L-Evanġelju Skont Mattew
L-EVANĠELJU SKONT MATTEW
Dwar Dan il-Ktieb
L-enfasi speċjali ta’ Mattew hija li Ġesù hu l-Messija mbassar mill-Profeti tat-Testment il-Qadim. Hu jikkowta ripetutament mit-Testment il-Qadim. Jidher li hu kellu f’moħħu qarrejja Lhud partikularment. Mattew ried biex jipprovdi għan-nies taż-żmien tiegħu rakkont tal-messaġġ u l-ministeru ta’ Ġesù. Huwa ċar li l-Iskrittura tat-Testment il-Qadim kienet importanti ħafna għal dawn in-nies. U Mattew qatt ma jonqos milli jurihom meta dawn it-testi juru għall-miġja ta’ Ġesù bħala l-Messija mibgħut minn Alla.
L-Evanġelju ta’ Mattew hu maħsub li nkiteb xi mkien bejn is-sena 55 W.K. u 60 W.K. Mattew kiteb dan il-ktieb biex jiżgura li l-Kristjani jkunu jafu li l-fidi tagħhom f’Ġesù bħala l-Messija kienet ankrata tajjeb fl-Iskrittura tat-Testment il-Qadim, u biex igħinhomn jikbru fil-fidi. Użu ta’ spiss tat-terminu “Saltna tas-Smewwiet” juri għaliex l-Evanġelju huwa msejjaħ l-Evanġelju tas-Saltna.
Mattew jispiċċa l-istorja tiegħu bil-kliem ta’ Ġesù lid-dixxipli Tiegħu, li jgħid x’għandhom huma jagħmlu wara li Hu jħallihom:
“Lili ngħatat l-awtorità kollha fis-sema u fl-art. 19Morru mela, u agħmlu dixxipli mill-ġnus kollha, u għammduhom fl-Isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu Qaddis. 20U għallmuhom iħarsu l-ħwejjeġ kollha li ordnajtilkom: u, ara, jien dejjem magħkom, sa tmiem iż-żmien. Amen.” (Mattew 28:18-20).
Ħarsa Ħafifa Lejn Dan il-Ktieb
• L-Antenati u t-Twelid ta’ Ġesù (1:1—2:23)• Il-Messaġġ ta’ Ġwanni l-Battista (3:1-12)
• Il-Magħmudija u t-Tentazzjoni ta’ Ġesù (3:13—4:11)
• Ġesù fil-Galilija (4:12—18:35)
• Ġesù Jitlaq mill-Galilja għal Ġerusalemm (19:1—20:34)
• L-Aħħar Ġimgħa ta’ Ġesù: It-Tiġrib u l-Mewt Tiegħu (21:1—27:66)
• Ġesù Hu Ħaj (28:1-15)
• Ġesù Jagħti l-Kummissjoni l-Kbira Tiegħu lill-Appostli (28:16-20)
Mattew 1
- Il-ktieb tal-ġenealoġija ta’ Ġesù Kristu, bin David, bin Abraham.
- Abraham nissel lil Iżakk; Iżakk nissel lil Ġakobb; Ġakobb nissel lil Ġuda u lil ħutu.
- Ġuda nissel lil Fares u lil Żaraħ minn Tamar; Fares nissel lil Ħesron; Ħesron nissel lil Aram;
- Aram nissel lil Għamminadab; Għamminadab nissel lil Naħson; Naħson nissel lil Salmon.
- Salmon nissel lil Bogħaż minn Raħab; Bogħaż nissel lil Għobed minn Rut; Għobed nissel lil Ġessi;
- Ġessi nissel lil David is-sultan; David nissel lil Salamun minn (mart) Urija;
- Salamun nissel li Robogħam; Robogħam nissel lil Abija; Abija nissel lil Asa;
- Asa nissel lil Ġosafat; Ġosafat nissel lil Ġoram; Ġoram nissel lil Għuzzija;
- Għuzzija nissel lil Ġotam; Ġotam nissel lil Aħaż; Aħaż nissel lil Ħeżekija;
- Ħeżekija nissel lil Manasse; Manasse nissel lil Amon; Amon nissel lil Ġożija;
- Ġożija nissel lil Ġekonija lil ħutu, fiż-żmien li ttieħdu f’Babel:
- U wara li ttieħdu f’Babel, Ġekonija nissel lil Saltijel, Saltijel nissel lil Żorobabel;
- Żorobabel nissel lil Abiħud; Abiħud nissel lil Eljakim; Eljakim nissel lil Għażor;
- Għażor nissel lil Sadok; Sadok nissel lil Akim; Akim nissel lil Eljud;
- Eljud nissel lil Elgħażar; Elagħżar nissel lil Mattan; Mattan nissel lil Ġakobb;
- Ġakobb nissel lil Ġużeppi, ir-raġel ta’ Marija, li minnha twieled Ġesù, li jgħidulu Kristu.
- Mela l-ġenerazzjonijiet kollha minn Abraham sa David huma erbatax-il ġenerazzjoni; u minn David sa meta ttieħdu f’Babel erbatax-il ġenerazzjoni; u minn meta ttieħdu Babel sa Kristu erbatax-il ġenerazzjoni.
- Issa t-twelid ta’ Ġesù Kristu kien hekk: meta ommu Marija tgħarrset lil Ġużeppi, qabel ma marru flimkien instabet tqila mill-Ispirtu Qaddis.
- Imbagħad Ġużeppi żewġha, billi kien raġel sewwa, u ma riedx ixandarha, kien tal-fehma li jkeċċiha bil-moħbi.
- Iżda hu u jaħseb fuq dan, ara, l-anġlu tal-Mulej deherlu f’ħolma jgħid: Ġużeppi, bin David, la tibżax tieħu ’l Marija b’martek; għax dak li hu mnissel fiha hu mill-Ispirtu Qaddis.
- U hi tiled iben; u int issemmih ĠESÙ; għax hu jsalva l-poplu tiegħu minn dnubiethom.
- Issa dan kollu ġara, biex iseħħ dak li ngħad mill-Mulej bil-profeta, li jgħid:
- Ara, xebba titqal, u tiled iben, u jsemmuh Emmanuwèl, li jfisser: Alla magħna.
- Imbagħad wara li Ġużeppi qam mill-irqad tiegħu għamel bħal ma qallu l-anġlu tal-Mulej, u ħa miegħu lil martu.
- U baqa’ ma għarafhiex sa ma hi kellha l-ewwel iben, u semmieh Ġesù.
Mattew 2
- Issa meta Ġesù twieled f’Betlehem tal-Lhudija fil-jiem tas-Sultan Erodi, ara, maġi mil-lvant ġew Ġerusalemm,
- Igħidu: Fejn hu dak li twieled Sultan tal-Lhud? Għax aħna rajna l-kewkba tiegħu fil-lvant, u ġejna biex nagħtuh qima.
- Malli s-Sultan Erodi sama’ dan, tħawwad; u miegħu Ġerusalemm kollha.
- U wara li laqqa’ flimkien il-qassisin il-kbar kollha u l-iskribi tal-poplu, staqsiehom fejn kellu jitwieled Kristu.
- U huma qalulu: f’Betlehem tal-Lhudija: għax hekk inkiteb mill-profeta:
- U int Betlehem, art ta’ Ġuda, mintix l-iżgħar fost l-ibliet ewlenin ta’ Ġuda: għax minnek joħroġ Mexxej, li jmexxi l-poplu tiegħi ta’ Iżrael.
- Imbagħad Erodi, wara li sejjaħ bil-moħbi lill-maġi, tkixxef bir-reqqa minnhom iż-żmien meta dehret il-kewkba.
- U bagħathom Betlehem, u qal: Morru fittxu tajjeb it-tarbija; u meta ssibuh, erġgħu għiduli, biex nigi u nagħtih qima wkoll.
- Malli semgħu s-sultan, telqu; u, ara, il-kewkba, li raw fil-lvant, marret qabilhom, sakemm ġiet u qagħdet fuq fejn kien hemm it-tarbija.
- U ferħu ferħ kbir wisq, meta raw il-kewkba.
- U meta daħlu d-dar, raw lit-tifel m’ommu Marija; u nxteħtu fl-art, u tawh qima: imbagħad fetħu t-teżori tagħhom, u tawh għotjiet; deheb, lubien, u mirra.
- U billi kienu mwissijin f’ħolma li m’għandhomx imorru lura għand Erodi, telqu lejn arthom minn triq oħra.
- U meta telqu, ara, l-anġlu tal-Mulej deher lil Ġużeppi f’ħolma, igħid: Qum, u ħu t-tarbija u ’l ommu, u aħrab għall-Eġittu, u oqgħod hemm sa ma ngħidlek: għax Erodi jfittex it-tarbija biex jeqirdu.
- Xħin qam, ħa bil-lejl it-tarbija u lil ommu, u telaq lejn l-Eġittu.
- U baqa’ hemm sal-mewt ta’ Erodi: biex iseħħ dak li ntqal mill-Mulej bil-profeta, li jgħid: Mill-Eġittu sejjaħt lil ibni,
- Imbagħad Erodi, meta ra li l-maġi daħku bih, saħan bis-sħiħ, u bagħat joqtol lis-subien kollha minn sentejn l-isfel, li kienu f’Betlehem, u fl-inħawi tagħha kollha, skont iż-żmien li b’għaqal sar jaf mill-maġi.
- Imbagħad seħħ dak li ntqal minn Ġeremija l-profeta, li jgħid:
- Instama’ leħen f’Rama, tinwiħ, u biki, u lfiq kbir; Rakel tibki lil uliedha, u tistabar ma tridx, għax m’għandhomx iżjed.
- Iżda meta miet Erodi, ara, anġlu tal-Mulej deher f’ħolma ’l Ġużeppi fl-Eġittu,
- Igħid: Qum, u ħu t-tarbija u ’l ommu, u mur fl-art ta’ Iżrael: għax dawk li riedu l-ħajja tat-tarbija mietu.
- U qam, u ħa t-tifel u lil ommu, u ġie fl-art ta’ Iżrael.
- Imma meta sama’ li Arkilaws kien isaltan fil-Lhudija, minflok missieru Erodi, baża’ jmur hemm; u billi kien imwissi minn Alla f’ħolma twarrab fl-inħawi tal-Galilija:
- U ġie u għammar f’belt jisimha Nażaret: biex iseħħ dak li ntqal mill-profeti: Jissejjaħ Nażarenu.
Mattew 3
- F’dawk il-jiem deher Ġwanni l-Battista jippriedka fix-xagħri tal-Lhudija,
- U jgħid: ‘Indmu, għax is-saltna tas-smewwiet qorbot.
- Għax dan hu dak li fuqu tkellem il-profeta Isaija, li jgħid: Il-leħen ta’ wieħed igħajjat fix-xagħri: Hejju t-triq tal-Mulej, wittu l-mogħdijiet tiegħu.
- Issa Ġwanni kellu libstu tax-xagħar tal-ġemel, u ħżiem tal-ġild madwar ġenbejh; u l-ikel tiegħu kien ġradijiet u għasel selvaġġ.
- Imbagħad Ġerusalemm u l-Lhudija kollha, u l-art kollha ta’ madwar il-Ġordan, marru għandu.
- U tgħammdu minnu fix-xmara Ġordan, huma u jistqarru dnubiethom.
- Iżda meta ra ħafna mill-Fariżej u mis-Saduqqin ġejjin għall-magħmudija tiegħu, qalilhom: Ja nisel il-lifgħat, min wissiekom biex taħarbu mill-għadab li ġej?
- Agħmlu frott li jistħoqq lill-indiema:
- U taħsbux biex tgħidu fikom infuskom: Bħala missierna għandna ’l Abraham; għax ngħidilkom, li Alla jista’ minn dal-ġebel iqajjem ulied ’l Abraham.
- U issa wkoll il-mannara qiegħda ma’ għerq is-siġar; għalhekk kull siġra li ma tagħmilx frott tajjeb tinqata’, u tinxteħet fin-nar.
