L-Ewwel Ittra Lil Timotju
L-EWWEL ITTRA LIL TIMOTJU
Dwar Din l-Ittra
L-Ewwel u t-Tieni Timotju u Titu huma msejħa “Ittri Pastorali.” Hu maħsub li dawn inkitbu bejn l-ewwel u t-tieni priġunerija ta’ Pawlu, bejn is-sena 64 u 67 W.K. Dawn l-Ittri (jew Epistoli) kienu meqjusa sa mill-bidu bħala li huma l-kitba ġenwina ta’ Pawlu.
Timtoju vvjaġġa u ħadem ma’ Pawlu (Rumani 16:21; 1 Korintin 16:10; Filippin 2:19), u minħabba l-fidi tagħhom, Timotju kien qisu iben għal Pawlu (1:2). Timotju sar wieħed mill-aktar ħaddiema ma’ Pawlu fidili, u Pawlu jsemmi lil Timotju f’ħamsa mill-ittri tiegħu.
Għalkemm din l-ittra hija ndirizzata lil Timotju personalment, din attwalment tindirizza ħafna mill-interessi li Pawlu kellu mal-ħajja tal-knisja kollha kemm hi. Linji ta’ Gwida huma mogħtija għal għażla ta’ uffiċjali tal-knisja (3:1-7), uffiċjali (3:8-13), u mexxejja (5:17-20).
Il-Kristjani għandhom jitolbu għal kulħadd u għandhom jiftakru li:
“5…hemm Alla wieħed, u medjatur wieħed bejn Alla u l-bnedmin: il-bniedem Kristu Ġesù; 6Li ta lilu nnifsu bħala fidwa għal kulħadd, biex tingħata b’xhieda fiż-żmien f’waqtu” (2:5-6).
Ħarsa Ħafifa Lejn Din l-Ittra
• Tislijiet (1:1-1-2)• Struzzjonijiet għall-Ħajja tal-Knisja (1:3—3:13)
• Il-Misteru tar-Reliġjon Tagħna (3:14—4:5)
• Il-Parir Ta’ Pawlu lil Timotju (4:6—6:21)
1 Timotju 1
- Pawlu, appostlu ta’ Ġesù Kristu, bl-ordni ta’ Alla Salvatur tagħna, u ta’ Kristu Ġesù t-tama.
- Lil Timotju, ibni tassew fil-fidi: Grazzja, ħniena, u sliem, mingħand Alla Missierna u mingħand Ġesù Kristu l-Mulej tagħna.
- Bħal ma tlabtek meta jien kont sejjer il-Maċedonja biex tibqa’ f’Efesu, biex tordna lil x’uħud biex ma jgħallmux duttrina differenti.
- Lanqas ma jagħtu widen għall-ħrejjef u ġenealoġiji bla tmiem, li jqanqlu l-ġlied, li jqanqlu l-ġlied, pjuttost milli jibnu l-qdusija li tiġi mingħand Alla li hija bil-fidi.
- Issa l-għan ta’ dit-twissija hi l-imħabba ġejja minn qalb safja, u minn kuxjenza tajba, u minn fidi sinċiera:
- Li x’uħud billi twarrbu minnhom intilfu fi tlablib fieragħ;
- Billi jixtiequ jkunu għalliema tal-liġi; bla ma jifhmu la x’inhuma jgħidu, u lanqas fuqiex qegħdin jaffermaw b’fiduċja.
- Issa aħna nafu li l-liġi hi tajba jekk wieħed jinqeda biha tajjeb;
- Nafu li l-liġi mhix magħmula għal dawk li huma tajbin, imma għal dawk li huma bla liġi u bla reliġjon u sagrilegi, jaħbtu għal missirijiethom u għal l-ommijiethom, u qattiela,
- Għal-fornikaturi, għal irġiel li jimteddu ma’ rġiel, negozjanti tal-ilsiera, giddieba, dawk li jiksru l-ħalfa; u għal dak kollu li jmur kontra t-tagħlim sħiħ.
- Dan hu li jgħallem l-Evanġelju tal-glorja ta’ Alla l-imbierek, afdat f’idejja.
- U niżżi ħajr lil Kristu Ġesù l-Mulej tagħna, li tani l-qawwa, għax sabni fidil, u qegħidni fil-ministeru;
- Jien li qabel kont dagħaj, u persekutur, u inġurjuż: imma qlajt ħniena, għax dan għamiltu fl-injoranza b’nuqqas ta’ fidi.
