L-EWWEL ITTRA LILL-KORINTIN

Dwar Din l-Ittra

 L-enfasi ta’ din l-Ewwel Ittra lill-Korintin hija dwar fazzjonijiet, immoralità, qrati, ikel offrut lil idoli, abbużi tal-Ikla tal-Mulej, appostli foloz, problemi dwar iż-żwieġ, kondotta ħażina tal-laqgħat, il-parti tal-mara fil-knisja, u ereżiji dwar il-qawmien.
 Id-data tal-kitba ta’ din l-ittra hija fis-sena 57 W.K., qabel Pentekoste (16:8) u din l-ittra Pawlu kitibha minn Efesu.
 Pawlu kien ikkonċernat speċjalment dwar il-mod li bih il-Kristjani ta’ Korintu kienu qegħdin jargumentaw u jaqsmu lilhom infushom fi gruppi (1:10—4:21) u dwar il-mod li huma ttrataw lil xulxin (5:1—6:20). Dawn huma tnejn mill-aktar affarijiet li kienu jinkwetaw lil Pawlu hekk kif hu jikteb din l-ittra. Huwa wkoll ried li jwieġeb għall-mistoqsijiet li kienu jsiru dwar suġġetti oħra msemmija fuq.
 L-imħabba, jgħidilhom Pawlu, hija wisq aktar importanti minn fidi u tama. Il-problemi kollha fil-knisja jistgħu jkunu solvuti, jekk il-membri kollha jsiru jħobbu lil xulxin, kif għandhom jagħmlu l-Kristjani:
4L-imħabba ssofri fit-tul, u hi twajba; l-imħabba ma tgħirx; l-imħabba ma tiftaħarx, ma titkabbarx; 5Ma tagħmilx dak li ma jixraqx, ma tfittixx dak li jaqblilha, ma tiħux malajr għaliha, ma taħsibx fid-deni; 6Ma tifraħx bid-dnewwa, iżda tifraħ bil-verità. 7Kollox tagħder, kollox temmen, kollox tittama, kollox issofri. 8L-imħabba ma tintemm qatt” (13:4, 5, 6-8).

Ħarsa Ħafifa Lejn Din l-Ittra

  • Tislijiet u Talb ta’ Pawlu (1:1-9)
  • Sejħa għal l-Għaqda (1:10—4:21)
  • Problemi fir-Relazzjonijiet (5:1—7:40)
  • Nonoraw lil Alla minflok lil Idoli (8:1—11:1)
  • Gwida għall-Qima u l-Ħajja tal-Knisja (11:2—14:40)
  • Il-Vittorja ta’ Kristu Fuq il-Mewt (15:1-58)
  • Offerta għall-Fqar (16:1-4)
  • Il-Pjanijiet ta’ Pawlu għall-Vjaġġi (16:5-12)
  • Interess Personali u Tislijiet (16:13-24)

1 Korintin 1

  1. Pawlu, imsejjaħ biex ikun appostlu ta’ Ġesù Kristu permezz tar-rieda ta’ Alla u Sostenes ħuna;
  2. Lill-knisja ta’ Alla li hemm f’Korintu, lil dawk li huma mqaddsin fi Kristu Ġesù, imsejħin biex ikunu qaddisin, flimkien ma’ dawk kollha li f’kull post isejħu l-isem tal-Mulej tagħna Ġesù Kristu, sew tagħhom u kemm tagħna:
  3. Grazzja lilkom, u sliem, mingħad Alla Missierna, u l-Mulej Ġesù Kristu.
  4. Niżżi ħajr lil Alla tiegħi dejjem għalikom, għall-grazzja ta’ Alla mogħtija lilkom b’Ġesù Kristu;
  5. Li fih stagħnejtu f’kollox, f’kull kliem, u f’kull għerf;
  6. Daqskemm ix-xhieda ta’ Kristu kienet imwettqa fikom:
  7. Biex ma jkun jonqoskom ebda don; intom u tistennew il-miġja tal-Mulej tagħna Ġesù Kristu:
  8. Li jwettaqkom ukoll sa l-aħħar, biex tkunu bla ħtija fil-jum tal-Mulej tagħna Ġesù Kristu.
  9. Fidil hu Alla, li minnu kontu msejħin fix-xirka ta’ Ibnu Ġesù Kristu, il-Mulej tagħna.
  10. Issa nitlobkom, ħuti, f’isem il-Mulej tagħna Ġesù Kristu, li lkoll titkellmu l-istess ħaġa, u li ma jkun hemm ebda firda bejnietkom; iżda li tkunu magħqudin għalenija, fehma waħda, u ħsieb wieħed.
  11. Għax għarrfuni fuqkom, ħuti, dawk tad-dar ta’ Kloe, li hemm il-ġlied bejnietkom.
  12. Issa dan ngħid, li kull wieħed minnkom igħid: Jien ta’ Pawlu; u jien ta’ Apollo; u jien ta’ Kefa; u jien ta’ Kristu.
  13. Jaqaw Kristu mifrud? Jaqaw Pawlu kien imsallab għalikom? Jew f’isem Pawlu kontu mgħammdin?
  14. Niżżi ħajr lil Alla li ma għammidt lil ħadd minnkom, ħlief lil Krispu u lil Gajju;
  15. Biex ħadd ma jgħid li jien għammidt f’ismi.
  16. U għammidt ukoll lil dawk tad-dar ta’ Stefanas: barra minn dawn, ma nafx għammidtx lil xi ħaddieħor.
  17. Għax ma bagħatnix Kristu biex ingħammed, iżda biex inxandar l-evanġelju: mhux b’għerf ta’ kliem, biex is-salib ta’ Kristu ma jisfax fix-xejn.
  18. Għax il-kelma tas-salib hi bluha għal dawk li jintilfu; iżda għalina, li aħna salvati, hi l-qawwa ta’ Alla.
  19. Għax hu miktub: Neqred il-għerf tal-għorrief, u nxejjen id-dehen tal-prudenti.
  20. Fejn hu l-għaref? Fejn hu l-kittieb? Fejn hu dak li jiddisputi fuq dan iż-żmien? Jaqaw Alla m’għamilx iblah il-għerf tad-dinja?
  21. Għax billi fil-għerf ta’ Alla d-dinja b’għerfha ma għarfitx lil Alla, għoġbu Alla jsalva lil dawk li jemmnu bil-bluha tax-xandir.
  22. Għax il-Lhud iridu sinjal, u l-Griegi jfittxu l-għerf:
  23. Imma aħna nxandru lil Kristu msallab, li hu tfixkil għal-Lhud, u bluha għall-ġnus;
  24. Imma għal dawk li huma msejħin, sew Lhud u kemm Griegi, Kristu l-qawwa ta’ Alla, u l-għerf ta’ Alla.
  25. Għax il-bluha ta’ Alla hija għarfa aktar mill-bnedmin; u d-dgħufija ta’ Alla hija aktar b’saħħitha mill-bnedmin.
  26. Għax intom taraw, ħuti, is-sejħa tagħkom; kif mhumiex ħafna l-għorrief skont il-ġisem, mhumiex ħafna s-setgħana, mhumiex ħafna n-nobbli, li huma msejħin.
  27. Iżda Alla għażel il-ħwejjeġ boloh tad-dinja biex iħawwad il-għorrief; u Alla għażel il-ħwejjeġ dgħajfa biex iħawwad il-ħwejjeġ qawwija;
  28. U ħwejjeġ baxxi tad-dinja, u ħwejjeġ imżebelħin, Alla għażel, iva, u ħwejjeġ li mhumiex, biex ixejjen dawk li huma:
  29. Biex ebda bniedem ma jiftaħar quddiemu.
  30. Imma bih, li intom fi Kristu Ġesù, li mingħand Alla sar għalina għerf, u ġustizzja, u qdusija, u fidwa:
  31. Biex, kif inhu miktub: Min jiftaħar, ħa jiftaħar fil-Mulej.

1 Korintin 2

  1. U jien, ħuti, meta ġejt għandkom, ma ġejtx bi kliem għoli jew ta’ għerf, biex inħabbrilkom il-misterju ta’ Alla.
  2. Għax jien iddeċidejt li ma nkun naf xejn fostkom ħlief lil Ġesù Kristu, u hu msallab.
  3. U, jien kont magħkom b’dgħufija, u b’biża’, u bi tregħid kbir.
  4. U kliemi u l-predikar tiegħi ma kienx bil-kliem li jiġbed ta’ għerf, imma fil-wiri tal-Ispirtu u tal-qawwa:
  5. Biex il-fidi tagħkom ma tkunx fil-għerf tal-bnedmin, iżda fil-qawwa ta’ Alla.
  6. Iżda nitkellmu l-għerf fost dawk li huma perfetti: imma mhux il-għerf ta’ dan iż-żmien, lanqas tal-ħakkiema ta’ dan iż-żmien, li jiġu fix-xejn:
  7. Imma aħna nitkellmu l-għerf ta’ Alla f’misterju: iva, il-għerf moħbi, li Alla ddetermina qabel iż-żminijiet għall-glorja tagħna:
  8. Li ħadd mill-ħakkiema ta’ dan iż-żmien ma kien jaf: għax kieku kienu jafuh, ma kinux isallbu l-Mulej tal-glorja.
  9. Imma, bħalma hu miktub: Ħwejjeġ li għajn qatt ma rat u widna qatt ma semgħet, u li ma daħlux f’qalb il-bniedem, Alla hejja għal dawk li jħobbuh.
  10. Imma Alla rrivelahulna permezz tal-Ispirtu; għax l-Ispirtu jfittex kollox, u fil-fond ta’ Alla.
  11. Għax liema bniedem jaf x’hemm fi bniedem, ħlief l-ispirtu tal-bniedem li hemm fih? Hekk dak li hemm f’Alla ma jafu ħadd, ħlief l-Ispirtu ta’ Alla.
  12. Issa aħna ma ħadniex l-ispirtu tad-dinja; iżda Ispirtu li hu ta’ Alla; biex nagħrfu l-ħwejjeġ mogħtijin lilna b’xejn minn Alla.
  13. Li aħna wkoll nitkellmuhom, mhux bi kliem li jgħallem għerf il-bniedem, iżda li jgħallem l-Ispirtu Qaddis; inqabblu ħwejjeġ spiritwali ma’ dak li hu spiritwali.
  14. Iżda l-bniedem naturali ma jilqax il-ħwejjeġ li huma tal-Ispirtu ta’ Alla: għax huma bluha għalih: u lanqas jista’ jafhom, għax huma mwieżna spiritwalment.
  15. Iżda min hu spiritwali jiżen kollox, u hu nnifsu ma jintiżen minn ħadd.
  16. Għax min għaraf moħħ il-Mulej, biex igħallem lilu? Imma aħna għandna l-moħħ ta’ Kristu.