- Jien tassew ngħammidkom bl-ilma għall-indiema: iżda dak li jiġi warajja hu aqwa minni, u jien ma jistħoqqlix narfa’ l-qorq tiegħu: hu jgħammidkom bl-Ispirtu Qaddis, u bin-nar:
- Il-midra tiegħu qiegħda f’idu, u jnaddaf sewwa l-qiegħa tiegħu; u jiġbor il-qamħ tiegħu fil-maħżen; iżda b’nar li ma jintefiex jaħraq it-tiben.
- Imbagħad ġie Ġesù mill-Galilija għall-Ġordan għand Ġwanni, biex jitgħammed minnu.
- Iżda Ġwanni ma ħalliehx, billi qal: Imissni nitgħammed minnek jien; u tiġi għandi int?
- U wieġeb Ġesù, qallu: Ħa jkun hekk issa: għax hekk xieraq għalina, biex inwettqu kull ħaqq. Imbagħad ħallieh.
- U malli tgħammed, Ġesù minnufih tala’ mill-ilma: u, ara, is-smewwiet infetħu, u ra l-Ispirtu t’Alla nieżel bħal ħamiema, u ġej fuqu:
- U, ara, leħen mis-smewwiet igħid: Dan hu Ibni l-maħbub, li bih nitgħaxxaq.
Mattew 4
- Imbagħad Ġesù ttieħed mill-Ispirtu fix-xagħri biex jiġġarrab mix-Xitan.
- U wara li sam erbgħin jum u erbgħin lejl, ħadu l-ġuħ,
- U x’ħin it-tentatur ġie lejh, qal: Jekk int Bin Alla, ordna li dawn il-ġebel isiru ħobż.
- Iżda hu wieġeb u qal: Hu miktub: Il-bniedem ma jgħix biss bil-ħobż, iżda b’kull kelma li toħroġ minn fomm Alla.
- Imbagħad ix-Xitan ħadu fil-belt imqaddsa, u qiegħdu fuq il-quċċata tat-tempju.
- U qallu: Jekk int bin Alla, inxteħet għal isfel; għax hu miktub: Hu jqabbad l-anġli tiegħu jieħdu ħsiebek: u f’idejhom iżommuk ’il fuq, li ma taħbatx sieqek ma’ xi ġebla.
- Qallu Ġesù: Għal darb’oħra, hu miktub: La ġġarrabx lill-Mulej Alla tiegħek.
- Raġa’ x-Xitan ħadu fuq muntanja għolja wisq, u wrieh is-saltniet kollha tad-dinja, u l-glorja tagħhom;
- U qallu: Dawn il-ħwejjeġ kollha nagħtihomlok, jekk tinxteħet fl-art u tagħtini qima.
- Qallu mbagħad Ġesù: Itlaq, Satana; għax hemm miktub, ‘Lill-Mulej, Alla tiegħek, għandek tqim, u lilu biss taqdi.’
- Imbagħad ix-Xitan ħallieh; u, ara, anġli ġew u daru bih.
- Issa meta Ġesù sama’ li Ġwanni ntafa’ il-ħabs, telaq lejn il-Galilija;
- U wara li ħalla ’l Nażaret, ġie u għammar f’Kafarnahum, li qiegħed ħdejn il-baħar, fit-truf ta’ Żabulun u Naftali:
- Biex iseħħ dak li ntqal mill-profeta Isaija, li jgħid:
- L-art ta’ Żabulun, u l-art ta’ Naftali, fit-triq tal-baħar, ’il hemm mill-Ġordan, il-Galilija tal-Ġentili,
- Il-poplu li kien fid-dlamijiet ra dawl kbir; u lil dawk li kienu qegħdin fl-art u d-dell tal-mewt telgħalhom id-dawl.
- Minn dak iż-żmien beda Ġesù jxandar, u jgħid: Indmu: għax is-saltna tas-smewwiet qorbot.
- U hu u miexi ma’ xatt il-baħar tal-Galilija, Ġesù ra żewġt aħwa, Xmun igħidulu Pietru, u Indri ħuh, iniżżlu xibka fil-baħar: għax kienu sajjieda.
- U qalilhom: Ejjew warajja, u nagħmilkom sajjieda tal-bnedmin.
- U huma mill-ewwel ħallew ix-xbieki tagħhom, u marru warajh.
- U wara li telaq minn hemm, ra żewġt aħwa oħra, Ġakbu bin Żebedew, u ħuh Ġwanni, f’dgħajsa ma’ Żebedew missierhom, isewwu x-xbieki tagħhom; u sejħilhom.
- U mill-ewwel ħallew id-dgħajsa u lil missierhom, u marru warajh.
- Fil-Galilija kollha mar idur Ġesù, igħallem fis-sinagogi tagħhom ixandar l-evanġelju tas-saltna.
- U xterdet il-fama tiegħu mas-Sirja kollha; u ġibulu lil dawk kollha li kienu morda li kellhom kull xorta ta’ mard u ta’ uġiegħ; u dawk li kellhom fihom id-demonju, u dawk li jagħtihom tal-qamar, u dawk li kienu paralitiċi; u fejjaqhom.
- U ġmiegħi kbar ta’ nies marru warajh mill-Galilija,u minn Dekapoli, u minn Ġerusalemm, u mil-Lhudija, u min-naħa l-oħra tal-Ġordan.
Mattew 5
- U wara li ra l-folol, tala’ fuq muntanja: u xħin qagħad bilqiegħda, id-dixxipli tiegħu resqu lejh:
- U fetaħ fommu, u għallimhom, hu u jgħidilhom:
- Imberkin il-foqra fl-ispirtu: għax tagħhom hi s-saltna tas-smewwiet.
- Imberkin l-imnikktin: għax għad jitfarrġu.
- Imberkin il-ġwejdin: għax għad jirtu l-art.
- Imberkin dawk li għandhom il-ġuħ u l-għatx għall-ġustizzja: għax għad ikunu mxebbgħin.
- Imberkin dawk li jħennu: għax għad isibu l-ħniena.
- Imberkin dawk ta’ qalb safja: għax għad jaraw ’l Alla.
- Imberkin dawk li jġibu l-paċi; għax għad jissejħu wlied Alla.
- Imberkin dawk li huma ippersegwitati minħabba l-ħaqq: għax tagħhom hija s-saltna tas-smewwiet.
- Imberkin intom, meta l-bnedmin igħajrukom, u jippersegwitawkom, u jgħidu minn kull deni fuqkom bil-gideb, min-ħabba fija.
- Ifirħu, u thennew wisq; għax kbir hu ħlaskom fis-smewwiet: għax hekk ippersegwitaw lill-profeti li kienu qabilkom.
- Intom il-melħ tal-art: iżda jekk il-melħ jitlef imluħitu, biex jitmellaħ? għalxejn iżjed ma jiswa, ħlief biex jintrema barra, u jintrifes mill-bnedmin.
- Intom id-dawl tad-dinja. Belt li qiegħda fuq għolja ma tistax tinħeba.
- Lanqas jixegħlu l-musbieħ il-bnedmin u jqegħduh taħt il-mod, iżda fuq l-imnara, u hu jdawwal lil dawk kollha li huma fid-dar.
- Ħa jiddi hekk id-dawl tagħkom quddiem il-bnedmin, biex jaraw l-opri tajba tagħkom, u jigglorifikaw lil Missierkom li qiegħed fis-smewwiet.
- La taħsbux li ġejt biex neqred il-liġi, jew il-Profeti; jien ma ġejtx biex neqred, iżda biex inwettaq.
- Għax tassew ngħidilkom: Sakemm igħaddu s-sema u l-art, jota waħda jew nitfa waħda ma titneħħiex mil-liġi sa ma kollox iseħħ.
- Kull min għalhekk jikser wieħed minn dawn l-iċken kmandamenti, u jgħallem lill-bnedmin hekk, jissejjaħ l-iżgħar fis-saltna tas-smewwiet; iżda kull min iħarsihom u jgħallim-hom, jissejjaħ kbir fis-saltna tas-smewwiet.
- Għax ngħidilkom: Jekk il-ġustizzja tagħkom ma tkunx akbar mill-ħaqq tal-iskribi u tal-Fariżej, ma tidħlu b’xejn fis-saltna tas-smewwiet.
- Smajtu dak li ntqal min-nies ta’ dari: La toqtolx; u kull min joqtol ikun ħaqqu l-kundanna:
- Iżda jien ngħidilkom: Li kull min jagħdab għal ħuh mingħajr raġuni jkun ħaqqu l-kundanna; u kull min igħid lil ħuh: Raka, ikun ħaqqu l-kundanna tal-kunsill: iżda kull min igħid: Ja iblah, ikun ħaqqu l-infern tan-nar.
- Għalhekk jekk iġġib fuq l-artal il-għotja tiegħek, u hemm tiftakar li ħuk għandu xi ħaġa kontra tiegħek;
- Ħalli hemm l-għotja tiegħek quddiem l-artal, u mur l-ewwel irranġa ma’ ħuk, imbagħad ejja, u offri l-għotja tiegħek.
- Ftiehem malajr mal-għadu tiegħek, int u għadek miegħu fit-triq; li ma jmurx il-għadu jagħtik f’idejn l-imħallef, u l-imħallef jagħtik f’idejn il-għassies, u tinxteħet fil-ħabs.
- Tassew ngħidlek: Int b’xejn ma toħroġ minn hemm, sa ma tħallas sa l-aħħar ħabba.
- Smajtu dak li ntqal min-nies ta’ dari: La tagħmilx adulterju:
- Imma jien ngħidilkom: Li kull min iħares lejn mara biex jiżni magħha, ikun ġa f’qalbu għamel adulterju magħha.
- U jekk għajnek il-leminija tfixklek, aqlagħha, u armiha l-bogħod minnek: għax jaqbillek li tispiċċa biċċa waħda minnek, u mhux li ġismek kollu jintrema fl-infern.
- U jekk idek il-leminija tfixklek, aqtagħha, u ixħetha l-bogħod minnek: għax jaqbillek li tispiċċa biċċa waħda minnek, mhux ġismek kollu jinxteħet fl-infern.
- Intqal: Kull min ikeċċi lil martu, ħa jagħtiha l-kitba tad-divorzju.
- Iżda jien ngħidilkom: Li kull min ikeċċi lil martu, ħlief minħabba l-fornikazzjoni, iġagħalha tikkommetti adulterju: u kull min jiżżewweġ lil dik imkeċċija jikkommetti adulterju.
- Tarġa’ smajtu dak li ntqal min-nies ta’ dari: La tiksirx il-ħalfa, iżda rodd lill-Mulej il-ħalf tiegħek:
- Imma jien ngħidilkom: Taħilfu xejn; la bis-sema; għax hu t-tron ta’ Alla:
- La bl-art; għax hi l-mirfes ta’ riġlejh; la b’Ġerusalemm; għax hi l-belt tas-Sultan il-kbir.
- Lanqas taħlef b’rasek, għax int ma tistax tagħmel xagħra waħda bajda jew sewda.
- Iżda ħa jkun kliemkom: Iva, iva; Le, le: għax dak kollu li hu iżjed minn dan jiġi mill-Ħażin.
- Smajtu li ntqal: Għajn b’għajn u sinna b’sinna:
- Imma jien ngħidilkom: La tiqfux lill-ħażen: iżda lil kull min jagħtik daqqa ta’ ħarta fuq ħaddek tal-lemin, dawwarlu l-ieħor ukoll.
- U jekk xi bniedem imur il-qorti miegħek, u jeħodlok libstek, ħallih jieħu l-mantar tiegħek ukoll.
- U kull min iġagħlek tmur mil, mur miegħu tnejn.
- Agħti lil min jitolbok, u min irid jissellef minn għandek la titwarrabx minnu.
- Smajtu li ntqal: Ħobb lil għajrek, u obgħod lill-għadu tiegħek.
- Imma jien ngħidilkom: Ħobbu lil l-għedewwa tagħkom, u itolbu għal dawk li jippersegwitawkom,
- Biex tkunu wlied Missierkom li hu fis-smewwiet; għax hu jtella’ x-xemx tiegħu sew fuq il-ħżiena u sew fuq it-tajbin, u jniżżel ix-xita sew fuq min hu tajjeb u sew fuq min mhuwiex.
- Għax jekk intom tħobbu lil min iħobbkom, xi ħlas jistħoqqilkom? Mhux il-pubblikani wkoll jagħmlu dan?