- U l-grazzja tal-Mulej tagħna kotrot bla qjies, bil-fidi u l-imħabba, li hi fi Kristu Ġesù.
- Din kelma vera, u ta’ min jilqagħha għalkollox: Kristu Ġesù ġie fid-dinja biex isalva l-midinbin; li fosthom jien l-ewwel wieħed.
- Imma minħabba dan qlajt ħniena, biex fija l-ewwel wieħed Ġesù Kristu juri sabar kbir, bħala eżempju għal dawk li għal li ġej jemmnu fih għall-ħajja ta’ dejjem.
- Issa lis-Sultan etern, li ma jmut qatt, li ma jidhirx, lil Alla waħdu għaref, ġieh u glorja għal dejjem ta’ dejjem. Amen.
- Din l-ordni nagħti lilek, ibni Timotju, skont il-profeziji li qabel saru fuqek, biex bihom inti tkun tista’ titqabad it-taqbida t-tajba:
- Billi żżomm il-fidi, u kuxjenza tajba; li x’uħud billi telquha, għamlu nawfraġju mill-fidi tagħhom:
- Fosthom hemm Himenes u Alessandru, li jien irħejthom f’idejn Satana, biex jitgħallmu ma jidgħux.
1 Timotju 2
- Nitolbok l-ewwelnett li jsiru suppliki, orazzjonijiet, talb u radd il-ħajr għall-bnedmin kollha:
- Għas-slaten, għal dawk kollha li għandhom xi awtorità, biex inkunu nistgħu ngħaddu ħajja fil-kwiet u fis-sliem, fit-tjieba u kif jixraq.
- Għax dan tajjeb u jogħġob lil Alla s-Salvatur tagħna,
- Li jrid li l-bnedmin kollha jkunu salvati u jaslu biex jagħrfu l-verità.
- Għax hemm Alla wieħed, u medjatur wieħed bejn Alla u l-bnedmin: il-bniedem Kristu Ġesù;
- Li ta lilu nnifsu bħala fidwa għal kulħadd, biex tingħata b’xhieda fiż-żmien f’waqtu.
- Li tagħha jiena kont magħmul predikatur, u appostlu qiegħed ngħid il-verità, mhux nigdeb; għalliem tal-Ġentili fil-fidi u l-verità.
- Irrid mela li l-irġiel jitolbu kullimkien, billi jgħollu jdejn qaddisa, bla għadab u dubju.
- Hekk ukoll, in-nisa għandhom iżejnu lilhom infushom b’ilbies rispettabbli, bil-modestja u b’mod sensibbli: mhux b’xagħar midfur, jew deheb, jew ġawhar, jew b’ilbies jiswa l-flus;
- Imma kif jixraq lin-nisa li juru tjieba b’opri tajba.
- Ħa titgħallem il-mara fis-skiet u bis-sottomissjoni kollha.
- Jien ma nħallix mara tgħallem, lanqas ikollha setgħa fuq ir-raġel, imma toqgħod siekta.
- Għax Adam kien imsawwar l-ewwel, imbagħad Eva.
- U ma kienx imqarraq Adam; iżda billi l-mara kienet imqarrqa saret ħatja.
- Madankollu hi tkun salvata billi ssir omm jekk in-nisa jżommu fil-fidi, u fl-imħabba, u fil-qdusija, bil-għaqal.
1 Timotju 3
- Din hi kelma ta’ min joqgħod fuqha: min jixtieq ix-xogħol ta’ indokratur [isqof] jixtieq xogħol sabiħ.
- Jeħtieġ, imma, li l-indokratur [isqof] ikun bniedem li ma ssibx xi tgħid fih; li jkun iżżewweġ darba biss; li jkun meqjus, prudenti, serju; li jilqa’ l-barranin, jaf igħallem;
- Li ma jkunx mogħti għax-xorb; li ma jkunx vjolenti, imma ġwejjed; li ma jkunx ġellied, anqas rgħib għall-flus;
- Li jkun raġel jaf imexxi tajjeb id-dar tiegħu; u li jżomm lil uliedu fl-ubbidjenza bir-rispett kollu.
- Għax jekk wieħed ma jkunx jaf imexxi ’l daru stess, kif jista’ jieħu ħsieb il-knisja ta’ Alla?