1 Korintin 3

  1. U jien, ħuti, ma stajtx inkellimkom bħala bnedmin spiritwali, imma bħala tal-laħam, bħala trabi fi Kristu.
  2. Sqejtkom il-ħalib, u mhux ikel; għax kontu għadkom ma tifilħux għalih; u lanqas issa għadkom ma tifilħu.
  3. Għax għadkom tal-laħam: għax jekk fostkom hemm il-għira, u l-ġlied, u l-firda, mintomx intom tal-laħam, u timxu ta’ bnedmin?
  4. Għax meta wieħed igħid: Jien ta’ Pawlu; u ieħor: Jien ta’ Apollo, mintomx tal-laħam?
  5. Min hu Pawlu, u min hu Apollo, ħlief ministri li bihom emmintu; bħalma wkoll il-Mulej ta lil kull bniedem?
  6. Jiena ħawwilt, Apollo saqqa; iżda Alla hu li kabbar.
  7. Għalhekk mela la min iħawwel, u la min isaqqi, mhu xejn; iżda Alla hu li jkabbar.
  8. Issa min iħawwel u min isaqqi huma wieħed: u kull bniedem jieħu l-ħlas tiegħu skont il-ħidma tiegħu.
  9. Għax aħna ħaddiema flimkien ma’ Alla: intom il-għalqa ta’ Alla, intom il-bini ta’ Alla.
  10. Skont il-grazzja ta’ Alla mogħtija lili, bħala mgħallem bennej għaqli, jien qegħidt il-pedament, u ħaddieħor bena fuqu. Imma ħa jara kull bniedem kif jibni fuqu.
  11. Għax pedament ieħor ħadd ma jista’ jqiegħed, barra minn dak li huwa mqiegħed, li huwa Ġesù Kristu.
  12. Issa jekk xi ħadd jibni fuq dawn is-sisien, deheb, fidda, ħaġar prezzjuż, injam, ħuxlief, tiben;
  13. Ix-xogħol ta’ kull bniedem jidher: għax il-jum igħarrfu, għax jinkixef bin-nar; u n-nar iġarrab x’jiswa x-xogħol ta’ kull bniedem.
  14. Jekk ix-xogħol ta’ kull bniedem iżomm fuq dak li jkun bena, jieħu l-ħlas.
  15. Jekk ix-xogħol ta’ bniedem jinħaraq, ibati l-ħsara: iżda hu nnifsu jkun salvat; imma qisu bin-nar.
  16. Ma tafux li intom it-tempju ta’ Alla, u li l-Ispirtu ta’ Alla jgħammar fikom?
  17. Jekk bniedem iħassar it-tempju ta’ Alla, Alla jeqirdu; għax it-tempju ta’ Alla, li huwa intom, hu mqaddes.
  18. Ħadd ma għandu jitqarraq! Jekk xi ħadd fostkom jaħseb li hu għaref f’dan iż-żmien ħa jiblieh, biex isir għaref.
  19. Għax il-għerf ta’ din id-dinja hu bluha quddiem Alla. Għax hemm miktub: Hu jaqbad il-għorrief fil-ħażen tagħhom stess.
  20. U wkoll: Il-Mulej jaf li fiergħa huma l-ħsibijiet tal-għorrief.
  21. Għalhekk ħadd ma għandu jitfaħar bil-bnedmin; għax kollox hu tagħkom,
  22. Sew jekk Pawlu, sew jekk Apollo, sew jekk Kefa, sew jekk id-dinja, sew jekk il-ħajja, sew jekk il-mewt, sew jekk iż-żmien ta’ issa, sew jekk li ġej: kollox hu tagħkom,
  23. U intom ta’ Kristu, u Kristu ta’ Alla.

1 Korintin 4

  1. Ħa nkunu miżmumin hekk, bħala qaddejja ta’ Kristu, u amministraturi tal-misterji ta’ Alla.
  2. Barra minn dan wieħed jitlob minn għand l-amministraturi, li bniedem jinstab fidil.
  3. Iżda għalija hi ħaġa żgħira wisq li jsir ġudizzju minni minnkom, jew mill-ġudizzju tal-bniedem: Iva, jien ma nagħmilx ġudizzju minni nnifsi.
  4. Għax xejn ma naf kontra tiegħi nnifsi; iżda b’daqshekk jien miniex iġġustifikat: iżda dak li jagħmel ġudizzju minni hu l-Mulej.
  5. Għalhekk la tagħmlu ħaqq minn xejn qabel il-waqt, sa ma jiġi l-Mulej, li jdawwal il-ħwejjeġ moħbija tad-dlam, u jikxef il-fehmiet tal-qlub; u mbagħad kulħadd jieħu t-tifħir mingħand Alla.
  6. U dawn il-ħwejjeġ, ħuti, jien qiegħed ngħidhom f’tixbiha għalija u għal Apollo minħabba fikom; biex minna intom tit-għallmu x’jiġifieri: Tmorrux lil hinn iktar milli hemm miktub, biex ħadd minnkom ma jitkabbar għal wieħed kontra l-ieħor.
  7. Għax min jagħżlek minn ieħor? U x’għandek li ma ħadtux? Issa jekk ħadtu, għalfejn tiftaħar, bħallikieku ma ħadtux?
  8. Issa intom imxebbgħin, issa sirtu għonja, saltnajtu bħala slaten mingħajrna: u jalla ssaltnu, biex aħna wkoll insaltnu magħkom.
  9. Għax naħseb jien li lilna l-appostli Alla qegħidna fl-aħħar, bħala ikkundannati għall-mewt: għax sirna wirja għad-dinja, u għall-anġli u għall-bnedmin.
  10. Aħna boloh minħabba Kristu, iżda intom għorrief fi Kristu; aħna dgħajfin, iżda intom b’saħħitkom; intom imweġ-ġhin, iżda aħna mżebelħin.
  11. Sa dis-siegħa stess aħna bil-ġuħ, u bil-għatx, u kważi għarwenin, u msawtin, u m’għandniex dar fejn noqogħdu;
  12. U nitħabtu, naħdmu b’idejna stess; igħajruna, u nbierku; ippersegwitati, u nissaportu;
  13. Iqassu fuqna, nitolbu bil-ħniena: sirna qisna l-knis tad-dinja, u l-iskart ta’ kollox s’issa.
  14. Miniex niktbilkom dawn il-ħwejjeġ biex inġegħilkom tistħu, iżda biex inwissikom bħala wlied magħbubin.
  15. Għax għalkemm għandkom bl-eluf għalliema fi Kristu, imma mhux ħafna missirijiet permezz tal-evanġelju; għax jiena hu li nissiltkom fi Kristu.
  16. Għalhekk nitlobkom, imitaw lili.
  17. Għalhekk bgħattilkom lil Timotju, ibni l-għażiż u fidil fil-Mulej; huwa jfakkarkom fl-imġiba tiegħi fi Kristu Ġesù kif ngħallem f’kull knisja kullimkien.
  18. Issa x’uħud intefħu, bħallikieku jien ma niġix għandkom.
  19. Iżda jien ma ndumx ma niġi għandkom, jekk il-Mulej irid, u nkun naf, mhux il-kliem ta’ dawk li huma minfuħin, imma x’setgħa għandhom.
  20. Għax is-saltna ta’ Alla m’hijiex fit-tpaċpiċ, imma fil-qawwa.
  21. Xi tridu? Niġi għandkom bil-bastun, jew bl-imħabba u bi spirtu ta’ ħlewwa?