- U jekk issellmu lil ħutkom biss, xi tkunu tagħmlu żejjed? Mhux il-Ġentili wkoll jagħmluh dan?
- 48 Kunu mela perfetti, bħalma hu perfett Missierkom li hu fis-smewwiet.
Mattew 6
- Araw li ma tagħmlux il-karità tagħkom quddiem il-bnedmin, biex jarawkom: inkella ma jkollkomx ħlas minn Missierkom li hu fis-smewwiet.
- Għalhekk meta tagħmel il-karità tiegħek, iddoqqx it-tromba quddiemek, kif jagħmlu l-ipokriti fis-sinagogi u fit-toroq, biex ikunu mfaħħrin mill-bnedmin.
- Iżda meta tagħmel karità, tħallix idek ix-xellugija tkun taf x’għamlet il-leminija;
- Biex il-karità tiegħek tkun fil-moħbi; u Missierek li jara fil-moħbi jroddlok fil-beraħ.
- U meta titolbu, tkunux bħal dawk ta’ wiċċ b’ieħor, għax dawn iħobbu joqogħdu jitolbu fis-sinagogi u f’salib it-toroq, biex jidhru quddiem in-nies. Tassew, ngħidilkom, li l-ħlas tagħhom ġa ħaduh.
- Iżda int, meta titlob, idħol fil-kmajra tiegħek, u meta tkun għalaqt biebek, itlob lil Missierek li hu fil-moħbi; u Missierek li jara fil-moħbi jroddlok.
- Iżda meta titlob, tużax kliem ripetut, bħal ma jagħmlu l-pagani: għax huma jaħsbu li jinstemgħu minħabba l-ħafna kliem tagħhom.
- Tkunux bħalhom: għax Missierkom jaf x’jinħtiġilkom, qabel ma titolbuh.
- Hekk mela itolbu: Missierna, li inti fis-smewwiet, jitqaddes ismek,
- Tiġi saltnatek, ir-rieda tiegħek tkun magħmula, kif fis-sema, hekkda fl-art.
- Ħobżna ta’ kuljum agħtina llum.
- U aħfrilna d-djun tagħna, bħal ma naħfru aħna lill-midjunin tagħna.
- U la ddaħħalniex fit-tiġrib, iżda eħlisna mill-ħażen:
- Għax jekk taħfru lill-bnedmin ħtijiethom, jaħfrilkom ukoll Missierkom li hu fis-smewwiet.
- Iżda jekk ma taħfrux lill-bnedmin ħtijiethom, lanqas Missierkom ma jaħfrilkom ħtijietkom.
- U meta ssumu, tkunux bħall-ipokriti, b’wiċċ imqarras: għax huma jqarrsu wiċċhom, biex jidhru lill-bnedmin li huma sajmin. Tassew ngħdilkom: Għandhom ħlashom.
- Iżda int, meta ssum, idlek rasek, u aħsel wiċċek;
- Biex ma tidhirx lill-bnedmin li int sajjem, iżda lil Missierek lihu fil-moħbi: u Missierek, li jara fil-moħbi, iħallsek fil-beraħ.
- La taħżnux teżori fl-art għalikom, fejn il-kamla u s-sadid iħassru, fejn il-ħallelin jiftħu u jisirqu:
- Iżda aħżnu għalikom teżori fis-sema, fejn la l-kamla u la s-sadid ma jħassru, u fejn il-ħallelin la jiftħu u lanqas jisirqu.
- Għax fejn hu t-teżor tiegħek, hemm qalbek tkun ukoll.
- Il-lampa tal-ġisem hija l-għajn: jekk mela għajnek tkun safja, ġismek kollu jkun mimli bid-dawl.
- Iżda jekk għajnek hi ħażina, ġismek kollu jkun mimli bid-dlam. Jekk mela d-dawl li hemm fik hu dlam, kemm hu kbir dak id-dlam!
- Ħadd ma jista’ jaqdi żewġ sidien: għax jew jobgħod lil wieħed, u jħobb lill-ieħor; jew iżomm ma’ wieħed, u jżeblaħ lill-ieħor. Ma tistgħux taqdu ’l Alla u lil mammona.
- Għalhekk ngħidilkom: ‘La toqogħdux titħassbu għal ħajjitkom, x’sejrin tieklu, jew x’sejrin tixorbu; lanqas għal ġisimkom, x’sejrin tilbsu. Il-ħajja mhix aktar mill-ikel, u l-ġisem aktar mill-ilbies?
- Ħarsu lejn it-tjur tal-ajru, huma la jiżirgħu, la jaħsdu, u la jaħżnu fl-imħażen; madankollu Missierkom tas-smewwiet jitmagħhom. Ma tiswewx aktar minnhom?
- U min minnkom billi jitħasseb, jista’ jżid ma’ tulu kubitu wieħed?
- U għalfejn titħassbu fuq l-ilbies? ħarsu lejn il-ġilji tar-raba’, kif jikbru; huma la jaħdmu, u la jagħżlu:
- U jien ngħidilkom: Li lanqas Salamun fil-glorja kollha tiegħu ma kien liebes bħal wieħed minn dawn.
- Iżda jekk Alla hekk ilibbes il-ħaxix tar-raba’, li llum hu, u għada jinxteħet fil-forn, kemm aktar ilibbes lilkom, ja intom ta’ fidi żgħira?
- Għalhekk la toqogħdux titħassbu, billi tgħidu: X’sa nieklu? Jew, X’sa nixorbu: jew, X’sa nilbsu?
- Għax dawn il-ħwejjeġ kollha jfittxu l-Ġentili: għax Missierkom tas-smewwiet jaf li intom għandkom bżonn dawn il-ħwejjeġ kollha.
- Iżda fittxu l-ewwel is-saltna ta’ Alla, u l-ħaqq tiegħu; u dawn il-ħwejjeġ kollha jiżdidulkom.
- La tkunux mela anzjużi għal għada; għax għada jaħseb għalih innifsu. Biżżejjed għall-jum hu l-għali tiegħu.
Mattew 7
- La tiġġudikawx, biex ma jsirx ġudizzju minnkom.
- Għax bil-ġudizzju li tagħmlu, isir ġudizzju minnkom: u bil-qjies li bih tqisu, jarġa’ jkun meqjus lilkom.
- U għax tara s-sifja li hemm f’għajn ħuk, u ma tarax it-travu li hemm f’għajnek stess?
- Jew kif tgħid lil ħuk: Ħa nneħħilek is-sifja minn għajnek: u, ara, travu qiegħed f’għajnek?
- Int, ipokrita, neħħi l-ewwel it-travu minn għajnek; u mbagħad tara ċar biex taqla’ s-sifja minn għajn ħuk.
- La tagħtux dak li hu qaddis lill-klieb; lanqas titfgħu l-ġawhar tagħkom quddiem il-ħnieżer, li ma jgħaffġuhomx taħt saqajhom, u jerġgħu jduru u jqattgħukom.
- Itolbu, u jingħatalkom; fittxu, u ssibu; ħabbtu u jinfetħilkom.
- Għax kull min jitlob jaqla’; u min ifittex isib; u lil min iħabbat jinfetaħlu.
- Jew min hu minnkom il-bniedem, li jekk ibnu jitolbu ħobża, jagħtih ġebla?
- Jew jekk ħuta, jagħtih serp?
- Jekk intom mela, li intom ħżiena, tafu kif tagħtu għotjiet tajba lil uliedkom, kemm iżjed Missierkom li hu fis-smewwiet jagħti ħwejjeġ tajba lil dawk li jitolbuh?
- Kulma tridu mela li l-bnedmin jagħmlulkom, agħmlu hekk intom lilhom: għax din hi l-liġi u l-profeti.
- Għaddu mill-bieb id-dejjaq. Għax wiesa’ l-bieb u spazjuża t-triq li tieħu għat-telfien, u ħafna huma li jgħaddu minnha.
- Imma kemm huwa dejjaq il-bieb u dejqa t-triq li tieħu għall-ħajja, u ftit huma li jsibuha!
- Iftħu għajnejkom mill-profeti foloz; għax dawn jiġu għandkom libsin ta’ ngħaġ, u minn ġewwa jkunu lpup ħattafa!
- Mill-frott tagħhom tagħrfuhom. Jaqaw jiġbru għeneb mix-xewk jew tin mill-għolliq?
- Hekk ukoll kull siġra tajba tagħmel frott tajjeb; iżda siġra mħassra tagħmel frott ħażin.
- Siġra tajba ma tistax tagħmel frott ħażin, lanqas siġra mħassra ma tista’ tagħmel frott tajjeb.
- Kull siġra li ma tagħmilx frott tajjeb tinqata’, u tinxteħet fin-nar.
- Għalhekk mill-frott tagħhom tagħrfuhom.
- Mhux kull min igħidli: Mulej, Mulej, jidħol fis-saltna tas-smewwiet: imma dak li jagħmel ir-rieda ta’ Missieri li hu fis-smewwiet.
- Ħafna jgħiduli f’dak il-jum: Mulej, Mulej, ma ħabbarniex f’ismek? U f’ismek keċċejna d-demonji? U f’ismek għamilna ħafna għeġubijiet?
- U mbagħad nistqarrilhom: Jiena qatt ma kont nafkom; tbiegħdu minni, intom li tagħmlu l-ħażen.
- Għalhekk kull min jisma’ dal-kliem tiegħi, u jagħmlu, inxebbhu ma’ raġel għaqli, li bena daru fuq blata.
- U niżlet ix-xita, u ġew il-widien, u nefħu l-irjieħ, u ħabtu fuq dik id-dar; u ma waqgħitx: għax kienet mibnija fuq il-blata.
- Imma kull min jisma’ dan kliemi u ma jagħmlix li qiegħed ingħid jien, isir jixbaħ lil bniedem iblah, li bena daru fuq ir-ramel.
- U niżlet ix-xita, u ġew il-widien, u nefħu l-irjieħ, u ħabtu fuq dik id-dar; u waqgħet: u kbira kienet il-waqgħa tagħha.
- U ġara, meta Ġesù spiċċa dal-kliem, illi n-nies stagħġbu bit-tagħlim tiegħu.
- Għax hu kien igħallimhom bħal wieħed li għandu l-awtorità, u mhux bħall-iskribi.
Mattew 8
- Malli niżel mill-muntanja, ġmiegħi kbar ta’ nies marru warajh.
- U, ara, ġie wieħed imġiddem u tah qima, billi qal: Mulej, jekk trid, tista’ tnaddafni.
- U Ġesù medd idu, u missu, hu u jgħid; Irrid, kun imnaddaf. U f’daqqa waħda l-ġdiem tiegħu tnaddaf.
- U qallu Ġesù: Ara li ma tgħid lil ħadd; iżda mur, uri ruħek lill-qassis, u agħti l-għotja li Mosè ordna, b’xhieda lilhom.
- U xħin daħal Ġesù Kafarnahum, resaq fejnu ċenturjun, jitolbu bil-ħniena,
- U jgħid: Mulej, il-qaddej tiegħi jinsab mixħut id-dar marid bil-paralisi, u muġugħ wisq.
- U qallu Ġesù: Niġi u nfejqu.
- Wieġeb iċ-ċenturjun u qal: Mulej, ma jistħoqqlix li tidħol taħt is-saqaf tiegħi; iżda għid biss kelma u l-qaddej tiegħi jfiq.
- Għax jien bniedem li qiegħed taħt setgħa, billi għandi suldati taħti; u lil wieħed ngħidlu: Mur, u jmur; u lil ieħor: Ejja, u jiġi; u lill-qaddej tiegħi: Agħmel din, u jagħmilha.
- U meta sama’ dan, Ġesù stagħġeb; u lil dawk li kienu ġejjin wara qalilhom: Tassew ngħidilkom; ma sibtx fidi hekk kbira, le, lanqas f’Iżrael.
- U ngħidilkom, li ħafna jiġu mil-lvant u mill-punent, u joqogħdu fuq il-mejda ma’ Abraham u ma Iżakk u ma’ Ġakobb fis-saltna tas-smewwiet.
- Imma wlied is-saltna jinxteħtu fid-dlamijiet ta’ barra; hemm ikun hemm biki u tgħażgħiż tas-snien.
- U qal Ġesù liċ-ċenturjun: Mur; u kif emmint, hekk isirlek. U l-qaddej tiegħu fieq dik is-siegħa stess.