- M’għandux ikun wieħed li għadu kif ikkonverta, li ma jmurx jimtela bih innifsu u hekk jaqa’ fil-kundanna tax-Xitan.
- Għandu jkollu wkoll isem tajjeb mal-barranin, li ma jaqax fil-għajb u jaqa’ fix-xibka.
- Hekk ukoll id-djakni: għandhom ikunu nies serji, li ma jilagħbux bil-kliem, ma jkunux mogħtija għal ħafna nbid, mhux rgħiba għall-qligħ bil-għawġ;
- Għandhom iżommu sħiħ il-misterju tal-fidi b’kuxjenza safja.
- Dawn ukoll għandhom l-ewwel igħaddu mill-prova; imbagħad, jekk wieħed ma jsib xejn x’igħid fihom, ikunu jistgħu jaqdu bħala djakni.
- Hekk ukoll in-nisa tagħhom għandhom ikunu serji, ma jqassux fuq l-oħrajn, ikunu meqjusa fl-imġiba tagħhom u ta’ min jafdahom f’kollox.
- Ħa jkunu d-djakni l-irġiel ta’ mara waħda, u jmexxu tajjeb lil uliedhom u lil darhom.
- Għax dawk li jkunu qdew tajjeb l-uffiċċju tagħhom ta’ djakni jiksbu għalihom grad għoli, ħila kbira fil-fidi li hi f’Ġesù Kristu.
- Qiegħed niktiblek dan, għalkemm għandi tama qawwija li ma ndumx ma nigi għandek.
- Imma jekk niddawwar ħafna, għandek tkun taf kif għandek iġġib ruħek fid-dar ta’ Alla, li hi l-knisja ta’ Alla ħaj, il-kolonna u r-rifda tal-verità.
- U bla tmerija, kbir hu l-misterju tal-qdusija: Hu li kien deher fil-ġisem, iġġustifikat fl-Ispirtu, rawh l-anġli, imxandar lill-Ġentili, emmnut fid-dinja, mgħolli fil-glorja.
1 Timotju 4
- Issa l-Ispirtu jgħid fi kliem ċar, li fl-aħħar żminijiet xi wħud jitilqu mill-fidi u jagħtu widen għal spirti qarrieqa u għal tagħlim tad-demonji.
- Li jgħidu ħaġa b’oħra bl-ipokresija; u li għandhom il-kuxjenza tagħhom immarkata b’ħadida mikwija;
- Jikkundannaw iż-żwieġ, u ma jridux li jittiekel ikel li Alla ħalqu biex jittieħed b’radd il-ħajr minn dawk li ħaddnu l-fidi u li waslu għat-tagħrif sħiħ tal-verità.
- Għax kull ma ħalaq Alla hu tajjeb, u xejn ma għandu jintrema minn dak li jista’ jittieħed b’radd il-ħajr.
- Għax hu mqaddes bil-kelma ta’ Alla u bit-talb..
- Jekk int tfakkar dawn il-ħwejjeġ lil l-aħwa, tkun minis-tru tajjeb ta’ Ġesù Kristu, imrawwem fil-kliem tal-fidi u fit-tagħlim tajjeb, li miegħu int żammejt.
- Iżda ħrejjef li jkasbru ħwejjeġ qaddisa, u ħrejjef tan-nisa xjuħ, m’għandikx xi tridhom; tħarreġ pjuttost fit-tjieba.
- Għax tħarriġ tal-ġisem ftit jiswa: iżda t-tjieba tiswa għal kollox, billi għandha l-wegħda tal-ħajja t’issa, u ta’ dik li ġejja.
- Din hi kelma vera u ta’ min jilqagħha għalkollox.
- Għax għal dan aħna nitħabtu u nsofru t-tagħjir, għaliex aħna nafdaw f’Alla ħaj, li hu s-Salvatur tal-bnedmin kollha, u speċjalment ta’ dawk li jemmnu.
- Dawn ordna u għallem,
- Ħalli ħadd ma jmaqdar lil żgħożitek; iżda kun int eżempju għal dawk li jemmnu, fil-kliem, fil-kondotta, fl-imħabba, fl-ispirtu, fil-fidi, u fis-safa.
- Sa ma niġi, agħti ruħek għall-qari, għat-twissija, għat-tagħlim.
