2. U għajjat b’leħen qawwi, u qal: Waqgħet, waqgħet Babel il-kbira, u saret l-għamara tad-demonji, u l-ħabs għal kull spirtu mniġġes, u gaġġa għal kull tajra mniġġsa u mistkerrha.
  3. Għax xorbu l-ġnus kollha mill-korla tal-inbid tal-fornikazzjoni tagħha, u s-slaten tal-art ikkommettew fornikazz-joni magħha, u n-neguzjanti tal-art stagħnew bil-lussu bla rażan tagħha.
  4. U smajt leħen ieħor mis-sema jgħid: Oħroġ minnha, ja poplu tiegħi, biex ma taqsmux magħha fi dnubietha, u ma tiħdux mill-kastigi tagħha.
  5. Għax dnubietha saru ħemel għoli sas-sema, u Alla ftakar fil-ħażen tagħha.
  6. Roddulha daqskemm ukoll radditilkom; u ħallsuha lura d-doppju għall-opri tagħha: fit-tazza li fiha ħalltet, ħalltulha d-doppju.
  7. Daqskemm igglorifikat lilha nfisha, u għexet fil-lussu, daqshekk ieħor agħtuha tbatija u għali:
  8. Għalhekk f’jum wieħed jiġu l-kastigi tagħha: mewt, għali, u għaks; u tinħaraq għalkollox bin-nar; għax qawwi hu l-Mulej Alla li jagħmel ħaqq minnha.
  9. U s-slaten tal-art, li żnew magħha, u għexu fil-lussu magħha, jibku u jnewħu għaliha, meta jaraw id-duħħan tal-ħruq tagħha.
  10. U jieqfu fil-bogħod minħabba l-biża’ tat-tbatija tagħha, u jgħidu: Għali kbir, għali kbir, dik il-belt il-kbira Babel, dik il-belt qawwija! għax f’siegħa waħda sar il-ħaqq tiegħek.
  11. U n-neguzjanti tal-art jibku u jnewħu għaliha; għax ħadd ma jixtri aktar it-tagħbijiet tagħhom:
  12. Tagħbijiet ta’ deheb, u fidda, u ħaġar prezzjuż, u ta’ ġawhar, u għażel fin, u porpra, u ħarir, u skarlat, u kull injam tat-tuja, u kull xorta ta’ ħwejjeġ tal-avorju, u kull xorta ta’ njam l-aktar prezzjuż, u tal-bronż, u ħadid, u rħam.
  13. U kannella, u inċensijiet, u żejt ifuħ, u lubien, u nbid, u żejt taż-żebbuġa, u dqiq fin, u qamħ, u bhejjem, u ngħaġ, u żwiemel, u mriekeb, u lsiera, u erwieħ ta’ bnedmin.
  14. U l-frott bil-meraq li ruħek kienet tixxennaq għalih tbiegħed minnek; u l-ħwejjeġ ta’ ġmiel u ta’ tlellix għebu għalik, u ma ssibhomx aktar.
  15. In-neguzjanti ta’ dawn il-ħwejjeġ, li stagħnew minn fuqha, jieqfu fil-bogħod minħabba l-biża’ tat-tbatija tagħha, jibku u jnewħu.
  16. U jgħidu: Għali kbir, dik il-belt kbira, li kienet imlibbsa l-għażel fin, u l-porpra, u l-iskarlat, u mżejna bid-deheb, u bil-ħaġar prezzjuż, u l-gawhar!
  17. Għax f’siegħa waħda ġie fix-xejn għana kbir bħal dan! U kull kaptan tal-baħar, u n-nies tas-safar kollha, u l-baħrin, u dawk li jgħixu minn fuq il-baħar, waqfu l-bogħod,
  18. U għajtu meta raw id-duħħan tal-ħruq tagħha, billi qalu: Liema belt hi bħal dil-belt kbira!
  19. U tefgħu t-trab fuq rashom, u għajtu, jibku u jnewħu, u jgħidu: Għali kbir, għali kbir dik il-belt il-kbira, li fiha stagħnew bil-għana kbir tagħha dawk kollha li kellhom l-iġfna fil-baħar! F’siegħa waħda saret ħerba!