1 Korintin 5

  1. Jingħad minn kulħadd li hemm iż-żina fostkom, u żina li bħalha lanqas tinstama’ fost il-Ġentili, li wieħed jieħu l-mara ta’ missieru.
  2. U intom tkabbartu, u ma għalejtux, biex dak li għamel dan l-għemil jitneħħa minn fostkom.
  3. Għax għalkemm tassew miniex hemm bil-ġisem, iżda qiegħed hemm bl-ispirtu, diġa’ għamilt ħaqq minn min għamel dan l-għemil, daqs kÇku kont hemm.
  4. F’isem il-Mulej tagħna Ġesù Kristu, meta intom u l-ispirtu tiegħi tkunu miġburin flimkien, bis-setgħa tal-Mulej tagħna Ġesù Kristu,
  5. Biex nerħi bniedem bħal dan f’idejn Satana għat-telfa tal-ġisem, biex l-ispirtu jkun salvat fil-jum il-Mulej.
  6. Il-ftaħir tagħkom ma jiswiex. Ma tafux li ftit ħmira tħemmer il-għaġna kollha?
  7. Naddfu mela l-ħmira l-qadima, biex tkunu għaġna ġdida, għax intom bla ħmira. Għax ukoll Kristu, li hu l-għid tagħna, hu ssagrifikat għalina:
  8. Għalhekk ħa nagħmlu l-festa, mhux bi ħmira qadima, lanqas bil-ħmira tal-ħażen u d-deni; iżda bil-ħobż bla ħmira tas-sinċerità u l-verità.
  9. Ktibtilkom f’epistoli biex ma tagħmluhiex mal-fornikaturi:
  10. Iżda mhux għal kollox mal-fornikaturi ta’ did-dinja, jew mar-rgħiba, jew mal-ħallelin, jew ma’ l-idolatri; għax imbagħad ikollkom toħorġu mid-dinja.
  11. Imma bħalissa qiegħed niktbilkom biex ma tagħmluhiex ma’ min jissejjaħ ħukom u jkun fornikatur, rgħib, idolatra, jew iħobb igħajjar jew sakranazz, jew ħalliel; ma’ wieħed bħal dan m’għandkom lanqas biss tieklu.
  12. Għax x’għandi x’naqsam jien biex nagħmel ħaqq ukoll minn dawk li huma barra? Mhux minn dawk li huma ġewwa tagħmlu ħaqq intom?
  13. Imma dawk li huma barra jagħmel ħaqq Alla minnhom. Għalhekk neħħu dak il-bniedem ħażin minn fostkom.

1 Korintin 6

  1. Għandu ħila xi ħadd fostkom, meta jkollu xi jgħid ma’ wieħed ieħor, imur għall-ġudizzju quddiem il-ħżiena, u mhux quddiem il-qaddisin?
  2. Ma tafux li l-qaddisin jagħmlu ġudizzju mid-dinja? U jekk isir ġudizzju mid-dinja minnkom, ma jistħoqqilkomx tagħmlu ġudizzju mill-iżgħar ħwejjeġ?
  3. Ma tafux li nagħmlu ġudizzju mill-anġli? Kemm aktar minn ħwejjeġ ta’ dil-ħajja?
  4. Jekk mela jkollkom tagħmlu ġudizzju minn ħwejjeġ ta’ dil-ħajja, tagħmlu bħala mħallfin dawk li fil-knisja huma lanqas stmati?
  5. Ngħidu b’għajb għalikom. Mela mhemmx fostkom wieħed għaref? Le, lanqas wieħed li għandu ħila jagħmel ħaqq bejn ħutu?
  6. Imma aħwa jħarrku lil ħuthom, u dan quddiem nies bla fidi.
  7. Issa, mela, tassew hemm difett fostkom, li tħarrku lil xulxin. Għaliex pjuttost ma ssofrux id-dnewwa?
  8. Mhux hekk biss, iżda intom stess tagħmlu ħażin, u tingannaw, u dan ma’ ħutkom.
  9. Ma tafux li l-inġusti ma jirtuhiex is-saltna ta’ Alla? La titqarrqux! La l-fornikaturi, la idolatri, la adulteri, la effeminati, la omosesswali,
  10. La ħallelin, la rgħiba, la sakranazzi la qassiesa fuq in-nies, la ħattafa, ma jirtu s-saltna ta’ Alla!
  11. U hekk kienu x’uħud minnkom. Imma intom kontu maħsulin, intom kontu mqaddsin, intom kontu ġġustifikati fl-isem tal-Mulej tagħna Ġesù Kristu u bl-Ispirtu ta’ Alla tagħna.
  12. Kollox jiswa għalija; iżda mhux kollox jaqbel: kollox jiswa għalija, iżda jien ma naqa’ taħt is-setgħa ta’ ħadd.
  13. L-ikel għaż-żaqq, u ż-żaqq għall-ikel: iżda Alla jeqred sew ’il dan, u kemm ’il din. Issa l-ġisem mhux għall-fornikazzjoni, iżda għall-Mulej; u l-Mulej għall-ġisem.
  14. U Alla qajjem il-Mulej, u jqajjem lilna wkoll permezz tal-qawwa tiegħu stess.
  15. Ma tafux li l-iġsma tagħkom huma l-membri ta’ Kristu? Inneħħi mela l-membri ta’ Kristu, u nagħmilhom membri ta’ mara prostituta? Ma jkun qatt!
  16. X’inhu? Ma tafux li min jingħaqad mal-mara prostituta jsir ġisem wieħed magħha? Isiru, kif tgħid l-Iskrittura, it-tnejn ġisem wieħed.
  17. Min jingħaqad mal-Mulej hu ruħ waħda miegħu.
  18. Aħarbu l-fornikazzjoni. Kull dnub li jagħmel il-bniedem hu barra mill-ġisem; imma min jikkommetti fornikazzjoni jidneb kontra ġismu stess.
  19. X’inhu? Ma tafux li ġisimkom hu tempju tal-Ispirtu Qaddis li qiegħed fikom, li għandkom mingħand Alla, u li intom mintomx tagħkom infuskom?
  20. Għax intom mixtrijin bi prezz: għalhekk igglorifikaw lil Alla f’ġisimkom.

1 Korintin 7

  1. Issa fuq il-ħwejjeġ li ktibtuli: Tajjeb għal raġel li ma jmissx mara.
  2. Madankollu, biex naħarbu l-fornikazzjonijiet, ħalli kull raġel ikollu ’l martu, u kull mara jkollha ’l żewġha.
  3. Ħa jagħti r-raġel lil martu dak li jistħoqqilha: u l-istess ukoll il-mara lil żewġħa.
  4. Il-mara m’għandhiex awtorità fuq ġisimha, iżda r-raġel: u l-istess ukoll ir-raġel m’għandux awtorità fuq ġismu, iżda l-mara.
  5. La tiċċaħdux minn xulxin, ħlief biss bi ftehim għal xi żmien, biex tagħtu ruħkom għas-sawm u t-talb; imbagħad terġgħu għal flimkien, biex Satana ma jittantakomx minħabba li ma tkunux tifilħu żżommu.
  6. Iżda dan qiegħed ngħidu, bħala konċessjoni, u mhux bħala kmand.
  7. Għax nixtieq li l-irġiel kollha kienu wkoll bħali nnifsi. Imma kull wieħed għandu d-don proprju tiegħu minn Alla, wieħed mod, u l-ieħor ieħor.
  8. Għalhekk jien ngħid lil dawk li mhumiex miżżewġin u lir-romol: Li aħjar għalihom li jibqgħu bħali wkoll.
  9. Imma jekk ma jifilħux iżommu, ħa jiżżewwġu: għax huwa aħjar li tiżżewweġ milli tinħaraq.
  10. U lill-miżzewġin nordna, mhux jien, imma l-Mulej: Ħa ma titlaqx il-mara minn żewġha:
  11. Iżda jekk titlaq, ħa tibqa’ ma tiżżewwiġx, jew tarġa’ tagħmel paċi ma’ żewġha: u r-raġel ħa ma jkeċċix lil martu.
  12. Imma lill-oħrajn ngħidilhom jien, mhux il-Mulej: Jekk wieħed mill-aħwa għandu mara li ma temminx, u jogħġobha tgħammar miegħu, ħa ma jkeċċihiex.
  13. U l-mara li għandha raġel li ma jemminx, u jogħġbu jgħammar magħha, ħa ma titilqux.
  14. Għax ir-raġel li ma jemminx jitqaddes b’martu, u l-mara li ma temminx titqaddes b’żewġha: kieku ma kienx hekk, uliedkom kienu jkunu mniġġsin; iżda issa huma mqaddsin.
  15. Iżda jekk dak li ma jemminx jinfired, ħa jinfired: F’każijiet bħal dawn, il-ħu jew l-oħt mhumiex taħt il-jasar: iżda Alla sejħilna għas-sliem.
  16. Għax x’taf int, ja mara miżżewġa, jekk issalvax lil żewġek? Jew x’taf int, ja raġel, jekk issalvax lil martek?
  17. Imma bħal ma qassam Alla lil kull bniedem; bħal ma sejjaħ il-Mulej lil kulħadd, ħa jimxi hekk kulħadd. U hekk nordna fil-knejjes kollha.
  18. Kien xi ħadd diġà ċirkonċiż, meta kien imsejjaħ? Ħa ma jkunx bla ċirkonċiżjoni. Kien xi ħadd bla ċirkonċiżjoni meta kien imsejjaħ? Ħa ma jkunx ċirkonċiż.
  19. Iċ-ċirkonċiżjoni mhi xejn, u n-nuqqas taċ-ċirkonċiżjoni mhu xejn; iżda l-ħarsien tal-kmandamenti ta’ Alla hu kollox.
  20. Ħa jibqa’ kulħadd kif kien, meta kien imsejjaħ.
  21. Kont ilsir meta kont imsejjaħ? Tħabbatx rasek minħabba f’hekk: iżda jekk tista’ ssir ħieles, inqeda bil-jasar.
  22. Għax dak li hu msejjaħ fil-Mulej, billi lsir, hu l-meħlus tal-Mulej: hekk ukoll dak li hu msejjaħ, billi meħlus, hu l-ilsir ta’ Kristu.
  23. Kontu mixtrijin bi prezz: la ssirux ilsiera tal-bnedmin.
  24. Ħuti, ħa jibqa’ kull bniedem quddiem Alla, fejn kien meta ssejjaħ.
  25. Issa dwar ix-xebbiet m’għandi l-ebda kmandament tal-Mulej: iżda jien nagħti il-fehma tiegħi, bħala wieħed li qala’ l-ħniena tal-Mulej biex jitwemmen.
  26. Jien jidhirli mela li dan tajjeb għat-taħbit ta’ daż-żmien: ngħid jien, tajjeb li bniedem ikun hekk.
  27. Marbut ma’ mara? La tfittixx li tinħall. Maħlul minn mara? La tfittixx mara.
  28. Imma u jekk tiżżewweġ, ma tidnibx; u jekk xebba tiż-żewweġ, ma tidnibx. Madankollu dawn ikollhom il-għali tal-ġisem: minn dan nixtieq neħliskom.
  29. Imma dan ngħid jien, ħuti: Iż-żmien qsar: issa jibqa’ li dawk li għandhom mara jgħixu qishom m’għandhomx;
  30. U dawk li jibku, qishom ma bkewx; u dawk li jifirħu, qishom ma ferħux; u dawk li jixtru, qishom m’għandhomx;
  31. U dawk li jinqdew b’din id-dinja, qishom ma jinqdewx ħażin biha: għax il-għada ta’ did-dinja tgħaddi.
  32. Imma jien irridkom tkunu bla ħsibijiet. Min mhux miż-żewweġ jaħseb fil-ħwejjeġ li huma tal-Mulej, kif jogħġob lill-Mulej.
  33. Iżda min hu miżżewweġ jieħu ħsieb il-ħwejjeġ li huma tad-dinja, kif jogħġob lil martu.
  34. Hemm differenza wkoll bejn mara miżżewġa u xebba. Il-mara li mhix miżżewġa taħseb fil-ħwejjeġ tal-Mulej, biex tkun qaddisa sew fil-ġisem u kemm fl-ispirtu: iżda l-miżżewġa taħseb fil-ħwejjeġ tad-dinja, kif togħġob lil żewġha.
  35. U dan ngħid għall-ġid tagħkom stess; mhux biex nonsbilkom xibka, iżda għal dak li hu xieraq, u biex tintrabtu mal-Mulej mingħajr tixrid ta’ moħħ.
  36. Imma jekk wieħed jaħseb li mhux jimxi kif jixraq ma’ bintu xebba, jekk tkun laħqet għaż-żwieġ, u jkun hemm bżonn tiżżewweġ, ħa jagħmel li jidhirlu; ma jidnibx: ħa tiżżewweġ.
  37. Madankollu, jekk wieħed għandu fehma sħiħa f’qalbu, bla ma għandu bżonn, imma għandu s-setgħa fuq ir-rieda tiegħu stess, u qatagħha f’qalbu li jżomm lil bintu xebba, jagħmel tajjeb.
  38. Hekk mela min iżewwiġha jagħmel tajjeb: iżda min ma jżewwiġhiex jagħmel aħjar.
  39. Il-mara hi marbuta bil-liġi kemm idum ħaj żewġha: imma jekk żewġha jmut, hi maħlula, u tista’ tiżżewweġ lil min trid hi; biss fil-Mulej.
  40. Imma, kif nifhem jien, tkun aktar hienja jekk tibqa’ kif inhi. U jien naħseb ukoll li għandi l-Ispirtu ta’ Alla.