- La titlaqx id-don li hemm fik, li kien mogħti lilek bi profezija, mat-tqegħid tal-idejn tal-presbiteri.
- Itfa’ ħsiebek fuq dawn il-ħwejjeġ: agħti lilek innifsek għalkollox għalihom; biex il-mixi tiegħek ’il quddiem jidher lil kulħadd.
- Ħares lilek innifsek, u t-tagħlim; kompli fihom: għax meta tagħmel dan issalva sew lilek innifsek, u kemm li dawk li jisimgħu.
1 Timotju 5
- La ċċanfarx bil-herra wieħed xiħ, imma wissih bħala missier; u ż-żgħażagħ bħal aħwa;
- In-nisa xjuħ bħal ommijiet; ix-xebbiet bħal aħwa bniet, bis-safa kollu.
- Weġġah lir-romol, li huma romol tassew.
- Imma jekk armla għandha l-ulied jew ulied l-ulied, ħa jitgħallmu l-ewwel juru tjieba f’darhom, u jroddu li ħaqqhom lill-ġenituri tagħhom: għax dan tajjeb u jingħoġob quddiem Alla.
- Issa dik li hi tassew armla, u weħidha, tafda f’Alla, u tgħaddi l-lejl u n-nhar fl-orazzjoni u fit-talb.
- Iżda dik li tgħix fix-xalar hi mejta waqt li hi ħajja.
- U dawn il-ħwejjeġ ordna, biex ikunu bla ħtija.
- Jekk xi ħadd ma jaħsibx għal niesu, u l-aktar għan-nies ta’ daru, ikun ċaħad il-fidi, u hu agħar minn wieħed li ma jemminx.
- Ħa ma tingħaddx mar-romol armla jekk tkun għadha taħt is-sittin sena, u miżżewġa raġel wieħed.
- Għandha tkun magħrufa għall-opri tajba; jekk rabbietx l-ulied; jekk laqgħitx il-barranin; jekk ħaslitx saqajn il-qaddisin; jekk għenitx l-imsejknin; jekk għamlitx bil-għaqal minn kull opra tajba.
- Iżda tilqax ir-romol żgħażagħ: għax meta x-xewqat tagħhom jibdew jegħlbuhom kontra Kristu, jiżżewġu;
- Ikollhom ġudizzju, għax l-ewwel fidi tagħhom warrbuha fil-ġenb.
- Barra minn hekk jitgħallmu jitgħażżnu; jiġġerrew minn dar għal dar; u mhux biss jitgħażżnu, iżda paċpaċa u seksieka, u jgħidu ħwejjeġ li m’għandhomx jgħiduhom.
- Għalhekk mela rrid li n-nisa żgħażagħ jiżżewġu, ikollhom it-tfal, imexxu d-dar, u ma jagħtux lill-għadu l-ebda okkażjoni ta’ tagħjir.
- Għax xi wħud diġa’ daru ma’ Satana.
- Jekk xi mara li temmen għandha xi nisa romol, ħa tgħinhom hi, u ħa ma titgħabbiex il-knisja; biex din tgħin lil dawk li huma tassew romol.
- Ħa jkun jistħoqqilhom ġieh doppju l-anzjani li jmexxu tajjeb, l-aktar dawk li jaħdmu fil-kelma u fit-tagħlim.
- Għax l-iskrittura tgħid: Int m’għandekx issarram il-gendus li jidres il-qamħ. U, ħaqqu ħlasu l-ħaddiem.
- Kontra anzjan tilqa’ l-ebda akkuża, jekk mhux quddiem tnejn jew tliet xhieda.
- Widdeb quddiem kulħadd lil dawk li jidinbu, biex l-oħrajn jibżgħu wkoll.
- Nitolbok quddiem Alla, u Kristu Ġesù, u l-anġli maħtura, biex tħares dawn il-ħwejjeġ bla ma tħares lejn wiċċ ħadd, u ma żżomm ma’ ħadd.
- La tgħaġġilx tqiegħed idejk fuq ebda raġel, lanqas tissieħeb fid-dnubiet ta’ ħaddieħor: żomm ruħek safi.
- La tixrobx dejjem ilma, imma ħu ftit inbid għall-istonku u l-mard tiegħek ta’ sikwit.
- Id-dnubiet ta’ xi rġiel jidhru minn qabel, u jmorru qabel għall-ġudizzju; iżda d-dnubiet ta’ oħrajn jimxu warajhom.