- U meta gie Ġesù fid-dar ta’ Pietru, ra lil l-omm il-mara tiegħu mixħuta, u marida bid-deni.
- U messilha idha, u d-deni telaqha: u qamet, u qdiethom.
- Malli sar fil-għaxija, ġibulu ħafna li kellhom id-demonji: u keċċa b’kelmtu l-ispirti, u fejjaq lil dawk kollha li kienu morda:
- Hekk seħħ dak li kien intqal mill-profeta Isaija, meta qal, ‘Hu rafa’ fuqu d-dgħjufijiet tagħna, u tgħabba bil-mard tagħna.
- Issa meta ra Ġesù ġmiegħi kbar ta’ nies madwaru, ordna li jgħaddu għan-naħa l-oħra.
- U resaq wieħed skriba, u qallu: Mgħallem, niġi warajk kull fejn tmur.
- U qallu Ġesù: il-volpijiet għandhom il-ħofor, u t-tjur tal-ajru għandhom il-bejtiet; imma Bin il-bniedem m’għandux fejn imidd rasu.
- Ieħor mid-dixxipli tiegħu qallu: Mulej, ħallini l-ewwel immur u nidfen lil missieri.
- Iżda Ġesù qallu: Ejja warajja; u ħalli l-mejtin jidfnu l-mejtin tagħhom.
- U kif tala’ fuq dgħajsa, id-dixxipli tiegħu marru warajh.
- U, ara, qamet tempesta kbira fil-baħar, hekk li d-dgħajsakienet mgħottija bil-mewġ: imma hu kien rieqed.
- U resqu lejh id-dixxipli, u qajmuh, billi qalu: Mulej, salvana: sa nintilfu.
- U qalilhom: Għaliex intom beżgħanin ja nies ta’ fidi żgħira? Imbagħad qam, u ċafnar l-irjieħ u l-baħar; u sar bnazzi kbir.
- Iżda l-irġiel stagħġbu, igħidu: Xi bniedem hu dan, li sa l-irjieħ u l-baħar jisimgħu minnu!
- U xħin wasal in-naħa l-oħra fl-art tal-Ġerasin, hemm iltaqgħu miegħu tnejn li kellhom fihom id-demonji, ħerġin mill-oqbra, ħorox wisq, hekk li ħadd ma kien jista’ jgħaddi minn dik it-triq.
- U, ara, huma għajtu, igħidu: X’għandna naqsmu miegħek, Ġesù Bin Alla? Ġejt hawn biex taħqarna qabel iż-żmien?
- U kien hemm il-bogħod minnhom merħla ta’ ħafna ħnieżer li kienu jirgħaw.
- Għalhekk id-demonji talbuh, billi qalu: Jekk toħroġna, ħallina mmorru fil-merħla tal-ħnieżer.
- U qalilhom: Morru. U meta ħarġu, daħlu fil-merħla tal-ħnieżer: u, ara, il-merħla kollha tal-ħnieżer intefgħet bil-herra mill-irdum għall-baħar, u mietu fl-ilma.
- U dawk li kienu jirgħawhom ħarbu, u marru l-belt, u qalu kollox, u x’kien ġara minn dawk li kellhom id-demonji fihom.
- U, ara, il-belt kollha ħarġet tiltaqa’ ma’ Ġesù: u malli rawh, talbuh biex iwarrab mill-inħawi tagħhom.
Mattew 9
- U tala’ fuq dgħajsa, u għadda għan-naħa l-oħra, u ġie fil-belt tiegħu.
- U, ara, ġibulu raġel paralitiku, mixħut fuq saqqu: u kif ra Ġesù l-fidi tagħhom qal lill-paralitiku: Ibni, qawwi qalbek; dnubietek maħfura.
- U, ara, x’uħud mill-iskribi qalu fihom infushom: Dal-bniedem qiegħed jidgħi.
- Ġesù billi kien jaf ħsibijiethom qal: Għax taħsbu ħażin f’qalbkom?
- Għax liema hu l-eħfef, tgħid: Dnubietek maħfura; jew tgħid: Qum u imxi?
- Iżda biex tkunu tafu li Bin il-bniedem għandu s-setgħa fl-art li jaħfer id-dnubiet, imbagħad qal lill-paralitiku: Qum, arfa’ s-saqqu tiegħek, u mur f’darek.
- U qam, u telaq lejn daru.
- Iżda meta l-ġemgħa tan-nies rat dan, stagħġbet, u igglorifikat lil Alla, li kien ta setgħa bħal din lill-bnedmin.
- U hu u għaddej minn hemm, Ġesù ra raġel, li kien jismu Mattew, bil-qiegħda quddiem il-bank tat-taxxi: u qallu: Ejja warajja: u dak qam, u mar warajh.
- U ġara, xħin Ġesù kien qiegħed għandu fuq il-mejda, illi bosta pubblikani u midinbin ġew u qagħdu fuq il-mejda miegħu, u mad-dixxiplu tiegħu.
- U malli l-Fariżej raw dan, qalu lid-dixxipli: Għaliex l-Imgħallem tagħkom jiekol mal-pubblikani u mal-midinbin?
- Iżda x’ħin Ġesù sama’ dan, qalilhom: It-tabib ma jaħtiġuhx dawk li huma f’saħħithom, iżda l-morda.
- Mela morru tgħallmu x’jiġifieri dan: Ħniena rrid, u mhux sagrifiċċju: għax ma ġejtx biex insejjaħ lin-nies sewwa, iżda lill-midinbin.
- Imbagħad resqu lejn id-dixxipli ta’ Ġwanni, igħidu: Għaliex aħna u l-Fariżej insumu ta’ sikwit, imma d-dixxipli tiegħek ma jsumux?
- U Ġesù qalilhom: Jistgħu l-mistednin tal-għarus jitnikktu sakemm l-għarus għadu magħhom? Iżda jiġu l-jiem, meta l-għarus jitteħdilhom, u mbagħad isumu.
- Ħadd ma jqiegħed roqgħa ta’ xoqqa ġdida fuq libsa qadima, għax il-biċċa miżjuda biex timlieha tiġbed mil-libsa, u t-tiċrita ssir agħar.
- Lanqas iqiegħdu l-bnedmin inbid ġdid fi ġlud qodma: għax il-ġlud jinqasmu, u l-inbid jixxerred, u l-ġlud jintilfu; iżda jqiegħdu nbid ġdid fi ġlud ġodda, u t-tnejn iżommu.
- Waqt li kien ikellimhom fuq dawn il-ħwejjeġ, ara, ġie wieħed kap tas-sinagoga, u tah qima, hu u jgħid: Binti għadha kemm mietet issa: iżda ejja, u qiegħed idek fuqha, u tgħix.
- U Ġesù qam, u mar warajh, u hekk għamlu d-dixxipli tiegħu.
- U, ara, mara li kienet ilha tbati b’telf ta’ demm tnax-il sena, resqet warajh, u messet tarf il-libsa tiegħu:
- Għax qalet fiha nfisha: Jekk biss immiss libstu, infiq.
- Iżda dar Ġesù, u meta raha, qal: Binti, qawwi qalbek: il-fidi tiegħek fejqitek. U l-mara fieqet dik is-siegħa.
- U meta ġie Ġesù fid-dar tal-kap tas-sinagoga, u ra d-daqqaqa tal-flawt, u n-nies tgeġweġ,
- Qalilhom: Agħmlu l-wisa’: għax it-tifla mhix mejta, iżda rieqda. U daħku bih.
- Iżda meta l-folla nħarġet ’il barra, daħal ġewwa, u ħadha b’idha, u x-xbejba qamet.
- U l-aħbar ta’ dan xterdet ma’ dik l-art kollha.
- U meta Ġesù telaq min hemm, żewġt irġiel għomja marru warajh, jgħajtu, u jgħidu: O Bin David, ikollok ħniena minna.
- U xħin wasal id-dar, l-għomja resqu lejh: u Ġesù qalilhom: Temmnu li jiena nista’ nagħmel dan? Iva, Mulej, qalulu.
- Messilhom imbagħad għajnejhom, hu u jgħid: Bħalma hi l-fidi tagħkom, ikunilkom.
- U għajnejhom infetħu; u wissihom Ġesù bis-sħiħ billi qal: Ara li ħadd ma jkun jaf b’dan.
- Iżda huma, meta ħarġu, xerrdu l-aħbar tiegħu f’dik l-art kollha.
- Huma u ħerġin, ara, ġibulu wieħed mutu li kellu demonju fih.
- U wara li tkeċċa d-demonju, il-mutu tkellem: u l-folol stagħġbu, billi qalu: Qatt ma deher hekk f’Iżrael!
- Imma l-Fariżej qalu: Joħroġ id-demonji bil-ħakkiem tad-demonji.
- U Ġesù kien idur l-ibliet u l-irħula kollha, jgħallem fis-sinagogi tagħhom, u jxandar l-evanġelju tas-saltna, u jfejjaq kull xorta ta’ mard, u kull nuqqas ta’ saħħa fost il-poplu.
- Imma xħin ra l-ġmiegħi tan-nies, imtela bil-ħniena għalihom, għaliex kienu mdejqa, u mferrxa, bħal ngħaġ li m’għandhomx ragħaj.
- Imbagħad qal lid-dixxipli tiegħu: Il-ħsad hu tassew kbir, iżda ftit huma l-ħaddiema;
- Itolbu mela lis-sid tal-ħsad, biex jibgħat ħaddiema fil-ħsad tiegħu.
Mattew 10
- U meta sejjaħ ħdejh lit-tnax-il-dixxiplu tiegħu, tahom is-setgħa kontra l-ispirti mniġġsa, biex ikeċċuhom, u biex ifejqu kull nuqqas ta’ saħħa, u kull mard.
- Issa l-ismijiet tat-tnax-il appostlu huma dawn: l-ewwel, xmun, li jgħidulu Pietru, u ħuh Indri; Ġakbu, bin Żebedew, u ħuh Ġwanni.
- Filippu, u Bartilmew; Tumas, u Mattew il-pubblikan; Ġakbu bin alfew, u Lebbew, li laqmu kien Taddew;
- Xmun il-Kangħani, u Ġuda Iskarjota, li wkoll ittradih.
- Dawn it-tnax bagħat Ġesù, u orndalhom, billi qal: La tmorrux fost il-Ġentili, u tidħlu fl-ebda belt tas-Samaritani:
- Iżda morru pjuttost għan-ngħaġ mitlufa ta’ dar Iżrael.
- Intom u sejrin, xandru, billi tgħidu: Qorbot is-saltna tas-smewwiet.
- Fejqu l-morda, naddfu l-imġiddmin, qajmu l-mejtin, keċċu d-demonji.
- La tiħdux fi ħżiemkom la deheb, u la fidda, u lanqas flus żgħar.
- La ħorġa għall-vjaġġ tagħkom, la żewġt ilbiesi, la qorq, u lanqas bastun: għax il-ħaddiem jistħoqqlu l-ikel tiegħu.
- U f’kull belt jew raħal li tidħlu, fittxu min fiha jixraqlu; u hemm oqogħdu sa ma toħorġu.
- U meta tidħlu f’dar, sellmulha.
- U jekk id-dar jistħoqqilha, ħa jinżel is-sliem tagħkom fuqha; iżda jekk ma jistħoqqilhiex ħa s-sliem tagħkom jarġa’ jiġi għandkom.
- U kull min ma jilqagħkomx, u lanqas jisma’ kliemkom, meta titilqu minn dik id-dar jew belt, farfru t-trab ta’ saqajkom.
- Tassew ngħidilkom: Ikun eħfef għall-art ta’ Sodoma u Gomorra f’jum il-ħaqq, milli għal dik il-belt.
- Ara, jien qiegħed nibgħatkom bħala ngħaġ fost l-ilpup: kunu mela għaqlin bħas-sriep, u innoċenti bħall-ħamiem.
- Iżda ħarsu ruħkom mill-bnedmin: għax jagħtukom f’idejn il-kunsilli, u fis-sinagogi tagħhom isawtukom;
- U quddiem gvernaturi u slaten jeħdukom minħabba fija, b’xhieda għalihom u l-Ġentili.
