L-Ewwel Ittra Lit-Tessalonikin
L-EWWEL ITTRA LIT-TESSALONIKIN
Dwar Din l-Ittra
Kien Pawlu li beda l-knisja f’Tessalonika fis-sena 51 W.K. fit-Tieni Vjaġġ Missjunarju tiegħu (Atti 17:1-9). Tessalonika (illum ‘Salonika’) tinsab fir-rokna tal-majjistral tal-Baħar Eġew.
Għalkemm Pawlu kien hemm għal ftit taż-żmien, hu ħoloq tqanqil kbir. L-għedewwa tiegħu akkużawh li kien qiegħed “jaqleb id-dinja ta’ taħt fuq” (Atti 17:6). “Ġemgħa kbira ta’ Griegi u nisa mill-ewlenin” emmnu (Atti 17:4).
Il-knisja nfisha kellha problemi. Xi wħud mill-membri tagħha kienu waqfu milli jkomplu jaħdmu, billi huma ħasbu li l-Mulej kien dalwaqt se jerġa’ jiġi (4:11-12). Oħrajn kienu mħassbin għaliex qraba u ħbieb kienu diġa’ mietu qabel ir-ritorn ta’ Kristu. Għalhekk Pawlu pprova biex jispjegalhom aktar ċar x’kien se jiġri meta l-Mulej jerġa’ jiġi (4:13-15), u mbagħad qalilhom kif huma għandhom igħixu fl-intervall (5:1-11).
L-aħħar struzzjonijiet ta’ Pawlu huma ta’ min jiftakarhom:
“16Kunu dejjem ferħanin. 17Itolbu bla heda, 18Iżżu ħajr lil Alla f’kollox. Din hi rrieda ta’ Alla fi Kristu Ġesù” (5:16-18).
Ħarsa Ħafifa Lejn Din l-Ittra
• Tislijiet (1:1-3)• Il-Fidi u l-Eżempju tat-Tessalonikin (1:4—3:13)
• Ħajja Li Togħġob lil Alla (4:1-12)
• X’Tistenna Meta l-Mulej Jerġa’ Jiġi (4:13—5:11)
• L-Aħħar Struzzjonijiet u Tislijiet (5:12-18)
1 Tessalonikin 1
- Pawlu, u Silvanus, u Timotju, lill-knisja tat-Tessalonika f’Alla l-Missier u f’ Ġesù Kristu: Grazzja lilkom, u sliem, mingħand Alla Missierna, u l-Mulej Ġesù Kristu.
- Niżżu ħajr lil Alla kull ħin għalikom ilkoll, billi nsem-mukom fit-talb tagħna;
- U niftakru bla heda fil-ħidma tagħkom tal-fidi, u fit-taħbit tal-imħabba, u s-sabar tat-tama fil-Mulej tagħna Ġesù Kristu, quddiem Alla u Missierna;
- Billi nafu, l-aħwa maħbubin minn Alla, li intom maħ-turin.
- Għax l-evanġelju tagħna ma ġiekomx bil-kelma biss, imma bis-setgħa wkoll, u bl-Ispirtu Qaddis, u b’konvinzjoni sħiħa; bħal ma tafu intom x’irġiel konna aħna fostkom għall-ġid tagħkom.
- U intom sirtu imitaturi tagħna, u tal-Mulej, billi lqajtu l-kelma f’ħafna tribulazzjonijiet, bil-ferħ tal-Ispirtu Qaddis.
- U hekk sirtu eżempju għal dawk kollha fil-Maċedonja u fl-Akaja li jemmnu.
- Għax mhux biss il-kelma tal-Mulej instemgħet minn għandkom fil-Maċedonja u fl-Akaja, imma l-fidi tagħkom f’Alla xterdet ma’ kullimkien; għalhekk m’għandna għal fejn nitkellmu xejn.
- Għax huma stess igħidu fuqna x’daħla kellna fostkom, u kif dortu lejn Alla mill-idoli biex taqdu ’l Alla ħaj u veru;
- U biex tistennew mis-sema ’l Ibnu, li hu qajmu minn bejn l-imwiet, Ġesù, li jeħlisna mill-għadab li ġej.