1 Korintin 8

  1. Issa dwar is-sagrifikati lill-idoli, nafu li aħna lkoll għandna l-għarfien. L-għarfien ineffaħ, iżda l-imħabba tibni.
  2. U jekk wieħed jidhirlu li jaf xi ħaġa, għadu ma jaf xejn daqs kemm għandu jkun jaf.
  3. Imma jekk wieħed iħobb lil Alla, dan magħruf minnu.
  4. Mela dwar l-ikel issagrifikat lill-idoli, nafu li l-idolu m’hu xejn fid-dinja: ħadd m’hu Alla ħlief wieħed.
  5. Għax għalkemm hemm sew fis-sema u kemm fl-art dawk li jgħidulhom allat; (u hemm ħafna allat, u ħafna sidien,)
  6. Imma għalina hemm Alla wieħed, il-Missier, li minnu huma l-ħwejjeġ kollha, u aħna fih: u Mulej wieħed Ġesù Kristu, li bih huma l-ħwejjeġ kollha, u aħna bih.
  7. Madankollu mhux fil-bnedmin kollha hemm dak l-għarfien: għax x’uħud bid-drawwa tal-idolu s’issa, jieklu ħaġa bħala ssagrifikata lill-idolu; u billi l-kuxjenza tagħhom dgħajfa, titniġġes.
  8. Imma l-ikel ma jressaqniex lejn Alla: għax lanqas, jekk nieklu, ma nkunu aħjar; lanqas, jekk ma niklux, ma nkunu agħar.
  9. Imma qisu li b’xi mod dan il-privileġġ tagħkom ma jkunx ta’ tfixkil għad-dgħajfin.
  10. Għax jekk xi ħadd jara lilek li għandek l-għarfien tiekol fit-tempju tal-idolu, il-kuxjenza ta’ dak li hu dgħajjef ma tagħmilx il-qalb biex hu jiekol mill-ħwejjeġ issagrifikati lill-idoli?
  11. U minħabba l-għarfien tiegħek, ħuk li hu dgħajjef, u li għalih miet Kristu, jintilef.
  12. Imma meta tidinbu hekk kontra l-aħwa, u tfieru l-kuxjenza dgħajfa tagħhom, intom tidinbu kontra Kristu.
  13. Għalhekk, jekk l-ikel ifixkel lil ħija, ma nikolx laħam fiż-żmien, biex ma nfixkilx lil ħija.

1 Korintin 9

  1. Miniex appostlu? Miniex ħieles? Ma rajtx lil Ġesù l-Mulej tagħna? Mintomx intom xogħoli fil-Mulej?
  2. Jekk għal oħrajn miniex appostlu, mingħajr dubju jien għalikom: għaliex intom is-siġill tal-appostolat tiegħi fil-Mulej.
  3. It-tweġiba tiegħi lil dawk li jgħarbluni hi din:
  4. M’għandniex l-awtorità nieklu u nixorbu?
  5. M’għandniex l-awtorità nieħdu magħna oħt, mara, bħall-appostli l-oħra, u bħal ħut il-Mulej, u Kefa?
  6. Jew jien biss u Barnaba, li m’għandniex l-awtorità li ma naħdmux?
  7. Min f’xi żmien serva ta’ suldat spejjeż tiegħu? Min iħawwel għalqa dwieli, u ma jikolx mill-frott tagħha? Jew min jirgħa merħla, u ma jixrobx minn ħalib il-merħla?
  8. Qiegħed nitkellem ta’ bniedem? Jew ma tgħidx l-istess il-liġi wkoll?
  9. Għax hu miktub fil-liġi ta’ Mosè: La ssarramx ħalq il-gendus li jidres il-qamħ. Jaqaw Alla jaħseb għall-gniedes?
  10. Jew jitkellem dan kollu minħabba fina? Bla dubju, minħabba fina dan miktub: Li min jaħrat, għandu jaħrat fit-tama; u min jidres fit-tama għandu jkollu sehem mit-tama tiegħu.
  11. Jekk aħna żrajnielkom ħwejjeġ spiritwali, hi ħaġa kbira jekk aħna naħsdu l-ħwejjeġ karnali tagħkom?
  12. Jekk oħrajn għandhom sehem ta’ dal-jedd fuqkom, mgħandniex aħna iżjed? Madankollu aħna ma wżajniex dal-jedd; imma nsofru kollox, biex ma nfixklux l-evanġelju ta’ Kristu.
  13. Ma tafux li dawk li jamministraw ħwejjeġ sagri jgħixu mill-ħwejjeġ tat-tempju? U dawk li jservu l-artal għandhom sehem ma’ l-artal?
  14. Hekk ukoll il-Mulej ordna li dawk li jxandru l-evanġelju jgħixu mill-evanġelju.
  15. Iżda jien ma nqdejt b’xejn minn dan: lanqas ma ktibt dan, biex isir hekk lili: għax aħjar għalija mmut, milli xi ħadd iġib il-ftaħir tiegħi fix-xejn.
  16. Għax għalkemm inxandar l-evanġelju, m’għandix biex niftaħar: għax il-bżonn iġegħilni; iva, għali kbir għalija, jekk ma nxandarx l-evanġelju!
  17. Għax jekk nagħmel dan minn jeddi, għandi premju: iżda nagħmlu bla ma ridtu, inkun qiegħed nagħmel xogħol fdat lili.
  18. X’inhu mela l-ħlas tiegħi? Li, meta nxandar l-evanġelju, inqis li l-evanġelju jkun bla ħlas, biex ma ninqediex ħażin bil-jedd li jagħtini l-evanġelju.
  19. Għax għalkemm jien ħieles minn kulħadd, jien għamilt lili nnifsi lsir ta’ kulħadd, biex nirbaħ aktar.
  20. U għal-Lhud sirt qisni Lhudi, biex nirbaħ il-Lhud; għal dawk li huma taħt il-liġi, bħal wieħed taħt il-ligi;
  21. Għal dawk li huma bla liġi, qisni bla liġi, għalkemm ma kontx bla liġi ta’ Alla, imma taħt il-liġi ta’ Kristu, biex nirbaħ lil dawk li huma bla liġi.
  22. Għad-dgħajfin sirt bħal dgħajjef, biex nirbaħ lid-dgħajfin: sirt kollox għal kulħadd, biex b’xi mezz insalva lil x’uħud.
  23. U nagħmel dan minħabba l-evanġelju, biex ikolli sehem minnu magħkom.
  24. Ma tafux intom li dawk li jiġru f’tiġrija kollha jiġru, imma wieħed jieħu premju? Iġru mela, biex tieħdu kuruna.
  25. Kull min jikkontesta jikkontrolla lilu nnifsu fuq il-ħwejjeġ kollha. Issa dawn jagħmluh biex jieħdu kuruna li tispiċċa; iżda aħna waħda li ma tispiċċax.
  26. Hekk mela niġri jien, mhux qisni bħal wieħed jagħti fl-ajru:
  27. Imma ngħakkes lil ġismi, u njassru: biex ma jiġrix li, wara li nkun xandart lill-oħrajn, jien stess inkun imwarrab.