  20. Ifraħ minħabba fiha, int ja sema, u intom appostli qad-disin, u profeti; għax Alla għamel ħaqq minnha għalikom.
  21. U anġlu qawwi qabad ġebla bħal ġebla kbira ta’ mitħna, u tefagħha fil-baħar, u qal: Hekk, bil-vjolenza, tkun mitfugħa Babel dik il-belt il-kbira, u ma tinstabx aktar.
  22. U l-leħen tad-daqqaqa tal-arpi, u tal-għannejja, u tad-daqqaqa tal-flawt, u tat-tromba, ma jinstamax aktar fik; u l-ebda ħaddiem tas-sengħa, hu ta’ liema sengħa hu, ma jinstab aktar fik; u l-ħoss tal-ġebla tal-mitħna ma jinstamax aktar fik;
  23. U d-dawl tal-lampa ma jiddix aktar fik; u leħen il-għarus u l-għarusa ma jinstemax aktar fik: għax il-merkanti tiegħek kienu l-kbarat tal-art; għax bis-seħer tiegħek tqarrqu l-ġnus kollha.
  24. U nstab fiha d-demm tal-profeti, u tal-qaddisin, u ta’ dawk kollha li kienu maqtulin fuq l-art.

Rivelazzjoni 1911

  1. U wara dawn il-ħwejjeġ smajt leħen qawwi ta’ ħafna nies fis-sema jgħidu: Ħalleluja; is-Salvazzjoni, u l-glorja, u l-ġieh, u s-setgħa, lil Alla tagħna:
  2. Għax veri u tal-ħaqq huma l-ġudizzji tiegħu: għax għa-mel ħaqq mill-prostituta l-kbira, li kienet tħassar l-art bil-fornikazzjoni tagħha, u tħallas tad-demm tal-ilsiera tiegħu mxerred b’idha.
  3. U mill-ġdid qalu: Ħallelujah! U d-duħħan tagħha tala’ għal dejjem ta’ dejjem.
  4. U l-erbgħa u għoxrin xiħ u l-erba’ kreaturi ħajjin inx-teħtu jagħtu qima lil Alla li qiegħed fuq it-tron, igħidu: Amen; Ħallelujah!
  5. U ġie leħen mit-tron igħid: Faħħru lil Alla tagħna, intom ilkoll l-iilsiera tiegħu, u intom li tibżgħu minnu, sew żgħar u kemm kbar.
  6. U smajt bħal leħen ta’ ġemgħa kbira ta’ nies, u bħal ħoss ta’ ħafna ilmijiet, u bħal ħoss ta’ ragħad qawwi, igħid: Ħallelujah: Għax isaltan il-Mulej Alla li jista’ kollox.
  7. Ħa nifirħu u nithennew u nagħtuh il-glorja: għax wasal it-tieġ tal-Ħaruf u l-Għarusa tiegħu ħejjiet ruħha.
  8. U lilha kien mogħti li tiżżejjen b’għażel fin, nadif u abjad: għax il-għażel fin hu (l-opri) ġusti tal-qaddisin.
  9. U qalli: Ikteb: Imberkin huma dawk li huma mistednin għall-ikla taż-żwieġ tal-Ħaruf. U qalli: Dan hu l-kliem veru ta’ Alla.
  10. U nxħett f’riġlejh biex nagħtih qima. U qalli: Ara li ma tagħmilx dan: jien il-qaddej tiegħek, u ta’ ħutek li għandhom ix-xhieda ta’ Ġesù: agħti qima lil Alla: għax ix-xhieda ta’ Ġesù hi l-ispirtu tal-profezija.