- Iżda meta jagħtukom f’idejhom, titħassbux kif u x’sejrin tgħidu: għax f’dik is-siegħa jingħatalkom x’għandkom titkellmu.
- Għax mhux intom li titkellmu, iżda l-Ispirtu ta’ Missierkom li jitkellem fikom.
- U wieħed mill-aħwa jagħti lil ħuh għall-mewt, u l-missier lil ibnu: u l-ulied iqumu kontra l-ġenituri tagħhom, u jġibuhom għall-mewt.
- U tkunu mibgħudin mill-bnedmin kollha minħabba f’ismi; iżda dak li jibqa’ sa l-aħħar ikun salvat.
- Iżda meta jippersegwitawkom f’din il-belt, aħarbu fl-oħra: għax tassew ngħidilkom: Intom ma tkunux ilħaqtu għaddejtu l-ibliet ta’ Iżrael, sa ma jiġi Bin il-bniedem.
- Id-dixxiplu mhux fuq l-imgħallem tiegħu; lanqas il-qaddej fuq sidu.
- Hu biżżejjed għad-dixxiplu li jkun bħall-imgħallem tiegħu, u l-qaddej bħal sidu. Jekk sejħu lil sid id-dar Begħelżebul, kemm aktar isejħu lin-nies ta’ daru?
- La tibżgħux minnhom mela: għax m’hemm xejn mgħotti, li ma jinkixifx; u moħbi, li ma jingħarafx.
- Dak li ngħidilkom fid-dlam, għiduh fid-dawl, u dak li tisimgħu fil-widna, xandruh minn fuq il-bjut.
- U la tibżgħux minn dawk li joqtlu l-ġisem, imma ma jistgħux joqtlu r-ruħ: iżda pjuttost ibżgħu minn dak li jista’ jeqred sew ir-ruħ u kemm il-ġisem fl-infern.
- Jaqaw żewġ għasafar tal-bejt ma jinbigħux ħabba? U wieħed minnhom ma jaqax fl-art mingħajr ma jrid Missierkom.
- Imma l-istess xagħar ta’ raskom hu kollu magħdud.
- La tibżgħux mela: intom tiswew aktar minn ħafna għasafar tal-bejt.
- Kull min mela jistqarrni quddiem il-bnedmin, lilu nistqarru wkoll quddiem Missieri li hu fis-smewwiet.
- Iżda kull min jiċħadni quddiem il-bnedmin, lilu niċħad jien ukoll quddiem Missieri li hu fis-smewwiet.
- La taħsbux li ġejt inġib il-paċi fuq l-art: ma ġejtx biex inġib il-paċi, iżda xabla!
- Għax ġejt nifred raġel minn missieru, il-bint minn ommha, u mart iben minn ommu.
- U l-għedewwa ta’ bniedem ikunu n-nies ta’ daru stess.
- Min iħobb lil missieru jew lil ommu aktar minni ma jistħoqqlux ikun tiegħi; u min iħobb lil ibnu jew lil bintu aktar minni ma jistħoqqlux ikun tiegħi.
- U min ma jieħux salibu, u jiġi warajja, ma jistħoqqlux ikun tiegħi.
- Min isib ħajtu jitlifha: u min jitlef ħajtu minħabba fija jsibha.
- Min jilqgħakom jilqa’ lili; u min jilqa’ lili jilqa’ lil min bagħatni.
- Min jilqa’ profeta f’isem ta’ profeta jieħu ħlas ta’ profeta; u min jilqa’ raġel sewwa f’isem ta’ raġel sewwa jieħu ħlas ta’ raġel sewwa.
- U kull min jagħti jixrob lil wieħed minn dawn iż-żgħar imqar tazza ilma frisk, f’isem ta’ dixxiplu, tassew ngħidilkom, ma jitlef b’xejn ħlasu.
Mattew 11
- U ġara, wara li Ġesù spiċċa jagħti dawn it-twissijiet lit-tnax-il dixxiplu tieghu, illi telaq minn hemm biex igħallem u jxandar fl-ibliet tagħhom.
- Issa meta Ġwanni sama’ fil-ħabs bl-opri ta’ Kristu, bagħat tnejn mid-dixxipli tiegħu,
- qalulu: Inti dak li għandu jiġi, jew nistennew ieħor?
- Wieġeb Ġesù, u qalilhom: Morru għidu ’l Ġwanni l-ħwejjeġ li tisimgħu u taraw:
- Il-għomja jaraw, u z-zopop jimxu, l-imġiddmin jindafu, u t-torox jisimgħu, il-mejtin iqumu, u l-evanġelju mxandar lill-foqra.
- U mbierek hu kull min ma jitfixkilx minħabba fija.
- U huma u sejrin, qabad Ġesù jgħid lill-ġmiegħi tan-nies fuq Ġwanni: xi ħriġtu taraw fix-xagħri? Qasba tixxejjer mar-riħ?
- Imma xi ħriġtu taraw? Bniedem liebes ħwejjeġ rotob? Ara, dawk li jilbsu ħwejjeġ rotob qegħdin fi djar is-slaten.
- Imma xi ħriġtu taraw? Profeta? Iva, ngħidilkom, u iżjed minn profeta.
- Għax dan hu dak, li fuqu nkiteb: Ara, jien nibgħat il-messaġġier tiegħi quddiem wiċċek, li jhejjilek triqtek quddiemek.
- Tassew ngħidilkom: fost dawk li huma mweldin min-nisa ma deherx wieħed akbar minn Ġwanni l-Battista: iżda dak li hu l-iżgħar fis-saltna tas-smewwiet hu akbar minnu.
- U mill-jiem ta’ Ġwanni l-Battista s’issa, is-saltna tas-smewwiet hi meħuda bil-forza, u rġiel vjolenti jaħtfuha.
- Għax il-profeti kollha u l-liġi ħabbru sa’ Ġwanni.
- U jekk tridu tilqgħuh, dan hu Elija, li għandu jiġi.
- Min għandu widnejn biex jisma’, ħa jisma’.
- Imma lil din il-ġenerazzjoni lil min inxebbħuha? Tixbaħ lit-tfal bil-qiegħda fis-swieq, u jgħajtu lil sħabhom,
- U jgħidu: Daqqejnielkom il-flawt u ma żfintux; newwaħnielkom, u ma bkejtux.
- Għax Ġwanni ġie u la jiekol u la jixrob, u jgħidu: Għandu demonju.
- Bin il-bniedem ġie jiekol u jixrob, u jgħidu: Ara bniedem wikkiel, u sakranazz, ħabib tal-pubblikani u l-midinbin. Iżda l-għerf hu iġġustikat minn uliedu.
- Imbagħad beda jċanfar l-ibliet, fejn ħafna mill-għemejjel kbar tiegħu kienu saru, għax ma nidmux;
- Għali kbir għalik, Korożajn! Għali kbir għalik, Betsajda! Għax kieku f’Tir u Sidon saru l-opri kbar li saru fikom, kienu ilhom li nidmu, lebsin l-ixkejjer u mixħutin fuq l-irmied.
- Iżda jien ngħidilkom: Ikun eħfef għal Tir u Sidon f’jum il-ħaqq, milli għalikom.
- U int, Kafarnahum, li int imgħollija sas-sema, titniżżel sa f’Ħades! Għax kieku l-opri kbar li saru fik saru f’Sodoma, kieku baqgħet sal-lum.
- Iżda jien ngħidilkom li jkun eħfef għall-art ta’ Sodoma f’jum il-ħaqq, milli għalik.
- F’dak iż-żmien wieġeb Ġesù, u qal: Niżżikħajr, o Missier, Mulej tas-sema u l-art, għax int ħbejt dawn il-ħwejjeġ mill-għorrief u mill-għaqlin, u kxifthom lit-trabi.
- Iva, Missier: għax hekk għoġob lilek.
- Kollox kien mogħti lili minn Missieri: u l-ebda bniedem ma jagħraf lill-Iben, ħlief il-Missier; lanqas ħadd ma jaf lill-Missier, ħlief l-Iben, u dak li l-Iben irid igħarrafhulu.
- Ejjew għandi, intom ilkoll li tinsabu mħabbtin u mtaqqlin, u jiena nserraħkom.
- Ħudu fuqkom il-madmad tiegħi u tgħallmu minni, għaliex jiena ta’ qalb ħelwa u ġwejjed, u intom issibu l-mistrieħ għal ruħkom.
- Għax il-madmad tiegħi ħelu u t-tagħbija tiegħi ħafifa.
Mattew 12
- F’dak l-istaġun Ġesù għadda minn qalb l-għelieqi tal-qamħ fis-sabat: u d-dixxipli tiegħu ħadhom il-ġuħ, u bdew jaqtgħu s-sbul, u jieklu.
- Iżda malli l-Fariżej raw dan, qalulu: Ara, id-dixxipli tiegħek qegħdin jagħmlu dak li ma jiswiex fil-jum tas-sabat.
- Iżda hu qalilhom: Ma qrajtux x’għamel David, meta ħadu l-ġuħ, hu u dawk li kienu miegħu;
- Kif daħal f’dar Alla, u kiel il-ħobż imqiegħed quddiem il-Mulej, li ma kienx jiswa għalih li jiekol, u lanqas għal dawk li kienu miegħu, imma għall-qassisin biss?
- Jew ma qrajtux fil-liġi, kif fis-sabat il-qassisin fit-tempju kienu jiksru s-Sibt, u m’għandhomx ħtija?
- Imma jien ngħidilkom: Hawnhekk hawn wieħed akbar mit-tempju.
- Iżda kieku kontu tafu dan x’ifisser: Ħniena rrid, u mhux sagrifiċċju: ma kontux tikkundannaw lil min hu bla ħtija.
- Għax bin il-bniedem hu Sid is-sabat ukoll.
- U wara li telaq minn hemm, mar fis-sinagoga tagħhom:
- U, ara, kien hemm raġel li kellu idu niexfa. U staqsewh, billi qalu. Jiswa min ifejjaq fis-sabat? Biex ikunu jistgħu jixluh.
- U qalilhom: Liema raġel ikun hemm fostkom, li jkollu nagħġa waħda, u jekk taqa’ f’ħofra fis-sabat, ma jaqbadhiex, u jtellagħhiex?
- Kemm mela hu aħjar bniedem minn nagħġa? Għalhekk jiswa li tagħmel il-ġid fis-sabat.
- Imma qal lir-raġel: Midd idek. U dak meddha; u rtaddet, f’saħħtiha bħall-oħra.
- Imbagħad il-Fariżej ħarġu, u għamlu laqgħa kontra tiegħu, kif jistgħu jeqirduh.
- Iżda meta Ġesù sar jaf dan, warrab minn hemm: u ġmiegħi kbar ta’ nies marru warajh, u fejjaqhom kollha;
- U wissiehom biex ma jxandruhx:
- Biex iseħħ dak li kien qal il-profeta Isaija, li jgħid:
- Ara l-qaddej tiegħi, li jiena ħtart; il-maħbub tiegħi, li fih titgħaxxaq ruħi; l-Ispirtu tiegħi nqiegħed fuqu, u hu jgħarraf il-ħaqq tal-Ġentili.
- Hu la jiġġieled, u la jgħajjat; lanqas ħadd ma jisma’ leħnu fit-toroq.
- Qasba mġelġla ma jaqsamx, u ftila ddaħħan ma jitfix, sa ma jġib il-ħaqq għar-rebħa.
- U f’ismu l-Ġentili jittamaw.
- Imbagħad inġieb għandu wieħed li kellu fih demonju, u li kien ukoll agħma, u mutu; u fejqu; hekk li l-mutu tkellem u ra.
- U n-nies kollha stagħġbu, u qalu: Jaqaw dan mhux bin David?
- Imma malli l-Fariżej semgħu dan, qalu: Dan ma jkeċċix id-demonji, ħlief bis-saħħa ta’ Begħelżebul il-ħakkiem tad-demonji.
- U Ġesù għaraf ħsibijiethom, u qalilhom: Kull saltna maqsuma kontra tagħha nfisha titħarbat; u kull belt jew dar maqsuma kontra tagħha nfisha, ma żżommx.
- U jekk Satana jkeċċi ’l Satana, jinqasam kontra tiegħu nnifsu; kif mela żżomm is-saltna tiegħu?