1 Korintin 10

  1. Barra minn dan, ħuti, ma rridkomx li ma tkunux tafu, kif missirijietna lkoll kienu taħt is-sħaba, u lkoll qasmu l-baħar;
  2. U lkoll kienu mgħammda f’Mosè fis-sħaba, u fil-baħar.
  3. U kielu kollha l-istess ikel spiritwali;
  4. U xorbu kollha l-istess xorb spiritwali: għax kienu jixorbu minn dik il-Blata spiritwali li kienet timxi warajhom: u dik il-Blata kienet Kristu.
  5. Imma ħafna minnhom ma għoġbux lil Alla, għax waqgħu mejtin fix-xagħri.
  6. Issa dawn il-ħwejjeġ kienu bħala eżempju għalina, biex ma nix-xenqux għall-ħwejjeġ ħżiena, bħal ma xxenqu huma wkoll.
  7. Lanqas tkunu idolatri, bħal ma kienu x’uħud minnhom; kif inhu miktub: Il-poplu qagħad bil-qiegħda biex jiekol u jixrob, u qam biex jilgħab.
  8. Lanqas għandna nagħtuha għall-fornikazzjoni bħal ma għamlu x’uħud minnhom, u waqgħu mejtin f’jum wieħed tlieta u għoxrin elf.
  9. Lanqas għandna nġarrbu lill-Mulej, bħalma x’uħud minnhom ukoll ġarrbuh, u kienu meqrudin mis-sriep.
  10. Lanqas tgergru, bħal ma gergru wkoll x’uħud minnhom, u kienu meqrudin mill-qerried.
  11. Dan kollu ġralhom b’eżempju, u nkiteb bi twiddiba għalina li fuqna wasal tmiem iż-żminijiet.
  12. Għalhekk, min jaħseb li hu wieqaf fis-sħiħ ħa jara li ma jaqax.
  13. Ebda tiġrib ma ġie fuqkom ħlief dak li jiġi fuq kull bniedem: iżda Alla fidil, u ma jħallix li intom tiġġarbu aktar milli tifilħu; u mat-tiġrib jiftħilkom ukoll triq biex teħilsu, biex tkunu tifilħu għalih.
  14. Għalhekk, maħbubin tiegħi, aħarbu mill-idolatrija.
  15. Lil nies għaqlin qiegħed inkellem; iġġudikaw intom kull ma ngħid.
  16. It-tazza tal-barka li aħna nbierku, m’hijiex il-għaqda fid-demm ta’ Kristu? U l-ħobż li naqsmu, m’huwiex il-għaqda fil-ġisem ta’ Kristu?
  17. Għax billi hemm ħobża waħda, aħna li aħna ħafna, aħna ġisem wieħed: għax aħna lkoll nieħdu sehem minn dik il-ħobża waħda.
  18. Ħarsu lejn Iżrael skont il-ġisem: dawk li jieklu mis-sagrifiċċji m’għandhomx sehem mill-artal?
  19. Xi rrid ngħid? Jew li l-idoli huma xi ħaġa?
  20. Ngħid is-sagrifiċċju li joffru l-pagani, lid-demonji joffru-hom u mhux lil Alla: u jien ma rridx li intom tidħlu f’għaqda mad-demonji.
  21. Ma tistgħux tixorbu t-tazza tal-Mulej, u t-tazza tad-demonji: ma jistax ikollkom sehem mill-mejda tal-Mulej, u mill-mejda tad-demonji.
  22. Irridu nqanqlu l-Mulej għall-għira? Nifilħu aktar minnu?
  23. Kollox jiswa għalija, iżda mhux kollox jaqbel: kollox jiswa għalija, iżda mhux kollox jibni.
  24. Ħalli ħadd ma jfittex dak li jaqbel lilu, iżda l-ġid ta’ kulħadd.
  25. Kulu minn kulma jinbiegħ fis-suq tal-laħam, bla ma tfitt-xu xejn minħabba l-kuxjenza:
  26. Għax tal-Mulej hi l-art, u kulma fiha.
  27. Jekk xi wieħed minn dawk li ma jemminx jistidinkom għall-ikla, u tkunu tridu tmorru; kulu kulma jqegħdulkom qud-diemkom, bla ma tfittxu xejn minħabba l-kuxjenza.
  28. Iżda jekk xi ħadd igħidilkom: Dan kien offrut bħala sagrifiċċju lill-idoli, la tiklux minħabba dak li qalilkom, u minħabba l-kuxjenza: għax l-art tal-Mulej, u kulma fiha.
  29. Irrid ngħid, mhux il-kuxjenza tiegħek, imma tal-ieħor: għaliex għandu jsir ħaqq mil-libertà tiegħi mill-kuxjenza ta’ ħaddieħor?
  30. Għax jekk jien niekol b’radd il-ħajr, għaliex għandi nkun imċanfar għal dak li għalih inrodd il-ħajr?
  31. Kemm mela jekk tieklu, jew tixorbu, jew tagħmlu xi ħaġa oħra, agħmlu kollox għall-glorja ta’ Alla.
  32. La toħolqux tfixkil, la għal-Lhud, la għall-Ġentili, u lanqas għall-knisja ta’ Alla:
  33. Bħalma jien ukoll nogħġob lil kulħadd f’kollox, mhux infittex dak li jaqbel lili, imma dak li jaqbel lil ħafna, biex ikunu salvati.

1 Korintin 11

  1. Imitaw lili, bħalma jien ukoll imitajt lil Kristu.
  2. Issa nfaħħarkom, ħuti, għax f’kollox tiftakru fija, u żżommu t-tradizzjonijiet, bħal ma tajthomlkom.
  3. Iżda jien irridkom tkunu tafu, illi r-ras ta’ kull raġel hu Kristu; u r-ras tal-mara hu r-raġel; u ras Kristu hu Alla.
  4. Kull raġel li jitlob jew jipprofetizza, b’rasu mgħottija, jagħmel għajb lil rasu.
  5. Imma kull mara li titlob jew tipprofetizza, b’rasha mik-xufa, tagħmel għajb lil rasha: għax hu l-istess ħaġa qisu kienet imqaxxra.
  6. Għax jekk il-mara mhix mgħottija, ħa taqta’ xagħarha wkoll: imma jekk hu għajb għall-mara li taqta’ jew tqaxxar xagħarha, ħa tkun mgħottija.
  7. Għax ir-raġel tassew m’għandux igħatti rasu, billi hu x-xbieha u l-glorja ta’ Alla: iżda l-mara l-glorja tar-raġel.
  8. Għax ir-raġel mhux mill-mara; iżda l-mara mir-raġel.
  9. U l-anqas ir-raġel ma kien maħluq għall-mara; iżda l-mara għar-raġel.
  10. Minħabba f’hekk, il-mara għandu jkollha fuq rasha sinjal ta’ awtorità minħabba l-anġli.
  11. Imma, fil-Mulej, la r-raġel ma hu mingħajr il-mara, lanqas il-mara mingħajr ir-raġel.
  12. Għax bħalma l-mara hi mir-raġel, hekk ukoll hu r-raġel mill-mara; iżda kollox minn Alla.
  13. Iġġudikaw intom fikom infuskom: Jixraq li mara titlob ’l Alla mikxufa?
  14. In-natura stess ma tgħallimkomx, li, jekk raġel ikollu xagħru twil, hu għajb għalih?
  15. Imma jekk mara jkollha xagħarha twil, dan hu glorja għaliha: għax xagħarha mogħti lilha bħala għata.
  16. U jekk xi wieħed jidher li jrid jaqla’ l-ġlied, aħna m’għandniex din id-drawwa, lanqas il-knejjes ta’ Alla.
  17. Issa f’dan li qiegħed ngħidilkom miniex infaħħarkom, għax qegħdin tiltaqgħu flimkien mhux għall-aħjar, iżda għall-agħar.
  18. Għax l-ewwelnett, meta tiltaqgħu flimkien bħala knisja, smajt li hemm firdiet bejnietkom; u xi ħaġa nemmen.
  19. Għax jaħtieġ ikun hemm ukoll firdiet fostkom, biex dawk li huma tajbin tassew jidhru fostkom.
  20. Meta mela tiltaqgħu flimkien f’post wieħed, dan mhux biex tieklu l-ikla tal-Mulej.
  21. Għax waqt l-ikel wieħed jieħu l-ikla tiegħu qabel l-ieħor: u wieħed bil-ġuħ, u ieħor fis-sakra.
  22. X’inhu? M’għandkomx djar fejn tieklu u tixorbu? Jew iżżebilħu l-knisja ta’ Alla, u ġġiegħlu jistħu lil dawk li m’għandhomx? X’ngħidilkom? Infaħħarkom f’dan? Le, ma nfaħħarkomx.
  23. Għax jien irċevejt mingħand il-Mulej dak li jien ukoll tajtkom: Li l-Mulej Ġesù f’dak l-istess lejl li kien ittradut ħa l-ħobż:
  24. U wara li radd il-ħajr, qasmu, u qal: Dan hu ġismi, li hu għalikom: agħmlu dan b’tifkira tiegħi.
  25. Hekk ukoll qabad il-kalċi, wara li kiel, u qal: Dal-kalċi hu r-rabta l-ġdida f’demmi: agħmlu dan, kull darba li tixorbuh, b’tifkira tiegħi.
  26. Għax kull darba li tieklu dal-ħobż, u tixorbu dal-kalċi, tħabbru l-mewt il-Mulej sa ma jiġi.
  27. Mela kull min jiekol il-ħobż u jixrob il-kalċi tal-Mulej, mhux kif jixraq, ikun ħati tal-ġisem u d-demm tal-Mulej.
  28. Iżda ħa jgħarbel il-bniedem lilu nnifsu, u mbagħad ħa jiekol minn dak il-ħobż, u jixrob minn dak il-kalċi.
  29. Għax min jiekol u jixrob bla ma jagħraf il-ġisem il-Mulej, jiekol u jixrob il-kundanna għalih innifsu.
  30. Minħabba f’hekk, ħafna huma dgħajfin u morda fostkom, u ħafna reqdin.
  31. Għax jekk nagħmlu ħaqq minna nfusna, ma jsirx ħaqq minna.
  32. Imma meta jsir ħaqq minna, aħna nitwiddbu mill-Mulej, biex ma nkunux ikkundannati mad-dinja.
  33. Għalhekk, ħuti, meta tiltaqgħu flimkien biex tieklu, sten-new lil xulxin.
  34. Jekk xi ħadd għandu l-ġuħ, ħa jiekol id-dar; biex ma tiltaqgħux flimkien għall-kundanna. Dwar ħwejjeġ oħra, jiena nagħti direzzjonijiet meta niġi.