  11. U rajt is-sema jinfetaħ, u, ara, żiemel abjad; u dak li kien qiegħed fuqu kien jismu Fidil, Veru, u bil-ġustizzja jiġġudika u jagħmel il-gwerra.
  12. Għajnejh kienu qishom fjamma tan-nar, u fuq rasu kienu ħafna kuruni, u kellu isem miktub, li ħadd ma kien jaf, ħliefu.
  13. U kien liebes mantar imgħaddas fid-demm: u ismu kien il-Kelma ta’ Alla.
  14. U l-eżerċti li kienu fis-sema marru warajh fuq żwiemel bojod, lebsin għażel fin, abjad u nadif.
  15. U minn fommu kienet ħierġa xabla misnuna, sabiex biha jidrob il-ġnus: u hu jirgħahom b’xettru magħmul mill-ħadid: u jgħaffeġ fil-magħsar tal-inbid tal-qilla u l-korla ta’ Alla li jista’ kollox.
  16. U kellu fuq il-mantar u fuq koxxtu isem miktub: SULTAN TAS-SLATEN, U SID TAS-SIDIEN.
  17. U rajt anġlu wieqaf fix-xemx; u għajjat b’leħen qawwi, u qal lit-tjur kollha li jtiru f’nofs is-sema: Ejjew u nġabru flimkien għall-ikla kbira ta’ Alla;
  18. Biex tieklu laħam ta’ slaten, laħam ta’ kaptani, u laħam ta’ nies qalbiena, u l-laħam taż-żwiemel, u ta’ dawk li jirkbuhom, u l-laħam tal-bnedmin kollha, sew ħielsa u kemm ilsiera, sew żgħar u kemm kbar.
  19. U rajt bhima, u s-slaten tal-art, u l-armati tagħhom, miġburin flimkien biex jagħmlu gwerra kontra dak li kien riekeb fuq iż-żiemel, u kontra l-armata tiegħu.
  20. U l-bhima kienet maqbuda, u magħha l-profeta qarrieqi li kien jagħmel is-sinjali quddiemha, li bihom qarraq lil dawk li kellhom il-marka tal-bhima, u lil dawk li kienu jqimu x-xbieha tagħha: Dawn it-tnejn kienu mitfugħin ħajjin fil-għadira tan-nar jaħraq bil-kubrit.
  21. U l-bqija kienu maqtula bix-xabla ta’ dak li kien riekeb fuq iż-żiemel, xabla li kienet ħierġa minn fommu, u t-tjur kollha xebgħu b’laħamhom.

Rivelazzjoni 20

  1. U jiena rajt anġlu nieżel mis-sema, li kellu l-muftieħ tal-abbiss u katina kbira f’idu.
  2. U qabad id-dragun, dak is-serp il-qadim, li hu x-Xitan, u Satana, u rabtu għal elf sena.
  3. U tefgħu fl-abbiss, li qaflu u ssiġillah, biex ma jqarraqx aktar bil-ġnus, sa ma jintemmu l-elf sena: wara dan ikollu jinħall għal ftit żmien.
  4. U rajt tronijiet, u huma qagħdu fuqhom, u l-ġudizzju kien mogħti lilhom. U jiena rajt l-erwieħ ta’ dawk li kellhom rashom maqtugħa minħabba x-xhieda ta’ Ġesù, u minħabba l-kelma ta’ Alla, u dawk li ma qimux lill-bhima, u lanqas lix-xbieha tagħha, u lanqas ħadu l-marka tagħha fuq ġbinhom jew fuq idhom; u għexu, u saltnu ma’ Kristu elf sena.
  5. Il-bqija tal-mejtin ma ħadux il-ħajja sa ma kienu għaddew l-elf sena. Din hi l-ewwel qawma.
  6. Imbierek u qaddis hu min għandu sehem fl-ewwel qaw-ma: fuq dawn it-tieni mewt ma għandhiex setgħa, imma jkunu qassisin ta’ Alla u ta’ Kristu, u jsaltnu miegħu elf sena.