- U jekk jien inkeċċi d-demonji bis-saħħa ta’ Bagħalżebub, b’min ikeċċuhom uliedkom? Għalhekk ikunu huma l-im-ħallfin tagħkom.
- Imma jekk jiena bl-Ispirtu ta’ Alla nkeċċi d-demonji, allura s-saltna ta’ Alla waslet għandkom.
- Jew kif wieħed jista’ jidħol fid-dar ta’ raġel b’saħħtu, jekk qabel ma jkunx rabat lil dak b’saħtu, u mbagħad ikun jista’ jisraqlu daru?
- Min mhuwiex miegħi hu kontra tiegħi; u min ma jiġborx miegħi jxerred.
- Għalhekk ngħidilkom li d-dnubiet kollha u d-dagħa kollu jinħafrulhom lill-bnedmin, imma dagħwa bl-Ispirtu Qaddis ma tinħafirx.
- U jekk xi ħadd jgħid xi ħaġa kontra Bin il-bniedem tinħafirlu; iżda min jitkellem kontra l-Ispirtu Qaddis ma jkollux maħfra, la f’dan iż-żmien u lanqas f’li ġej.
- Jew tagħmlu s-siġra tajba, u l-frott tagħha tajjeb: jew tagħmlu s-siġra ħażina; u l-frott tagħha ħażin; għax is-siġra hi magħrufa mill-frott tagħha.
- Ja nisel lifgħat, kif tistgħu intom, li intom ħżiena, titkellmu ħwejjeġ tajba? Għax mill-milja tal-qalb jitkellem il-fomm.
- Raġel tajjeb mit-teżori tajba tal-qalb joħroġ ħwejjeġ tajba: u raġel ħażin mit-teżori ħżiena tiegħu joħroġ ħwejjeġ ħżiena.
- U ngħidilkom li l-bnedmin f’jum il-ħaqq għad iridu jagħtu kont ta’ kull kelma fiergħa li jkunu qalu,
- Għax minn kliemek tkun iġġustifikat, u minn kliemek tkun ikkundannat.
- Imbagħad wieġbu wħud mill-iskribi u mill-Fariżej, billi qalu: Mgħallem, irridu naraw sinjal minnek.
- Imma hu wieġeb u qalilhom: Ġenerazzjoni ħażina u adultera tfittex sinjal; u l-ebda sinjal ma jingħatalha, ħlief is-sinjal ta’ Ġona l-profeta:
- Għax kif Ġona kien għal tlitt ijiem u tlitt iljieli f’żaqq il-ħuta l-kbira; hekk Bin il-bniedem ikun tlitt ijiem u tlitt iljieli f’qalb l-art.
- In-nies ta’ Ninwè għad iqumu f’jum il-ħaqq ma’ din il-ġenerazzjoni, u jikkundannawha: għax nidmu bix-xandir ta’ Ġona; u, ara, wieħed akbar minn Ġona qiegħed hawn.
- Is-sultana tan-nofsinhar tqum f’jum il-ħaqq ma’ din il-ġenerazzjoni, u tikkundannah; għax hi ġiet mill-aħħar tal-art biex tisma’ għerf Salamun; u, ara, hawn wieħed akbar minn Salamun.
- Meta l-ispirtu mniġġes joħroġ minn bniedem, jimxi f’naħiet niexfa, ifittex il-mistrieħ, u ma jsib xejn.
- Imbagħad jgħid: Narġa’ lejn dari mnejn ħriġt; u meta jiġi, isibha battala, miknusa, u fl-ordni.
- Imbagħad imur, u jieħu miegħu seba’ spirti oħra eħżen minnu nnifsu, u jidħlu u jgħammru hemm; u l-aħħar qagħda ta’ dak il-bniedem tkun agħar mill-ewwel waħda. Hekk ikun ukoll lil din il-ġenerazzjoni ħażina.
- Kif kien għadu qiegħed ikellem lin-nies, ġew ommu u ħutu, waqfu barra u fittxew li jkellmuh.
- Xi ħadd qallu: Ara, ommok u ħutek qegħdin barra jfittxu li jkellmu.
- Iżda hu wieġeb lil dak li kellmu, u qallu: Min hi ommi? U min huma ħuti?
- Imbagħad medd idu lejn id-dixxipli tiegħu u qal: Dawn, araw, huma ommi u ħuti.
- Għax kull min jagħmel ir-rieda ta’ Missieri li hu fis-smewwiet, dak huwa ħija, u oħti, u ommi.
Mattew 13
- Dak in-nhar stess Ġesù ħareġ mid-dar, u qagħad bil-qiegħda ħdejn il-baħar.
- U ġmiegħi kbar ta’ nies inġemgħu madwaru, hekk li tala’ fuq dgħajsa, u qagħad bil-qiegħda; u l-ġemgħa kollha qagħdet fuq ix-xatt.
- U tħaddet magħhom fuq ħafna ħwejjeġ bil-parabboli, billi qal: Ara, wieħed li jiżra’, ħareġ jiżra’;
- U hu u jiżra’, xi żergħat waqgħu mal-ġenb tat-triq, u t-tjur ġew u belgħuhom:
- Oħrajn waqgħu fuq art bil-blat, fejn ma kellhomx ħafna ħamrija; u malajr nibtu, għax ma kellhomx fond ta’ ħamrija.
- U malli telgħet ix-xemx, inħarqu; u billi ma kellhomx għeruq, nixfu.
- U oħrajn waqgħu fuq ix-xewk; u x-xewk kiber, u ħonoqhom:
- Iżda oħrajn waqgħu fuq art tajba, u għamlu l-frott; biċċa mitt darba, biċċa sittin darba, biċċa tletin darba.
- Min għandu widnejn biex jisma’, ħa jisma’.
- U resqu d-dixxipli u qalulu: Għax tkellimhom bil-parabboli?
- Weġibhom u qalilhom: Għax lilkom inagħta li tagħrfu l-misterji tas-saltna tas-smewwiet, iżda lilhom mhux mogħti.
- Għax kull min għandu, jingħatalu, u jkollu ż-żejjed; iżda kull min m’għandux, jitteħidlu wkoll dak li għandu.
- Għalhekk inkellimhom bil-parabboli: għax huma u jaraw, ma jarawx; u huma u jisimgħu, ma jisimgħux, lanqas jifhmu.
- U fihom isseħħ il-profezija ta’ Isaija li jgħid: bis-smigħ tisimgħu, u ma tifhmux; u intom u taraw, taraw, u ma tindunawx.
- Għax qalb dal-poplu ħxienet, u widnejhom tqal biex jisimgħu, u għajnejhom għalqu; li f’xi żmien ma jarawx b’għajnejhom, u jisimgħu b’widnejhom, u jifhmu b’qalbhom, u jikkonvertu, u nfejjaqhom.
- Imma mberkin għajnejkom, għax jaraw; u widnejkom, għax jisimgħu.
- Għax tassew ngħidilkom: Ħafna profeti u nies sewwa xtaqu jaraw dawn il-ħwejjeġ li qegħdin taraw intom, u ma rawhomx; u jisimgħu dawk il-ħwejjeġ li qegħdin tisimgħu intom, u ma semgħuhomx.
- Isimgħu mela l-parabbola ta’ dak li jiżra’.
- Meta xi ħadd jisma’ l-kelma tas-saltna, u ma jifhimhiex, imbagħad jiġi l-ħażin, u jaħtaf dak li nżara’ f’qalbu. Dan hu dak li nżara’ fil-ġenb tat-triq.
- Iżda dak li nżara’ f’art bil-blat, hu dak li jisma’ l-kelma, u bil-ferħa mill-ewwel jilqagħha;
- Imma m’għandux għeruq fih innifsu, u jżomm għal ftit; għax meta jinqala’ l-għali jew il-persekuzzjoni minħabba l-kelma, jitfixkel malajr.
- Dak ukoll li nżara’ qalb ix-xewk, hu dak li jisma’ l-kelma; u l-ħsibijiet taż-żmien, u l-qerq tal-għana, joħonqu l-kelma, u jsir bla frott.
- Iżda dak li nżara’ f’art tajba, hu dak li jisma’ l-kelma, u jifhimha; li jagħmel ukoll il-frott, u jagħti biċċa mitt-darba, biċċa sittin, biċċa tletin.
- Parabbola oħra ġibilhom, u qal: Is-saltna tas-smewwiet tixbah bniedem li żara’ żerriegħa tajba fil-għalqa tiegħu:
- Iżda huma u reqdin in-nies, ġie l-għadu tiegħu u żara’ s-sikrana qalb il-qamħ, u telaq.
- Iżda meta nibet il-ħaxix, u għamel il-frott, imbagħad dehret ukoll is-sikrana.
- Għalhekk il-qaddejja ta’ sid id-dar ġew u qalulu: Sinjur, mhux żerriegħa tajba żrajt fil-għalqa tiegħek? Minn fejn mela għandha s-sikrana?
- Qalilhom: Għadu għamel dan. Il-qaddejja qalulu: Tridx mela mmorru u niġbruha?
- Iżda hu qalilhom: Le; għax għandu mnejn intom u tiġbru s-sikrana tiġbdu wkoll il-qamħ magħha.
- Ħalluhom it-tnejn flimkien jikbru sal-ħsad; u fi żmien il-ħsad ngħid lill-ħassada: Iġbru l-ewwel is-sikrana, u orbtuha f’qatet biex taħarquha: iżda iġbru l-qamħ fil-maħżen tiegħi.
- Parabbola oħra ġibilhom, billi qal: Is-saltna tas-smewwiet qisha qalba taż-żerriegha tal-mustarda, li raġel ħa, żara’ fil-għalqa tiegħu;
- Li tassew hi l-iżgħar fost iż-żrieragħ kollha: iżda meta tikber, tkun l-akbar fost il-ħxejjex, u ssir siġra, hekk li l-għasafar tas-sema jiġu jgħammru fil-friegħi tagħha.
- Parabbola oħra qalilhom: Is-saltna tas-smewwiet tixbah lill-ħmira, li mara ħadet, u ħbiet fi tliet seàt dqiq, sakemm tħemmer kollu.
- Dan kollu qalu Ġesù f’parabboli lill-folol tan-nies u mingħajr parabbola ma tkellimx magħhom.
- Biex hekk iseħħ dak li ntqal mill-profeta li jgħid: Bil-parab-boli niftaħ fommi; ingħarraf ħwejjeġ li nżammu moħbija mit-tisjis tad-dinja.
- Imbagħad Ġesù bagħat il-ġmiegħi tan-nies, u daħal id-dar; u d-dixxipli tiegħu resqu lejh, u qalu: Fissrilna l-parabbola tas-sikrana tal-għalqa.
- Wieġeb u qalilhom: Dak li jiżra’ ż-żerriegħa t-tajba hu Bin il-bniedem;
- Il-għalqa hija d-dinja; u ż-żerriegħa t-tajba huma wlied is-saltna; imma s-sikrana huma wlied il-ħażin;
- Il-għadu li żeragħhom hu x-Xitan; il-ħsad hu t-tmiem tad-dinja; u l-ħassada huma l-anġli.
- Mela bħalma s-sikrana tinġabar u tinħaraq fin-nar; hekk ikun fit-tmiem taż-żmien.
- Bin il-bniedem jibgħat l-anġli tiegħu, u jiġbru mis-saltna tiegħu l-ħwejjeġ kollha li jfixklu, u dawk li jagħmlu l-ħażen;
- U jixħethom fil-forn tan-nar; hemmhekk ikun hemm il-biki u tgħażgħiż tas-snien.
- Imbagħad in-nies ġusti jiddu bħax-xemx fis-saltna ta’ Missierhom. Min għandu widnejn biex jisma’, ħa jisma’.
- Iżjed: is-saltna tas-smewwiet tixbah teżor moħbi f’għal-qa; li meta jsibu raġel, jaħbih; u bil-ferħ tiegħu jmur ibigħ kulma għandu, u jixtri dik il-għalqa.
- Iżjed: is-saltna tas-smewwiet tixbah lil wieħed merkant, li jfittex ġawhar tajjeb:
- Li, meta sab ġawhra waħda li tiswa ħafna, mar u biegħ kulma kellu, u xtraha.