1 Korintin 12

  1. Issa dwar id-doni spiritwali, ma rridkomx ma tkunux tafu, ħuti.
  2. Intom tafu li meta kontu Ġentili, kontu tkunu meħudin quddiem dawn l-idoli bla kliem, bħal ma kienu jridukom.
  3. Għalhekk irridkom tifhmu, li ħadd hu u jitkellem bl-Ispirtu ta’ Alla ma jsejjaħ lil Ġesù misħut: u ħadd ma jista’ jgħid li Ġesù hu l-Mulej, ħlief bl-Ispirtu Qaddis.
  4. Issa hemm taqsim ta’ doni, iżda l-istess Spirtu.
  5. U hemm taqsim ta’ ministeri, iżda l-istess Mulej.
  6. U hemm taqsim ta’ ħidmiet, iżda hu l-istess Alla li jaħ-dem kollox f’kulħadd.
  7. Imma l-manifestazzjoni tal-ispirtu hi mogħtija lil kull wieħed għall-ġid.
  8. Għax lil wieħed tingħata mill-Ispirtu kelma ta’ għerf; u lil ieħor kelma tal-għarfien mill-istess Spirtu;
  9. Lil ieħor il-fidi mill-istess Spirtu; lil ieħor id-don li jfej-jaq mill-istess Spirtu;
  10. Lil ieħor li jagħmel il-mirakli; lil ieħor il-profezija; lil ieħor biex jagħraf l-ispirti; lil ieħor diversi ilsna; lil ieħor tifsir ta’ ilsna:
  11. Imma dawn kollha jaħdimhom l-istess Spirtu waħdieni, billi jqassam lil kull wieħed kif irid.
  12. Għax bħalma l-ġisem hu wieħed, u għandu ħafna membri, u l-membri kollha ta’ dak il-ġisem, għalkemm huma ħafna, huma ġisem wieħed: hekk ukoll hu Kristu.
  13. Għax bi Spirtu wieħed aħna lkoll, sew Lhud u kemm Ġentili, sew ilsiera u kemm ħielsa, konna mgħammdin f’ġisem wieħed; u aħna lkoll xrobna minn Spirtu wieħed.
  14. Għax il-ġisem mhux membru wieħed, iżda ħafna.
  15. Jekk igħid ir-riġel: Għax miniex l-id, miniex mill-ġisem; mhux mela mill-ġisem?
  16. U jekk tgħid il-widna: Għax miniex il-għajn, miniex mill-ġisem; mhix mela mill-ġisem?
  17. Kieku l-ġisem kollu kien għajn, fejn hu s-smigħ? Kieku kollu kien smigħ, fejn hu x-xamm?
  18. Iżda Alla qiegħed il-membri, u kull wieħed minnhom, fil-ġisem, kif għoġbu.
  19. U kieku kollha kienu membru wieħed, fejn hu l-ġisem?
  20. Iżda issa huma ħafna membri, iżda ġisem wieħed.
  21. U l-għajn ma tistax tgħid lill-id: Ma neħtiġikx. U lanqas ukoll ir-ras lir-riġlejn: Ma neħtiġkomx.
  22. Barra minn dan, wisq iżjed dawk il-membri tal-ġisem, li jidhru aktar dgħajfin, huma meħtieġa.
  23. U lil dawk il-membri tal-ġisem, li aħna naħsbu li huma anqas ta’ ġieh, nagħtuhom l-akbar ġieh; u l-partijiet tagħna li huma anqas xierqa nagħtuhom l-akbar deċenza.
  24. Għax il-partijiet tagħna li huma xierqa m’għandhomx bżonn: imma Alla qassam il-ġisem, billi ta ħafna ġieh lil dik il-parti li ma kellhiex:
  25. Biex ma jkunx hemm firda fil-ġisem; imma biex il-membri jieħdu l-istess ħsieb ta’ xulxin.
  26. U jekk isofri membru wieħed, isofru miegħu l-membri kollha; jew jekk membru wieħed ikun mogħti ġieh, il-membri kollha jifirħu miegħu.
  27. Intom il-ġisem ta’ Kristu, u kull wieħed minnkom hu membru tiegħu.
  28. U Alla qiegħed lil x’uħud fil-knisja, l-ewwel appostli, it-tieni profeti, it-tielet għalliema, wara dan il-mirakli, imbagħad id-don tal-fejqan, il-għajnuna, setgħat, u d-don ta’ ilsna diversi.
  29. Kollha appostli? Kollha profeti? Kollha għalliema? Koll-ha jagħmlu l-mirakli?
  30. Kollha għandhom id-don li jfejqu? Kollha jitkellmu bl-il-sna? Kollha jafu jfissru?
  31. Imma xxenqu għal doni aħjar: jien għad nurikom triq wisq iżjed aħjar.

1 Korintin 13

  1. Jekk nitkellem bl-ilsna tal-bnedmin u tal-anġli, u m’għandix imħabba, inkun qisni bronż idoqq, jew ċimblu jżarżar.
  2. U kieku għandi d-don tal-profezija, u nifhem il-misterji kollha, u l-għarfien kollu; u kieku għandi l-fidi kollha, li nista’ nqanqal il-muntanji, u m’għandix imħabba, ma jiena xejn.
  3. U kieku nqassam ġidi kollu biex nitma’ l-fqar, u nagħti ġismi biex jinħaraq, u m’għandix imħabba, ma jiswieli xejn.
  4. L-imħabba tistabar u; l-imħabba ma tgħirx; l-imħabba ma tiftaħarx, ma titkabbarx;
  5. Ma tagħmilx dak li ma jixraqx, ma tfittixx dak li jaqblil-ha, ma tiħux malajr għaliha, ma taħsibx fid-deni;
  6. Ma tifraħx bid-dnewwa, iżda tifraħ bil-verità.
  7. Kollox tagħder, kollox temmen, kollox tittama, kollox issofri.
  8. L-imħabba ma tintemm qatt. Igħibu l-profeziji, jintemmu l-ilsna, igħib il-għarfien.
  9. Għax aħna nafu parti: nipprofetizzaw parti.
  10. Iżda meta jiġi dak li hu perfett, imbagħad dak li hu nieqes igħib.
  11. Meta kont tarbija, kont nitkellem bħal tarbija, nifhem bħal tarbija, naħseb bħal tarbija: iżda meta sirt raġel, neħħejt dak li kien ta’ tarbija.
  12. Għax issa nara f’mera, mhux ċar; iżda mbagħad wiċċ imb’wiċċ: issa naf parti; iżda mbagħad inkun naf sewwa bħalma jien ukoll magħruf.
  13. Imma issa baqa’ dawn it-tlieta: il-fidi, it-tama u l-imħabba; iżda l-akbar fosthom hi l-imħabba.