  7. U meta jgħaddu l-elf sena, jinħall Satana mill-ħabs tiegħu.
  8. U jmur iqarraq bil-ġnus li huma fl-erba’ rkejjen tal-art, Gog u Magog, biex jiġborhom għat-taqbida; l-għadd tagħhom hu daqs ir-ramel tal-baħar.
  9. U telgħu fuq il-medda tal-art, u dawru l-kamp tal-qaddisin, u l-belt il-maħbuba: u niżel nar minn Alla mis-sema, u belagħhom.
  10. U x-Xitan li qarraq bihom kien mitfugħ fil-għadira tan-nar u kubrit, fejn hemm il-bhima u l-profeta qarrieq, u jbatu lejl u nhar għal dejjem ta’ dejjem.
  11. U rajt tron kbir abjad, u lil dak li kien qiegħed fuqu, li minn quddiem wiċċu ħarbu l-art u s-sema; u ma nstab ebda post għalihom.
  12. U rajt il-mejtin, kbar u żgħar, weqfin quddiem Alla; u nfetħu l-kotba: u nfetaħ ktieb ieħor, li hu l-ktieb tal-ħajja: u kienu ġġudikati l-mejtin fuq dawk il-ħwejjeġ li kienu miktubin fil-kotbam skont l-opri tagħhom.
  13. U l-baħar radd il-mejtin li kienu fih; u l-mewt u Ħades raddew il-mejtin li kienu fihom: u huma kienu ġġudikati kull wieħed fuq l-opri tagħhom.
  14. U l-mewt u Ħades kienu mitfugħin fil-għadira tan-nar. Din hi t-tieni mewt.
  15. U kull min ma nstabx miktub fil-ktieb tal-ħajja, kien mitfugħ fil-għadira tan-nar.

Rivelazzjoni 21

  1. U rajt sema ġdid u art ġdida: għax l-ewwel sema u l-ewwel art għabu; u ma baqax baħar iżjed.
  2. U jien Ġwanni rajt il-belt qaddisa, Ġerusalemm ġdida, nieżla mingħand Alla mis-sema, imhejjija qisha għarusa mżejna għal żewġha.
  3. U smajt leħen qawwi mis-sema jgħid: Ara, it-tabernaklu ta’ Alla huwa mal-bnedmin, u hu jgħammar magħhom, u huma jkunu l-poplu tiegħu, u Alla stess ikun magħhom, u jkun Alla tagħhom.
  4. U jimsaħ Alla kull demgħa minn għajnejhom; u ma jkunx hemm iżjed mewt, u la għali, u la biki, u lanqas uġigħ iżjed; għax il-ħwejjeġ ta’ qabel ikunu għaddew.
  5. U qal dak li kien qiegħed fuq it-tron: Ara, sa nġedded kollox. U qalli: Ikteb: għax dal-kliem hu żgur u veru.
  6. U qalli: Seħħu. Jien l-Alfa u l-Omega, il-bidu u t-tmiem. Lil min hu bil-għatx nagħtih jixrob b’xejn mill-għajn tal-ilma tal-ħajja.
  7. Min jirbaħ jiret kollox; u jien inkun Alla tiegħu, u hu jkun ibni.
  8. Iżda l-beżżiegħa, u dawk li ma jemmnux, u l-moqżieża, u l-qattiela, u ż-żienja u s-saħħara, u l-idolatri, u l-giddieba kollha, ikollhom sehemhom fil-għadira li tħeġġeġ bin-nar u l-kubrit: din hi t-tieni mewt.
  9. U ġie għandi wieħed mis-seba’ anġli li kellhom is-seba’ bwieqi mimlija bl-aħħar seba’ kastigi, u kellimni, u qal: Ejja ’l hawn, nurik il-għarusa, il-mara tal-Ħaruf.