- Iżjed, is-saltna tas-smewwiet tixbaħ lil xibka, li tniżżlet fil-baħar, u ġabret minn kull xorta:
- Li, meta mtliet, ġibduha x-xatt; u qagħdu bil-qiegħda, u ġabru t-tajbin fil-ġarar, iżda l-ħżiena rmewhom.
- Hekk jiġri fit-tmiem taż-żmien; joħorġu l-anġli, u jifirdu l-ħżiena minn fost it-tajbin.
- U jitfgħuhom fil-forn tan-nar; hemm ikun hemm biki u tgħażgħiż tas-snin.
- U Ġesù qalilhom: Fhimtuhom dawn il-ħwejjeġ kollha? Qalulu: Iva, Mulej.
- Imbagħad qalilhom: Għalhekk kull skriba li hu mgħallem għas-saltna tas-smewwiet jixbah lil wieħed li hu sid dar, li joħroġ mit-teżor tiegħu ħwejjeġ ġodda u qodma.
- U ġara, meta Ġesù spiċċa dawn il-parabboli, illi telaq minn hemm.
- U meta ġie f’pajjiżu għallimhom fis-sinagoga tagħhom, hekk li kienu mistagħġbin, u qalu: Dan mnejn għandu dan il-għerf, u dawn l-opri kbar?
- Dan mhux bin il-mastrudaxxa? Ommu ma jisimhiex Marija? U ħutu, Ġakbu, u Ġożè, u Xmun u Ġuda?
- U ħutu l-bniet, mhumiex kollha magħna? Mnejn mela dal-bniedem għandu dawn il-ħwejjeġ kollha?
- U kienu mfixklin bih. Iżda Ġesù qalilhom: Profeta mhux bla ġieh, ħlief f’pajjiżu, u f’daru.
- U hemm m’għamilx ħafna opri kbar minħabba n-nuqqas tat-twemmin tagħhom.
Mattew 14
- F’dak iż-żmien Erodi t-tetrarka sama’ dwar Ġesù,
- U qal lill-qaddejja tiegħu: Dan hu Ġwanni l-Battista; qam mill-imwiet; u għalhekk opri qawwija jaħdmu fih.
- Għax Erodi kien qabad lil Ġwanni, u rabtu, u tefgħu l-ħabs minħabba Erodija, mart ħuh Filippu.
- Għax Ġwanni qallu: Mhux skont il-liġi għalik li tkun tiegħek.
- U meta ried joqtlu, baża’ mill-ġemgħa tan-nies, għax kienu jżommuh bħala profeta.
- Iżda meta għalaq sninu Erodi, bint Erodja żifnet quddiemhom, u għoġbot lil Erodi.
- Għalhekk wiegħed b’ħalfa li jagħtiha kulma titlob.
- U hi, billi kienet qabel imqabbda minn ommha, qalet: Agħtini hawn f’dixx ras Ġwanni l-Battista.
- U s-sultan sogħobih; iżda minħabba fil-ħalfa, u dawk li kienu jieklu miegħu, ordna li jagħtuhielha.
- U bagħat, u qata’ ras Ġwanni fil-ħabs.
- U rasu nġiebet f’dixx, u kienet mogħtija lit-tfajla: u hi ġibitha għand ommha.
- U d-dixxipli tiegħu ġew, u ħadu l-ġisem, u difnuh; u marru u qalu lil Ġesù.
- Meta Ġesù sama’ b’dan, telaq minn hemm fuq dgħajsa f’lok imwarrab, għalih; u meta semgħu n-nies b’dan, marru warajh bil-mixi mill-ibliet.
- U Ġesù ħareġ, u ra folla kbira ta’ nies, u ġietu ħniena minnhom, u fejjaq il-morda tagħhom.
- U xħin sar fil-għaxija, resqu lejh id-dixxipli tiegħu, igħidu: Dal-lok imwarrab, u l-ħin għamel; ibgħat il-folla tan-nies, biex imorru fl-irħula u jixtru l-ikel għalihom.
- Iżda Ġesù qalilhom: Ma għandhomx għalfejn imorru; agħtuhom intom x’jieklu;
- U qalulu: M’għandniex hawn ħlief ħames ħobżiet, u żewġ ħutiet.
- U qal: Ġibuhomli hawn.
- U ordna lill-folla tan-nies joqogħdu fuq il-ħaxix, u ħa l-ħames ħobżiet, u ż-żewġ ħutiet, u wara li rafa’ għajnejh lejn is-sema, bierek, u qasam, u ta l-ħobżiet lid-dixxipli tiegħu, u d-dixxipli lill-folla tan-nies.
- U kielu kollha, u xebgħu; u refgħu mill-bċejjeċ li baqa’ tnax-il qoffa mimlija.
- U dawk li kielu kienu madwar ħamest elef raġel, barra min-nisa u t-tfal.
- U dik is-siegħa ġagħal Ġesù lid-dixxipli tiegħu jitilgħu fuq id-dgħajsa, u jmorru qablu n-naħa l-oħra, waqt li hu bagħat il-ġmiegħi tan-nies.
- U wara bagħat il-folol tan-nies, tala’ waħdu fuq muntanja jitlob: u meta sar filgħaxija, kien hemm waħdu.
- Iżda d-dgħajsa kienet issa f’nofs il-baħar, imħabbta mill-mewġ: għax ir-riħ kien kontra.
- Fir-raba’ sahra tal-lejl Ġesù mar lejhom, jimxi fuq il-baħar.
- U xħin id-dixxipli rawh jimxi fuq il-baħar, tħawdu, u bdew igħidu: Dan xi fantażma; u għajtu bil-biża’.
- Iżda malajr kellimhom Ġesù, billi qal: Qawwu qalbkom; jien hu; la tibżgħux.
- U Pietru wieġbu, u qal: Mulej, jekk hu int, qabbadni niġi għandek fuq l-ilma.
- U qallu: Ejja. U wara li Pietru niżel mid-dgħajsa, mexa fuq il-baħar, biex imur għand Ġesù.
- Imma kif ra r-riħ qawwi, baża’; u kif beda jegħreq, għajjat, igħid: Mulej, salvani.
- U malajr medd idu Ġesù, u qabdu, u qallu: Ja lilek ta’ twemmin żgħir, għaliex iddubitajt?
- U xħin telgħu fid-dgħajsa, ir-riħ waqaf.
- Imbagħad dawk li kienu fid-dgħajsa ġew u tawh qima, billi qalu: Tassew, int l-Iben ta’ Alla.
- U wara li qasmu, ġew fl-art ta’ Ġenesaret.
- U meta l-irġiel ta’ dak il-post saru jafu bih, bagħtu jgħidu ma’ dik l-art kollha ta’ madwar, u ġibulu lil dawk kollha li kienu morda;
- U talbuh bil-ħniena biex imissu biss tarf libstu: u dawk kollha li messewh fiequ għalkollox.
Mattew 15
- Imbagħad resqu lejn Ġesù skribi u Fariżej li kienu minn Ġerusalemm, igħidu:
- Għaliex id-dixxipli tiegħek jiksru t-tradizzjoni tal-anzjani? għax huma ma jaħslux idejhom qabel ma jieklu l-ħobż.
- Iżda hu wieġeb u qalilhom: Għaliex intom ukoll tiksru l-kmandamenti t’Alla minħabba t-tradizzjoni tagħkom?
- Għax Alla qal: Onora lil missierek u lil ommok; u min jinsolenta lill-missier jew lill-omm, ħa jmut bil-mewt.
- Iżda intom tgħidu: Kull min igħid lil missieru jew lil ommu: Kulma bih tista’ tkun megħjun minni, hu mogħti lil Alla;
- U ma jonorax lil missieru jew lil ommu, ikun ħieles. Hekk iġgibu fix-xejn il-kelma ta’ Alla minħabba t-tradizzjoni tagħkom.
- Uċuh b’oħra, sewwa ħabbar Isaija fuqkom meta qal,
- Dan il-poplu bix-xofftejn biss jagħtini ġieh, imma qalbhom hija ’l bogħod minni.
- Fiergħa hija l-qima li jagħtuni; igħallmu duttrina li mhix għajr preċetti tal-bnedmin.
- U sejjaħ il-ġemgħa tan-nies, u qalilhom: Isimgħu, u ifhmu:
- Mhux dak li jidħol fil-fomm iniġġes bniedem; iżda dak li joħroġ mill-fomm iniġġes bniedem.
- Imbagħad resqu d-dixxipli tiegħu, u qalulu: Taf li l-Fariżej ħadu għalihom, wara li semgħu dal-kliem?
- Iżda hu wieġeb u qal: Kull xitla, li Missieri li hu fis-smewwiet ma ħawwlix, tinqala’ mill-għeruq.
- Ħalluhom; huma mexxejja għomja tal-għomja. U jekk agħma jmexxi agħma, it-tnejn jaqgħu fil-ħofra.
- Imbagħad wieġeb Pietru, u qallu: Fissrilna dil-parabbola.
- U qal Ġesù: Intom ukoll għadkom ma tifhmux?
- Ma tifhmux, li kulma jidħol fil-ħalq imur fiż-żaqq, u jinxteħet barra fil-kanal?
- Iżda dawk il-ħwejjeġ li joħorġu mill-fomm jiġu mill-qalb; u dawk iniġġsu lill-bniedem.
- Għax mill-qalb jiġu l-ħsibijiet ħżiena, il-qtil, l-adulterji, fonikazzjonijiet, is-serq, ix-xhidiet foloz, id-dagħa:
- Dawn huma l-ħwejjeġ li jniġġsu bniedem: iżda li tiekol b’idejn mhux maħsulin ma jniġġisx bniedem.
- Imbagħad Ġesù telaq minn hemm, u mar fin-naħiet ta’ Tir u Sidon,
- U, Ara, mara Kangħanija ħarġet minn dawk l-istess naħiet, u għajtet, tgħid: Ikollok ħniena minni, o Mulej, bin David; binti hija maħqura bl-aħrax minn demonju.
- Iżda hu ma weġibhiex kelma. U d-dixxipli resqu, u talbuh, igħidu. Ibgħatha; għax qiegħda tgħajjat warajna.
- Iżda hu wieġeb u qal: Ma kontx mibgħut ħlief għan-ngħaġ mitlufa ta’ dar Iżrael.
- Imbagħad dik ġiet u tatu qima, hi u tgħidulu: Mulej, għinni.
- Imma hu wieġeb u qal: Mhux xieraq li tieħu l-ħobż tat-tfal, u titfgħu lill-klieb.
- U hi qalet: Tassew, Mulej: iżda l-ġriewi wkoll jieklu mill-frak li jaqa’ mill-mejda tas-sidien tagħhom.
- Wieġeb imbagħad Ġesù, u qalilha: Ja mara, kbira hi l-fidi tiegħek: ikunlek kif trid int. U minn dik is-siegħa stess bintha fieqet.
- U telaq Ġesù minn hemm, u ġie qrib il-baħar tal-Galilija; u tala’ fuq muntanja, u qagħad bil-qiegħda hemm.
- U folol kbar ta’ nies resqu lejh, u kellhom magħhom zopop, għomja, muti, immankati, u ħafna differenti, u xeħtuhom f’riġeljn Ġesù; u fejjaqhom:
- Hekk li l-folol tan-nies stagħġbu, meta raw il-muti jitkellmu, u z-zoppop jimxu, u l-għomja jaraw: u igglorifikaw lil Alla ta’ Iżrael.
- Imbagħad sejjaħ Ġesù lid-dixxipli tiegħu ħdejh, u qal: Għandi ħniena mill-folla tan-nies għax baqgħu tlitt ijiem miegħi u m’għandhom xejn x’jieklu: u ma rridx nibgħathom sajmin, li ma jħosshomx ħażin fit-triq.
- U d-dixxipli tiegħu qalulu: Mnejn ikollna daqshekk ħobż f’dan il-post diżabitat, biex inxebbgħu folla ta’ nies bħal din?
- U qalilhom Ġesù: Kemm-il ħobża għandkom? U huma qalu: Sebgħa, u ftit ħut żgħir.
- U qal lill-ġemgħa tan-nies biex joqogħdu bil-qiegħda fl-art.
- U ħa s-seba’ ħobżiet u l-ħut, u iżżaħajr; u qasamhom, u ta lid-dixxipli tiegħu, u d-dixxipli lill-folla tan-nies.