1 Korintin 14

  1. Fittxu l-imħabba, u tħeġġu għal doni spiritwali, iżda l-aktar li tipprofetizzaw.
  2. Għax min jitkellem b’ilsien ma jitkellimx mal-bnedmin, imma ma’ Alla: għax ħadd ma jifhmu; iżda fl-ispirtu, hu jlissen misterji.
  3. Imma min jipprofetizza jkellem lill-bnedmin biex itejjibhom, iħeġġiġhom, u jfarraġhom.
  4. Min jitkellem b’ilsien mhux magħruf itejjeb lilu nnifsu; iżda min jipprofetizza, itejjeb il-knisja.
  5. Nixtieqkom jien li lkoll titkellmu bl-ilsna, imma l-aktar li tipprofetizzaw: għax akbar hu dak li jipprofetizza minn dak li jitkellem bl-ilsna.
  6. Issa jekk jien, ħuti, niġi għandkom nitkellem bl-ilsna, x’niswielkom jekk jien ma nkellimkomx jew bir-rivelazzjoni, jew bl-għarfien, jew bil-profezija, jew bit-tagħlim?
  7. U wkoll ħwejjeġ bla ħajja li jagħtu l-ħoss, sew jekk il-flawt, u kemm jekk iċ-ċetra, jekk ma jagħmlux differenza fil-ħoss, kif jingħaraf id-daqq tal-flawt mid-daqq taċ-ċetra.
  8. Għax jekk it-tromba tagħti ħoss imħawwad, min jithejja għall-battalja?
  9. Hekk ukoll intom, jekk b’ilsienkom ma tgħidux kliem ċar biex jiftiehem, kif jingħaraf dak li jingħad? għax tkunu titkellmu fl-arja.
  10. Jista’ jkun li hawn ħafna kwalitajiet ta’ ilħna fid-dinja, u ħadd minnhom ma hu mingħajr tifsir.
  11. Imma jekk jien ma nafx it-tifsir tal-ħoss, inkun qisni bar-baru għal min jitkellem, u min jitkellem ikun barbaru għalija.
  12. Hekk ukoll intom, ladarba mħeġġin għal doni spiritwali, fittxu li jkollkom ħafna għall-ġid tal-knisja.
  13. Għalhekk min jitkellem f’ilsien ħa jitlob biex ifisser.
  14. Għax jekk jien nitlob b’ilsien, l-ispirtu tiegħi jitlob, imma moħħi ma jieħu l-ebda frott.
  15. X’inhu mela? Nitlob bl-ispirtu, u nitlob b’moħħi wkoll. Inkanta bl-ispirtu u nitlob b’moħħi wkoll.
  16. Għax meta tbierek bl-ispirtu, kif jista’ dak li m’għandux dawn id-doni spiritwali jgħid Amen għal radd il-ħajr tiegħek, la ma jafx x’inti tgħid?
  17. Għax tassew li int trodd radd il-ħajr tajjeb, iżda l-ieħor ma jieħu l-ebda ġid.
  18. Niżżiħajr ’l Alla tiegħi, li nitkellem b’ilsna aktar minn-kom ilkoll:
  19. Imma fil-ġemgħa tal-knisja aktar irrid ħames kelmiet b’moħħi li jinftiehmu biex ngħallem lill-oħrajn, milli għaxart elef bl-ilsna.
  20. Ħuti, tkunux tfal f’moħħkom: għalkemm fil-ħażen kunu trabi, iżda f’moħħkom kunu rġiel.
  21. Fil-liġi hu miktub: Nitkellem ma’ dal-poplu b’nies ta’ ilsna oħra, u b’xofftejn oħra; u madankollu ma jisimgħunix, igħid il-Mulej.
  22. Għalhekk l-ilsna huma sinjal, mhux għal dawk li jemmnu, imma għal dawk li ma jemmnux’ iżda l-profezija mhix għal dawk li ma jemmnux, imma għal dawk li jemmnu.
  23. Jekk, mela, il-knisja kollha tinġabar flimkien f’post wie-ħed, u kollha jitkellmu bl-ilsna, u jidħlu dawk li m’għandhomx doni spiritwali, jew li ma jemmnux, ma jgħidux li intom imġienen?
  24. Imma jekk kollha jipprofetizzaw, u jidħol wieħed li ma jemminx, jew wieħed li mhuwiex infurmat, dan iħoss ruħu mċanfar minn kulħadd, u jkun iġġudikat minn kulħadd:
  25. U hekk is-sigrieti ta’ qalbu jinkixfu: u fil-waqt li jinxteħet għal wiċċu jagħti qima lil Alla, jistqarr li Alla qiegħed fostkom tassew.
  26. X’inhu mela, ħuti? Meta tiltaqgħu flimkien, kull wieħed għandu xi salm, xi tagħlim, xi lsien, xi rivelazzjoni, xi tifsir. Ħa jsir kollox għal l-edifikazzjoni.
  27. Jekk wieħed jitkellem b’ilsien, ħa jkunu tnejn, jew l-aktar tlieta, wieħed wara l-ieħor; u ħa jfisser wieħed.
  28. Imma jekk ma jkunx hemm min ifisser, ħa jżomm is-skiet fil-knisja; u ħa jkellem lilu nnifsu. U lil Alla.
  29. Ħa jitkellmu l-profeti, tnejn jew tlieta, u ħa jagħmlu ħaqq l-oħrajn.
  30. Jekk xi ħaġa tkun irrivelata lill-ieħor li jkun bil-qiegħda hemm, ħa jiskot l-ewwel wieħed.
  31. Għax ilkoll tistgħu tipprofetizzaw wieħed wara l-ieħor, biex kulħadd jitgħallem, u kulħadd jitħeġġeġ.
  32. U l-ispirti tal-profeti huma suġġetti għall-profeti.
  33. Għax Alla mhux l-awtur tat-taħwid, iżda tas-sliem, bħalma fil-knejjes kollha tal-qaddisin.
  34. Ħa jżommu s-skiet in-nisa tagħkom fil-knejjes; għax m’għandhomx jitkellmu; iżda għandhom jobdu, kif tgħid il-liġi.
  35. U jekk iridu jitgħallmu xi ħaġa, ħa jistaqsu lil żwieġhom id-dar: għax hu għajb għan-nisa li jitkellmu fil-knisja.
  36. X’inhu? Il-kelma ta’ Alla ħarġet minn għandkom? Jew waslet għandkom biss?
  37. Jekk xi ħadd jaħseb li hu profeta, jew bniedem spiritwali, ħa jagħraf sewwa li dawk il-ħwejjeġ li niktbilkom huma kmandament tal-Mulej.
  38. Imma jekk wieħed ma jridx jaf, erħulu ma jafx.
  39. Għalhekk, ħuti, ixxenqu biex tipprofetizzaw, u żżommux lil min jitkellem bl-ilsna.
  40. Ħa jsir kollox kif jixraq u kif imiss.