1 Tessalonikin 2
- Għax intom stess, ħuti, tafu li d-daħla tagħna fostkom ma kenitx għal xejn:
- Iżda wkoll wara dik li batejna qabel, u konna mgħajrin f’Filippi, bħal ma tafu, kellna l-ħila f’Alla tagħna nxandrulkom l-evanġelju ta’ Alla b’ħafna taħbit.
- Għax it-twiddib tagħna mhux gej la mill-iżball, la mill-faħx, u lanqas mill-qerq:
- Imma bħal ma konna mħollijin minn Alla biex inkunu fdati bl-evanġelju, hekk nitkellmu; mhux qisu biex nogħġbu lill-bnedmin, iżda lil Alla, li jġarrab qlubna.
- Għax, bħal ma tafu, qatt ma wżajna la kliem ta’ tmellis, u lanqas ebda skuża għar-regħba; Alla jixhdu:
- Ma fittixniex glorja la mill-bnedmin, u lanqas minnkom, jew mingħand oħrajn, għalkemm stajna nqdejna bis-setgħa tagħna, bħala l-appostli ta’ Kristu.
- Imma konna ħelwin fostkom, bħalma omm li tradda’ tgħożż lil uliedha.
- Konna hekk miġbudin lejkom li, ridna nagħtukom, mhux biss l-evanġelju ta’ Alla, iżda wkoll l-istess ruħna, għax kontu għeżież għalina.
- Għax intom tiftakru, ħuti, fit-taħbit tagħna u fit-tbatija: ħdimna lejl u nhar, għaliex ma ridniex inkunu ta’ tagħbija għal xi ħadd minnkom, waqt li xandarnielkom l-evanġelju ta’ Alla.
- Intom xhud, u Alla wkoll, kemm bi qdusija, u bil-ġustizzja, u bla ħtija ġibna ruħna fostkom intom li temmnu:
- Bħal ma tafu kif ħeġġiġna u farraġna u xhedna lil kull wieħed minnkom, bħal ma jagħmel missier ma’ wliedu,
- Biex timxu kif jixraq lil Alla, li sejħilkom għas-saltna u l-glorja tiegħu.
- Għalhekk aħna wkoll niżżu ħajr bla heda lil Alla talli l-Kelma t’Alla, li intom smajtu minn għandna, ilqajtuha mhux bħala kelma tal-bniedem, iżda bħala Kelma ta’ Alla, kif tassew hi: dik il-Kelma li qiegħda taħdem fikom li emmintu.
- Għax intom, ħuti, sirtu tixbħu lill-knejjes ta’ Alla, li fil-Lhudija huma fi Kristu Ġesù: għax intom ukoll sofrejtu l-istess ħwejjeġ mingħand in-nies ta’ pajjiżkom, bħal ma sofrew huma wkoll mingħand il-Lhud:
- Li qatlu sew il-Mulej Ġesù, u kemm il-profeti tagħhom, u ippersegwitawna; u ma jogħġbux lil Alla, u ma jaqblux mal-bnedmin kollha:
- U ma jħalluniex inkellmu lill-Ġentili biex isalvaw, biex jimlew dejjem il-kejl ta’ dnubiethom: għax il-għadab waqa’ fuqhom għall-aħħar.
- Imma aħna, ħuti, billi mifrudin minnkom għal ħin wieħed, mill-wiċċ, mhux mill-qalb, tħabatna aktar biex naraw wiċċkom, b’xewqa kbira.
- Għalhekk ridna niġu għandkom, għalanqas jien Pawlu, aktar minn darba; imma Satana fixkilna.
- Għax x’inhi t-tama tagħna, jew il-ferħ tagħna, jew il-kuruna tal-ftaħir tagħna? Mhux intom quddiem il-Mulej tagħna Ġesù fil-miġja tiegħu?
- Għax intom il-glorja u l-ferħ tagħna.
1 Tessalonikin 3
- Għalhekk meta ma flaħniex aktar, ħsibna li aħjar nibqgħu Ateni weħidna;
- U bgħatna lil Timotju, ħuna, u ministru ta’ Alla, u seħibna fl-evanġelju ta’ Kristu, biex iwettaqkom, u jfarraġkom fil-fidi tagħkom.