  10. U ħadni fl-ispirtu fuq muntanja kbira għolja, u wrieni l-belt il-qaddisa, Ġerusalemm, nieżla mis-sema mingħand Alla.
  11. U kellha l-glorja ta’ Alla: u d-dija tagħha kienet bħal dik ta’ ħaġra l-aktar prezzjuża, qisha ġaspru, ċara daqs il-kristall.
  12. U kellha ħajt kbir u għoli, u kellha tnax-il bieb, u fil-bibien kien hemm tnax-il anġlu, u ismijiet miktubin fuqhom, li huma l-imsjmijiet tat-tnax-il tribù ta’ wlied Iżrael.
  13. Lejn il-lvant tliet bibien; lejn it-tramuntana tliet bibien; lejn nofsinhar tliet bibien; u lejn il-punent tliet bibien.
  14. U l-ħajt tal-belt kellu tnax-il pedament, u fihom l-ismijiet tat-tnax-il-appostlu tal-Ħaruf.
  15. U dak li kien ikellimni kellu qasba tad-deheb biex iqis il-belt, u l-bibien tagħha, u l-ħajt tagħha.
  16. U l-belt kienet kwadra; u t-tul tagħha kien daqs il-wisa’ tagħha: u hu kejjel il-belt bil-qasba, tnax-il elf stadju. It-tul u l-wisa’ u l-għoli tagħha kienu ndaqs.
  17. U kejjel il-ħajt tagħha, mija u erbgħa u erbgħin driegħ, skont il-qjies ta’ bniedem, jiġifieri tal-anġlu.
  18. U l-bini tal-ħajt tagħha kien tal-ġaspru: u l-belt kienet deheb safi, bħal l-ħġieg ċar.
  19. Il-pedamenti tal-ħajt kienu mżejnin b’kull xorta ta’ ħaġ-ar prezzjuż. L-ewwel pedament kien ġaspru: it-tieni, saffir; it-tielet, kalċedonju; ir-raba’, smerald;
  20. Il-ħames, sardonju; is-sitta sardju; is-seba’, krisolitu; it-tmienja, berill; id-disa’, topaz; il-għaxar, krisoprasu; il-ħdax, ġjaċint; it-tnax, ametist.
  21. U t-tnax-il bieb kienu tnax-il ġawhra; kull bieb kien magħmul minn ġawrha waħda: u t-triq tal-belt kienet deheb safi, qisu ħġieġ trasparenti.
  22. U fiha ma rajt l-ebda tempju: għax il-Mulej Alla li jista’ kollox u l-Ħaruf huma t-tempju tagħha.
  23. U l-belt ma kellhiex bżonn la ta’ xemx, u la ta’ qamar, biex jiddu fiha: għax il-glorja ta’ Alla kienet iddawwalha, u l-Ħaruf hu l-lampa tagħha.
  24. U jimxu fid-dawl tagħha l-ġnus ta’ dawk li huma salvati: u s-slaten tal-art iġibu fiha l-glorja u l-unur tagħhom.
  25. U bibien tagħha ma jingħalqu qatt bi nhar; għax ma jkunx hemm lejl.
  26. U fiha jġibu l-glorja u l-unur tal-ġnus.
  27. Imma ma tidħol fiha ebda ħaġa mniġġsa, ħadd li jagħmel ħwejjeġ mistkerrha, ebda ħaġa b’oħra ma tidħol, imma biss dawk li tniżżlu fil-ktieb tal-ħajja tal-Ħaruf.

Rivelazzjoni 22

  1. U wrieni x-xmara tal-ilma tal-ħajja, ċara daqs il-kristall, tgelgel mit-tron ta’ Alla u tal-Ħaruf.
  2. F’nofs il-pjazza tal-belt, fuq naħa u oħra tax-xmara, hemm siġra tal-ħajja tagħmel frott ta’ tnax-il xorta, trodd il-frott tagħha darba fix-xahar; il-weraq tas-siġra huma duwa tajba għall-ġnus.