- Hekk ukoll l-opri tajba ta’ x’uħud jidhru minn qabel; u dawk li ma jidhrux ma jistgħux jibqgħu moħbija.
1 Timotju 6
- Dawk il-qaddejja li huma taħt il-madmad ħa jgħoddu lis-sidien tagħhom bħala nies li jistħoqqilhom kull ġieh, biex ma jsirx dagħa b’isem Alla u t-tagħlim tiegħu.
- U dawk li għandhom is-sidien tagħhom jemmnu, ħalli ma jonqsuhomx mill-ġieh, għax huma aħwa; iżda aktar għandhom jaqduhom, għax huma fidili u maħbubin, u għandhom sheem mill-ħidma tajba tagħhom. Dawn il-ħwejjeġ għallem u wissi.
- Jekk xi ħadd igħallem xort’oħra, u ma jaqbilx mal-kliem ta’ saħħa, il-kliem tal-Mulej tagħna Ġesù Kristu, u mat-tagħlim li hu skont it-tjieba;
- Hu mimli bih innifsu, ma jaf xejn, marid bil-marda tat-tilwim u kliem li minnu tiġi l-għira, il-ġlied, it-tagħjir, is-suspetti ħżiena.
- Tilwim bejn nies b’moħħhom imħassar, u neqsin mill-verità, u li jaħsbu li l-qliegħ hu tjieba: aħrab min-nies bħal dawn.
- Imma tassew li t-tjieba, meta wieħed hu kuntent b’dak li għandu, hi qliegħ kbir.
- Għax xejn ma ġibna f’din id-dinja, u żgur xejn ma nistgħu nieħdu minnha.
- U meta għandna l-ikel u l-ilbies ħa nkunu kuntenti bihom.
- Imma dawk li jixtiequ li jkunu għonja, jaqgħu fit-tiġrib u f’nassa, u f’ħafna xewqat boloh u ta’ deni, li jgħarrqu l-bnedmin fil-qerda u t-telfien.
- Għax l-imħabba tal-flus hi l-għerq tad-deni kollu: u x’uħud li taw ruħhom għaliha, tbiegħdu mill-fidi, u nifdu lilhom infushom b’ħafna għali.
- Imma int, ja bniedem ta’ Alla, dan aħarbu; u imxi wara l-ġustizzja, it-tjieba, il-fidi, l-imħabba, is-sabar, il-ħlewwa.
- Tqabad it-taqbida t-tajba tal-fidi, aħtaf il-ħajja ta’ dejjem, li għaliha int ukoll imsejjaħ, u stqarrejt l-istqarrija sabiħa quddiem ħafna xhud.
- Nitolbok quddiem Alla, li jagħti l-ħajja lill-ħlejjaq koll-ha, u quddiem Kristu Ġesù li quddiem Ponzju Pilatu ta xhieda tajba;
- Li tħares dal-kmandament bla tebgħa, u bla ħtija, sad-dehra tal-Mulej tagħna Ġesù Kristu:
- Li juriha f’waqtha. Is-Suvran imbierek u waħdieni, is-Sultan tas-slaten, u s-sid tas-sidien;
- Hu li waħdu għandu l-immortalità, li jgħammar fid-dawl li ħadd ma jista’ jersaq lejh, li ebda bniedem qatt ma rah u anqas jista’ jarah: Lilu ġieħ u setgħa għal dejjem! Amen.
- Wissi lil dawk li huma għonja f’dan iż-żmien, biex ma jimlewx rashom, lanqas jafdaw f’għana li mhux żgur, iżda f’Alla l-ħaj, li jagħtina kollox bil-kotra biex ingawduh;
- Biex jagħmlu t-tajjeb, biex ikunu għonja b’opri tajba, lesti biex ikunu jdejhom miftuħa, u jaqsmu ma’ l-oħrajn:
- U jaħżnu għalihom teżor mibni fuq sisien tajba għaż-żmien li ġej, biex jiksbu l-ħajja ta’ dejjem.
- O Timotju, ħares dak li hu mogħti f’idejk, billi taħrab it-tlablib ħażin u fieragħ, u l-kontradizzjonijiet ta’ dak li b’mod falz hu msejjaħ għarfien:
- Li x’uħud jipprofessawh, tbiegħdu mill-fidi. Il-grazzja magħkom. Amen.