- Biex ħadd ma jitqanqal fost dawn it-tbatijiet: għax int-om stess tafu li għal dan aħna qegħdin.
- Għax tassew, meta konna magħkom, għidnielkom minn qabel li sa nsofru tribulazzjonijiet; bħal ma ġara tassew, u dan intom tafuh.
- Għalhekk, meta ma flaħtx aktar, bgħatt inkun naf il-fidi tagħkom, li b’xi mod ma ġarrabkomx it-tentatur, u x-xogħol tagħna jisfa fix-xejn.
- Imma issa li Timotju ġie għandna minn għandkom, u ġibilna aħbarijiet tajba tal-fidi u tal-imħabba tagħkom, u li tiftakru tajjeb dejjem fina, u li tixtiequ wisq tarawna, bħal ma nixtiequ narawkom:
- Għalhekk, ħuti, konna mfarrġin bikom, fit-tribulazzjoni u d-dwejjaq kollha tagħna, bil-fidi tagħkom:
- Aħna issa ngħixu, jekk intom iżżommu sħiħ fil-Mulej.
- Għax liema ħajr nistgħu nerġgħu nroddu lil Alla għalikom, għall-ferħ kollu li bih nifirħu minħabba fikom quddiem Alla tagħna?
- Lejl u nhar nitolbu aktar milli nifilħu biex naraw wiċċkom, u ntemmu dak li jonqos fil-fidi tagħkom.
- Issa Alla nnifsu, Missierna, u l-Mulej tagħna Ġesù Kristu, iwittu triqtna lejkom.
- U l-Mulej igħinkom biex iżżidu u tkattru l-imħabba lejn xulxin, u lejn il-bnedmin kollha, bħal ma għandna aħna wkoll lejkom:
- Biex iwettqilkom qalbkom bla ħtija fil-qdusija quddiem Alla Missierna, fil-miġja tal-Mulej tagħna Ġesù Kristu mal-qaddisin kollha tiegħu.
1 Tessalonikin 4
- Fl-aħħarnett, ħuti, nitolbukom u nħeġġukom fil-Mulej Ġesù, li bħal ma ħadtu mingħandna kif għandkom timxu u togħġbu lil Alla, hekk tkomplu toktru iżjed u iżjed.
- Għax intom tafu xi kmandamenti tajniekom permezz tal-Mulej Ġesù.
- Għax din hi r-rieda ta’ Alla: it-taqdis tagħkom; li taħirbu mill-fornikazzjoni:
- Li kull wieħed minnkom ikun jaf kif jikkontrolla ’l ġismu bil-qdusija u l-ġieh,
- U ma jħallix il-passjoni tegħlbu, bħall-Ġentili li ma jagħrfux lil Alla:
- Li ħadd ma jaħqar u jagħmel ħsara lil ħuh f’dil-ħaġa: għax il-Mulej jitħallas ta’ dan kollu, bħal ma għidnielkom minn qabel u xhednielkom.
- Għax Alla ma sejħilniex għall-faħx, imma għall-qdusija.
- Għalhekk min ma jilqax dan, ikun ma jilqax mhux bniedem, iżda lil Alla, li tana wkoll l-Ispirtu Qaddis tiegħu.
- Imma dwar l-imħabba tal-aħwa m’għandkomx għal-fejn nitbilkom: għax intom infuskom imgħallmin minn Alla biex tħobbu lil xulxin.
- U tassew dan intom tagħmluh ma’ l-aħwa kollha li huma fil-Maċedonja kollha: iżda aħna nitolbukom, ħuti, li toktru iżjed u iżjed;
- U tqisuh ġieh li tgħixu fil-kwiet, u li tilħqu xogħolkom, u li taħdmu b’idejkom stess, bħal ma ordnajnielkom tagħmlu;
- Billi ġġibu ruħkom kif jixraq quddiem dawk li huma barra, u li ma jkollkom bżonn ta’ xejn.
- Iżda ma rridkomx ma tkunux tafu, ħuti, fuq dawk li hu-ma reqdin fil-mewt, biex ma ssewdux qalbkom, bħal oħrajn li m’għandhomx tama.
- Għax jekk aħna nemmnu li Ġesù miet u raġa’ qam, hekk ukoll dawk li huma reqdin f’Ġesù, Alla jġib miegħu.