1 Korintin 15

  1. Barra minn dan, ħuti, infakkarkom fl-evanġelju li xan-dartilkom, u li intom ukoll ilqajtu, u li żżommu sħiħ miegħu.
  2. U bih intom salvati, jekk iżżommu f’moħħkom dak li xandartilkom, għax inkella tkunu emmintu għal xejn.
  3. Qabel xejn, jien għallimtkom dak li tgħallimt jien, jiġifieri, li Kristu miet minħabba dnubietna, skont l-Iskrittura;
  4. Difnuh u qam mill-imwiet fit-tielet jum, skont l-Iskrittura.
  5. U li deher lil Kefa, imbagħad lit-tnax.
  6. Wara dan deher lil aktar minn ħames mitt aħwa, f’daqqa; li ħafna minnhom għadhom ħajjin sa llum, iżda x’uħud mietu.
  7. Wara dan, rah Ġakbu; imbagħad l-appostli kollha:
  8. Fl-aħħarnett rajtu jien ukoll, bħala wieħed li twieled barra min żmienu.
  9. Għax jien l-iżgħar fost l-appostli, li ma jistħoqqlix nissejjaħ appostlu, għax ippersegwitajt il-knisja ta’ Alla.
  10. Imma bil-grazzja t’Alla jien li jien; u l-grazzja tiegħu li ngħatatli ma kenitx għal xejn; iżda tħabatt ħafna aktar minnhom kollha: mhux jien, imma l-grazzja ta’ Alla li kienet miegħi.
  11. Għalhekk sewwa jekk kont jien, sewwa jekk kienu huma, hekk inxandru aħna; u hekk intom emmintu.
  12. Issa jekk Kristu hu mxandar li qam minn bejn l-imwiet, kif x’uħud fostkom igħidu li m’hemmx qawmien tal-imwiet?
  13. Imma jekk m’hemmx qawmien tal-imwiet, lanqas Kristu ma qam:
  14. U jekk Kristu ma qamx, fiergħa hi l-predikazzjoni tagħna, u fiergħa wkoll hi l-fidi tagħkom.
  15. Iva: aħna nkunu misjubin xhieda foloz ta’ Alla li qajjem lil Kristu, li hu ma qajmux, jekk inhu tassew li l-mejtin ma jqumux.
  16. Għax jekk il-mejtin ma jqumux, lanqas Kristu ma qam:
  17. U jekk Kristu ma qamx, fiergħa hi l-fidi tagħkom; intom għadkom fi dnubietkom.
  18. Għalhekk ukoll dawk li raqdu fi Kristu ntilfu.
  19. Jekk f’din il-ħajja aħna biss għandna tama fi Kristu, aħna l-aktar imsejknin fost il-bnedmin kollha.
  20. Imma issa Kristu qam minn bejn l-imwiet, u sar l-ewwel frott fost dawk li mietu.
  21. Għax bħalma bil-bniedem ġiet il-mewt, bil-bniedem ukoll ġie l-qawmien mill-imwiet.
  22. Għax bħalma f’Adam kulħadd imut, hekk ukoll kulħadd jarġa’ jieħu l-ħajja fi Kristu.
  23. Imma kull wieħed fejn imissu: Kristu l-ewwel frott; imbagħad dawk li huma ta’ Kristu fil-miġja tiegħu.
  24. Imbagħad jiġi t-tmiem, meta hu jagħti s-saltna ’l Alla l-Missier, wara li jkun qered kull ħakma u kull setgħa u qawwa.
  25. Għax jaħtieġ isaltan, sa ma jqiegħed l-għedewwa kollha taħt riġlejh.
  26. L-aħħar għadu li jinqered hi l-mewt.
  27. Għax Alla qiegħed kollox taħt riġlejh. Iżda meta jgħid li kollox kien issuġġettat, jidher ċar li barra dak li ssuġġettalu kollox.
  28. U meta kollox ikun imqiegħed taħtu, imbagħad l-Iben innifsu wkoll ikun issuġġettat għal dak li qegħidlu kollox taħtu, sabiex Alla jkun kollox f’kulħadd.
  29. Kieku ma kienx hekk, x’jagħmlu dawk li huma mgħammdin għall-mejtin, jekk tassew il-mejtin ma jqumux? Għalfejn mela huma mgħammdin għall-mejtin?
  30. Għalfejn aħna qegħdin fil-periklu kull siegħa?
  31. Jien kuljum espost għall-mewt. Dan naħilfu bil-ftaħir li għandi fikom fi Kristu Ġesù l-Mulej tagħna.
  32. Jekk skont id-drawwa tal-bnedmin jien tqabadt f’Efesu mal-bhejjem, xi swieli, jekk il-mejtin ma jqumux? ħa nieklu u nixorbu; għax għada mmutu.
  33. La titqarqux: il-kumpanija ħażina tħassar il-manjieri tajba.
  34. Stenbħu biex tgħixu sewwa, u la tidinbux; għax x’uħud ma jafux x’inhu Alla: ngħid dan b’għajb għalikom.
  35. Imma jgħid xi ħadd: Kif iqumu l-mejtin? u b’liema ġisem jiġu?
  36. Ja iblah, dak li tiżra’ int ma jiħux ħajja, jekk ma jmutx:
  37. U dak li tiżra’ mhux il-ġisem għad ikun tiżra’, imma daqsxejn ta’ żergħa, jista’ jkun tal-qamħ, jew ta’ xi żerriegħa oħra.
  38. Imma Alla jagħtiha ġisem kif jogħġbu, u lil kull żerriegħa l-ġisem tagħha.
  39. Mhux kull laħam hu l-istess laħam: imma hemm il-laħam tal-bniedem, ieħor tal-bhejjem, ieħor tal-ħut, u ieħor tat-tjur.
  40. Hemm ukoll l-iġsma tas-sema, u l-iġsma tal-art: iżda l-glorja tal-iġsma tas-sema hi ħaġa; u l-glorja tal-iġsma tal-art hi oħra.
  41. Hemm glorja tax-xemx, u glorja oħra tal-qamar, u glorja oħra tal-kwiekeb: għax kewkba ma taqbilx ma’ kewkba oħra fil-glorja.
  42. Hekk ukoll il-qawma tal-imwiet. Il-ġisem jinżara’ fit-taħsir, iqum bla taħsir:
  43. Jinżara’ fil-għajb; iqum fil-glorja; jinżara’ fin-nuqqas ta’ saħħa, iqum fil-qawwa.
  44. Jinżara’ ġisem naturali; iqum ġisem spiritwali. Hemm ġisem naturali, u hemm ġisem spiritwali.
  45. U hekk hu miktub: L-ewwel bniedem Adam sar ruħ ħajja; l-aħħar Adam sar spirtu li jagħti l-ħajja.
  46. Imma l-ispiritwali ma kienx l-ewwel, iżda n-naturali; imbagħad l-ispiritwali.
  47. L-ewwel bniedem kien mit-trab tal-art: it-tieni bniedem mis-sema.
  48. Bħalma hu l-bniedem tal-art, hekk huma l-bnedmin tal-art; u bħalma hu l-bniedem tas-sema, hekk huma l-bnedmin tas-sema.
  49. U bħalma aħna għandna x-xbieha tal-bniedem tal-art, hekk ukoll ikollna x-xbieha tal-bniedem tas-sema.
  50. Dan ngħidilkom, ħuti; id-demm u l-laħam ma jistgħux jirtu s-saltna ta’ Alla; lanqas in-nuqqas ta’ taħsir.
  51. Ara, sa ngħidilkom misterju: Aħna mhux ilkoll norqdu, imma lkoll nitbiddlu.
  52. F’waqt wieħed, f’teptipa ta’ għajn, mad-daqq tal-aħħar tromba: għax iddoqq it-tromba, u l-mejtin iqumu bla taħsir, u aħna nitbiddlu.
  53. Għax jaħtieġ li dan li jitħassar għandu jilbes in-nuqqas ta’ taħsir u dan il-mortali għandu jilbes l-immortalità.
  54. Għalhekk, meta dan li jitħassar, jilbes in-nuqqas ta’ taħsir, u dan il-mortali jilbes l-immortalità, imbagħad isseħħ il-kelma li nkitbet: Il-mewt inbelgħet fir-rebħa.
  55. Ja mewt, fejn hi n-niggieża tiegħek? Ja qabar, fejn hi r-rebħa tiegħek?
  56. In-niggieża tal-mewt hu d-dnub; u l-qawwa tad-dnub hi l-liġi;
  57. Imma niżżu ħajr lil Alla, li tana l-vittorja permezz tal-Mulej tagħna Ġesù Kristu.
  58. Għalhekk, ħuti maħbubin, żommu sħiħ, fix-xogħol tal-Mulej, billi tafu li t-taħbit tagħkom ma jkunx ta’ xejn fil-Mulej.

1 Korintin 16

  1. Issa fuq il-ġbir għall-qaddisin, agħmlu intom ukoll kif ordnajt jien lill-kongregazzjonijiet ta’ Galatja.
  2. Kull l-ewwel jum tal-ġimgħa, kull wieħed minnkom ħa jwarrab xi ħaġa skont kemm jista’, biex mhux meta niġi jsir il-ġbir.
  3. U meta niġi, lil dawk li intom tagħżlu bl-ittri tagħkom, nibgħathom biex iġibu l-għotja tagħkom Ġerusalemm.
  4. U jekk ikun hemm bżonn li mmur jien ukoll, imorru miegħi.
  5. Issa jien niġi għandkom meta nkun għaddej mill-Maċedonja: għax jien bi ħsiebni ngħaddi mill-Maċedonja.
  6. U jista’ jkun li noqgħod hemm, iva, u ngħaddi x-xitwa magħkom, biex twassluni fil-vjaġġ tiegħi kull fejn inkun sejjer.
  7. Għax ma rridx narakom issa jien u għaddej; iżda nittama li nibqa’ xi żmien magħkom, jekk il-Mulej irid.
  8. Imma nibqa’ Efesu sal-Pentekoste.
  9. Hemm bieb kbir miftuħ għalija, fejn nista’ naħdem sewwa, għad li hemm ħafna kontra tiegħi.
  10. Issa jekk jiġi Timotju, qisu li jkun magħkom bla biża’: għax hu jaħdem xogħol il-Mulej, bħal ma nagħmel jien ukoll.
  11. Ara li ma jonqsu ħadd: iżda wassluh bis-sliem, biex jiġi għandi: għax nistennieh ma’ l-aħwa.
  12. Fuq Apollo ħuna, ħeġġiġtu ħafna biex jiġi għandkom ma’ l-aħwa: iżda ma kinetx għalkollox ir-rieda tiegħu li jiġi issa; iżda jiġi meta jkun jista’.
  13. Ishru, żommu sħiħ fil-fidi, kunu rġiel, kunu qawwijin.
  14. Dak kollu li tagħmlu ħa jkun magħmul fl-imħabba.
  15. Nitlobkom, bil-ħniena, ħuti, intom tafu l-familja ta’ Stefana, li hi l-ewwel frott fl-Akaja, u li taw ruħhom għall-ministeru tal-qaddisin,
  16. Li tissottomettu ruħkom għal nies bħal dawn, u għal kull min jitħabat u jaħdem.
  17. U jien nifraħ biż-żjara ta’ Stefana, ta’ Fortunatus, u ta’ Akajkus; għax dak li kien nieqes fikom għamluh huma.
  18. Għax serrħuli l-ispirtu tiegħi u tagħkom: għalhekk għożżuhom sewwa nies bħal dawn.
  19. Isellu għalikom il-knejjes tal-Asja. Isellu għalikom ħafna fil-Mulej, Akwila u Priska, mal-knisja li tiltaqa’ f’darhom.
  20. L-aħwa kollha jsellmulkom. Sellu għal xulxin b’bewsa qaddisa.
  21. It-tislija b’idi stess, Pawlu.
  22. Jekk xi ħadd ma jħobbx il-Mulej, ħa jkun misħut. Mulej tagħna, ejja.
  23. Il-grazzja tal-Mulej Ġesù Kristu magħkom.
  24. L-imħabba tiegħi tkun magħkom ilkoll fi Kristu Ġesù. Amen.