  3. Ebda saħta ma jkun hemm iżjed. Fiha jkollha t-tron ta’ Alla u tal-Ħaruf, u l-ilsiera tiegħu jagħtuh qima.
  4. U jaraw wiċċu, u jkollhom ismu fuq ġbinhom.
  5. Lejl ma jkunx hemm iżjed, u ma jkunx jaħtieġ dawl tal-lampa u dawl tax-xemx, għax il-Mulej Alla jkun jiddi fuqhom, u huma jsaltnu għal dejjem ta’ dejjem.
  6. U qalli: Dal-kliem hu żgur u minnu: u l-Mulej Alla tal-ispirti tal-profeti bagħat l-anġlu tiegħu biex igħarraf lil ilsiera tiegħu l-ħwejjeġ li għandhom jiġru malajr.
  7. Ara, dalwaqt niġi: imbierek hu min iħares il-kliem tal-profezija ta’ dal-ktieb.
  8. Kont jiena stess, Ġwanni, li smajt u rajt dawn il-ħwejjeġ kollha. U, wara li smajthom u rajthom, inżilt quddiem l-anġlu li wrihomli biex nagħtih qima f’riġlejh.
  9. Imbagħad qalli: Ara li ma tagħmilx dan: għax jien il-qaddej tiegħek, u ta’ ħutek il-profeti, u ta’ dawk li jħarsu l-kliem ta’ dal-ktieb: agħti qima lil Alla.
  10. U qalli: La tissiġillax kliem il-profezija ta’ dal-ktieb: għax iż-żmien qorob.
  11. Min hu ħażin, ħa jibqa’ ħażin: u min hu maħmuġ, ħa jibqa’ maħmuġ; u min hu tajjeb, ħa jibqa’ tajjeb: u min hu qaddis, ħa jibqa’ qaddis.
  12. U, ara, sa niġi dalwaqt; u ħlasi hu miegħi, biex inħallas lil kull bniedem skont għemilu.
  13. Jien l-Alfa u l-Omega, il-bidu u t-tmiem, l-ewwel u l-aħħar.
  14. Imberkin dawk li jaħslu lbieshom, sabiex ikollhom id-dritt għas-siġra tal-ħajja, u jistgħu jidħlu fil-belt mill-bibien.
  15. Għax barra huma l-klieb, u s-saħħara, u l-fornikaturi, u l-qattiela, u l-idolatri, u dawk kollha li jħobbu u jagħmlu l-qerq.
  16. Jien Ġesù, bgħatt l-anġlu tiegħi ħalli jixhdilkom dawn il-ħwejjeġ dwar il-knejjes. Jiena l-għerq u n-nisel ta’ David, il-kewkba tiddi ta’ fil-għodu.
  17. L-Ispirtu u l-Għarusa jgħidu: Ejja! Min jisma’, ħa jgħid: Ejja! U min hu bil-għatx, ħa jiġi, ħa jieħu b’xejn min irid l-ilma tal-Ħajja.
  18. Jiena nwissi lil kull min jisma’ l-kelmiet tal-profezija ta’ dan il-ktieb: jekk xi ħadd iżid magħhom, Alla jixħet fuqu l-kastigi msemmijin f’dan il-ktieb;
  19. U jekk xi ħadd ineħħi xi kliem milli hawn fil-ktieb ta’ din il-profezija, Alla jneħħilu s-sehem li jmissu mis-siġra tal-Ħajja u mill-belt il-qaddisa msemmijin f’dan il-ktieb.
  20. Min jixhed dawn il-ħwejjeġ igħid: Tassew, niġi dal-waqt. Amen. Iva, ejja, Mulej Ġesù.
  21. Il-grazzja tal-Mulej Ġesù Kristu tkun magħkom ilkoll. Amen.