- Għax dan ngħidulkom aħna bil-kelma tal-Mulej, li aħna l-ħajjin, u li nibqgħu sal-miġja tal-Mulej, ma naqbżux lil dawk li jkunu raqdu.
- Għax il-Mulej innifsu jinżel b’għajta mis-sema, bl-leħen ta’ arkanġlu, u mat-tromba ta’ Alla, u l-mejtin fi Kristu jqumu l-ewwel:
- Imbagħad aħna li nkunu ħajjin, li nkunu għadna hawn, ninħatfu flimkien magħhom fis-sħab biex niltaqgħu mal-Mulej fl-ajru. U hekk inkunu dejjem mal-Mulej.
- Għalhekk farrġu lil xulxin b’dan il-kliem.
1 Tessalonikin 5
- Dwar iż-żminijiet u l-istaġuni, ħuti, m’hemmx bżonn għalikom li niktbilkom.
- Għax intom stess tafu sewwa li jum il-Mulej jasal bħal ħalliel bil-lejl.
- Għax meta jgħidu: Sliem u sigurtà; imbagħad f’daqqa waħda jiġi fuqhom it-telfien, bħall-uġigħ ta’ mara fil-ħlas; u ma jeħilsux.
- Iżda intom, ħuti, m’intomx fid-dlam, biex dak il-jum jaqbadkom bħal ħalliel.
- Intom ilkoll ulied id-dawl, u wlied il-jum: aħna m’aħniex tal-lejl, lanqas tad-dlam.
- Għalhekk ma norqdux, bħal ma jagħmlu oħrajn; imma ħa nishru u nkunu b’għajnejna miftuħa.
- Għax dawk li jorqdu, jorqdu bil-lejl; u dawk li jiskru, jiskru bil-lejl.
- Imma aħna, li aħna tal-jum, ħa nkunu għajnejna mif-tuħa, lebsin il-kurazza tal-fidi u tal-imħabba; u bħala elmu, it-tama tas-salvazzjoni.
- Għax Alla m’għażilniex għall-għadab, imma biex niks-bu s-salvazzjoni permezz tal-Mulej tagħna Ġesù Kristu.
- Li miet għalina, biex imqajmin jew reqdin, ngħixu flim-kien miegħu.
- Għalhekk farrġu lil xulxin flimkien, u ibnu wieħed lil ieħor, bħalma wkoll qegħdin tagħmlu.
- U nitlobkom, ħuti, li tkunu tafuhom lil dawk li jaħdmu fostkom, u li huma fuqkom fil-Mulej, u li jwissukom;
- U għożżuhom kemm tifilħu bl-imħabba minħabba x-xogħol tagħhom. U żommu s-sliem bejnietkom.
- Issa nħeġġukom, ħuti, biex twissu lill-għażżenin, biex tagħmlu l-ħila lill-beżżiegħa, biex twieżnu lid-dgħajfin, biex iżżommu s-sabar ma’ kulħadd.
- Qisu li ħadd ma jrodd deni għal deni lil ħadd; imma dejjem fittxu dak li hu tajjeb, sew bejnietkom, u kemm ma’ kulħadd.
- Kunu dejjem ferħanin.
- Itolbu bla heda,
- Iżżu ħajr lil Alla f’kollox. Din hi rrieda ta’ Alla fi Kristu Ġesù.
- La tberrdux l-Ispirtu.
- La żżebilħux il-profeziji.
- Ippruvaw kollox: żommu sħiħ dak li hu tajjeb.
- Astjenu minn kull xorta ta’ ħażen.
- U l-istess Alla tal-paċi jqaddiskom għalkollox; li l-ispirtu kollu tagħkom, u r-ruħ, u l-ġisem, ikunu mħarsin bla ħtija fil-miġja tal-Mulej tagħna Ġesù Kristu.
- Fidil hu dak li jsejħilkom, u li wkoll jagħmel dan.
- Ħuti, itolbu għalina.
- Sellu għall-aħwa kollha b’bewsa qaddisa.
- Norbotkom b’ġurament bil-Mulej li din l-epistola tinqara lill-aħwa qaddisin kollha.
- Il-grazzja tal-Mulej tagħna Ġesù Kristu magħkom. Amen.