- U kollha kielu, u xebgħu; u ġabru mill-bċejjeċ li fadal sebat iqfief mimlijin.
- Erbat elef raġel kienu dawk li kielu, barra min-nisa u t-tfal.
- U bagħat il-folla tan-nies, u tala’ fuq id-dgħajsa, u ġie fl-inħawi ta’ Magadan.
Mattew 16
- Il-Fariżej mas-Sadduċej resqu wkoll, u huma u jġarrbuh xtaquh jurihom xi sinjal mis-sema.
- Wieġeb u qalilhom: Meta jsir fil-għaxija, tgħidu: Sa jagħmel bnazzi: għax is-sema ħamrani.
- U filgħodu: Jagħmel il-maltemp illum: għax is-sema aħmar sewdieni. Ja ipokriti, intom tafu tagħrfu wiċċ is-sema; iżda ma tafux tagħrfu s-sinjali taż-żminijiet.
- Ġenerazzjoni ħażina u żienja trid sinjal; iżda lilha ma jingħata l-ebda sinjal, ħlief is-sinjal tal-profeta Ġona. U ħalliehom, u telaq.
- U meta d-dixxipli tiegħu ġew in-naħa l-oħra, insew jieħdu magħhom il-ħobż.
- Imbagħad Ġesù qalilhom: Araw tajjeb u ħarsu ruħkom mill-ħmira tal-Fariżej u tas-Sadduċej.
- Iżda huma tkellmu bejniethom, billi qalu: Dan għax ma ħadniex ħobż.
- Xħin Ġesù għaraf dan, qalilhom: Ja nies ta’ fidi żgħira, x’intom tgħidu bejnietkom, għaliex ma ġibtux ħobż?
- Għadkom ma tifhmux, u lanqas tiftakru fil-ħames ħobżiet għal ħamest elef, u kemm-il qoffa rfajtu?
- Lanqas fis-seba’ ħobżiet għall-erbat elef, u kemm-il qoffa rfajtu?
- Kif ma tifhmux li mhux għall-ħobż għidtilkom, li għandkom tħarsu ruħkom mill-ħmira tal-Fariżej u tas-Sadduċej?
- Fehmu mbagħad li ma kienx qalilhom għall-ħmira tal-ħobż biex iħarsu ruħhom, imma għat-tagħlim tal-Fariżej u tas-Sadduċej.
- Meta Ġesù ġie fl-inħawi ta’ Ċesarija ta’ Filippu, staqsa lid-dixxipli tiegħu, billi qalilhom: Min igħidu n-nies illi jiena, Bin il-bniedem, jien?
- U qalu: X’uħud igħidu li int Ġwanni l-Battista; x’uħud, Elija, u oħrajn Ġeremija, jew wieħed mill-profeti.
- Qalilhom: Iżda intom min tgħidu li jien?
- U Xmun Pietru wieġeb u qal: Inti l-Kristu, Bin Alla l-ħaj.
- U wieġeb Ġesù, u qallu: Imbierek int, Xmun Bar-Ġona: għax mhux il-laħam u d-demm għarrfek dan, iżda Missieri li hu fis-smewwiet.
- U jien ngħidlek: Inti Pietru, u fuq din il-blata nibni l-knisja tiegħi; u l-bibien ta’ Hades ma jegħlbuhiex.
- U jiena nagħtik l-imfietaħ tas-saltna tas-smewwiet: u dak kollu li torbot fl-art kien marbut ukoll fis-smewwiet: u dak kollu li tħoll fl-art kien maħlul fis-smewwiet.
- Wissa mbagħad id-dixxipli tiegħu biex ma jgħidu lil ħadd li hu Ġesù l-Kristu.
- Minn dak iż-żmien beda Ġesù juri lid-dixxipli tiegħu, kif jaħtieġlu jmur Ġerusalemm, u jbati ħafna ħwejjeġ mill-anzjani u mill-qassisin il-kbar u l-iskribi, u jinqatel, u fit-tielet jum iqum.
- Imbagħad Pietru ġibdu lejh, u beda jċanfru, hu u jgħid: Barra minnek, Mulej: ma jiġrilek qatt dan.
- Imma hu dar, u qal lil Pietru: Lura minni, Satana: Int tfixkil għalija: għax ma taħsibx il-ħwejjeġ ta’ Alla, iżda l-ħwejjeġ tal-bnedmin.
- Imbagħad Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu: Jekk xi ħadd irid jiġi warajja, ħa jiċħad lilu nnifsu, u jarfa’ salibu, u jiġi warajja.
- Għax kull min irid isalva ħajtu jitlifha: u kull min jitlef ħajtu minħabba fija jsibha.
- Għax x’jiswielu bniedem, jekk jirbaħ id-dinja kollha, u jitlef ruħu? Jew x’jagħti bniedem flok ruħu?
- Għax bin il-bniedem għandu jiġi fil-glorja ta’ Missieru ma’ l-anġli tiegħu, u mbagħad irodd lil kull wieħed skont l-opri tiegħu.
- Tassew ngħidilkom: Ikun hemm x’uħud milli qegħdin hawn, li ma jduqux il-mewt, sa ma jaraw bin il-bniedem ġej fis-saltna tiegħu.
Mattew 17
- U wara sitt ijiem Ġesù ħa miegħu ’l Pietru, u ’l Ġakbu, u ’l ħuh Ġwanni, u tellagħhom fuq muntanja għolja weħidhom.
- U tbiddel quddiemhom: u idda wiċċu bħax-xemx: u lbiesu saru bojod bħad-dawl.
- U, ara, hemm dehrulhom Mosè u Elija jitkellmu miegħu.
- Imbagħad wieġeb Pietru, u qal lil Ġesù: Mulej, tajjeb għalina li nkunu hawn: jekk trid, ħa nagħmlu hawn tliet tined; waħda għalik, waħda għal Mosè, u waħda għal Elija.
- Fil-waqt li kien għadu jitkellem, ara, sħaba tiddi għattiethom: u, ara, ġie leħen mis-sħaba, li qal: Dan hu Ibni l-għażiż, li bih nitgħaxxaq; isimgħu lilu.
- U malli semgħu dan, id-dixxipli waqgħu għal wiċċhom, u beżgħu wisq.
- U Ġesù resaq u messhom, u qal: Qumu, u la tibżgħux.
- U meta refgħu għajnejhom, ma raw lil ħadd, ħlief lil Ġesù waħdu.
- U xħin kienu neżlin mill-muntanja, Ġesù wissihom, billi qal: Tgħidu lil ħadd bid-dehra, sa ma Bin il-bniedem iqum mill-imwiet.
- U d-dixxipli tiegħu staqsewh, billi qalu: Għaliex mela jgħidu l-iskribi li l-ewwel għandu jiġi Elija?
- U wieġeb Ġesù, u qalilhom: Tabilħaqq jiġi Elija l-ewwel, u jġedded kollox.
- Iżda jien ngħidilkom: Elija ġa gie, u ma għarfuhx, u għamlulu kulma riedu. Hekk ukoll Bin il-bniedem ibati minnhom.
- Imbagħad fehmu d-dixxipli li kien kellimhom fuq Ġwanni l-Battista.
- U meta ġew fejn il-ġemgħa tan-nies, resaq lejh wieħed raġel, u nxteħet għarkobbtejh quddiemu,
- Jgħidlu: Mulej, ikollok ħniena minn ibni; għax jagħtih tal-qamar, u jbati ħafna: għax ta’ sikwit jaqa’ fin-nar, u ta’ sikwit jaqa’ fl-ilma.
- U ġibtu għand id-dixxipli tiegħek, u ma setgħux ifejquh.
- Wieġeb imbagħad Ġesù, u qal: Ja ġenerazzjoni bla fidi u maqluba, kemm sa ndum magħkom? Kemm sa ndum inbati bikom?
- U Ġesù ċanfar lid-demonju; u dan ħareġ minnu: u t-tifel fieq dik is-siegħa.
- Resqu mbagħad id-dixxipli fejn Ġesù weħidhom, u qalu: Għax ma stajniex inkeċċuh?
- U Ġesù qalilhom: Minħabba l-fidi żgħira tagħkom; għax tassew ngħidilkom: Jekk ikollkom fidi daqs qalba taż-żerriegħa tal-mustarda, u tgħidu lil dil-muntanja: Tqanqal minn hawn għal hemm; hi titqanqal; u xejn ma jkun impossibbli għalikom.
- Imma dal-ġens ma joħroġx ħlief bit-talb u s-sawm.
- U huma u qegħdin fil-Galilija, Ġesù qalilhom: Bin il-bniedem jingħata f’idejn il-bnedmin:
- U joqtluh, u fit-tielet jum iqum. U sogħobbihom wisq.
- U meta ġew Kafarnahum, dawk li kienu jiġbru l-flus tal-ħaraġ resqu lejn Pietru, u qalu: L-Imgħallem tagħkom ma jħallasx it-taxxa?
- Qal: Iva. U meta daħal id-dar, Ġesù kellmu l-ewwel, billi qal: X’taħseb int, Xmun? Is-slaten tal-art mingħand min jieħdu t-taxxi jew il-ħaraġ? Mingħand uliedhom stess, jew mingħand il-barranin?
- Pietru qallu: Mingħand il-barranin. Ġesù qallu: Mela l-ulied ħielsa.
- Madankollu, biex ma nfixkluhomx, mur sal-baħar, u ixħet xlief, u ħu l-ewwel ħuta li titla’; u xħin tiftħilha ħalqha, issib biċċa flus: ħudha, u agħtihielhom għalija u għalik.
Mattew 18
- F’dak il-ħin resqu d-dixxipli lejn Ġesù u staqsewh: Min hu l-akbar fis-saltna tas-smewwiet?
- U sejjaħ Ġesù lejh tifel ċkejken, qiegħdu f’nofshom,
- U qalilhom, Tassew ngħidilkom, li jekk intom ma tikkonvertux u ssiru bħat-tfal iż-żgħar, ma tidħlux fis-saltna tas-smewwiet.
- Kull min mela jiċċekken bħal dat-tifel ċkejken, dak hu l-akbar wieħed fis-saltna tas-smewwiet.
- U kull min jilqa’ tfajjel bħal dan f’ismi jilqa’ lili.
- Iżda kull min joffendi wieħed minn dawn iċ-ċkejknin li jemmnu fija, aħjar ikun għalih li tiddendel ġebla ta’ mitħna m’għonqu, u jegħreq f’qiegħ ta’ baħar.
- Għali kbir għad-dinja minħabba l-offiżi! għax jaħtieġ li jiġru l-offiżi; iżda għali kbir għal dak il-bniedem li minnu jiġu l-offiżi.
- Għalhekk jekk idek jew riġlek ifixkluk, aqtagħha barra u armiha ’l bogħod minnek; aħjar għalik li tidħol żopp jew immankat fil-ħajja, milli jkollok żewġ idejn jew żewġ saqajn biex tintrema fin-nar ta’ dejjem.
- U jekk għajnek tfixklek, aqlagħha, u armiha ’l bogħod minnek; aħjar għalik tidħol fil-ħajja b’għajn waħda, milli jkollok żewġ għajnejn biex tintrema fin-nar tal-infern.
- Araw li ma tmaqdrux lil xi wieħed minn dawn iċ-ċkejknin; għax ngħidilkom: L-anġli tagħhom fis-smewwiet dejjem jaraw wiċċ Missieri li hu fis-smewwiet.
- Għax Bin il-bniedem ġie biex isalva dak li ntilef.
- X’jidrilkom? Jekk wieħed għandu mitt nagħġa, u tintilef waħda minnhom, ma jħallix id-disgħa u disgħin, u jmur fuq il-muntanji, u jfittex dik li ntilfet?
- U jekk jiġri li jsibha, tassew ngħidilkom, jifraħ aktar b’dik in-nagħġa, minn bid-disgħa u disgħin li ma ntilfux.
- Hekk ukoll mhix ir-rieda ta’ Missierkom li hu fis-smewwiet, li jintilef wieħed minn dawk iċ-ċkejknin.
- U jekk ħuk jonqsok, mur u għidlu ħtijietu bejnek u bejnu weħidkom: jekk jisimgħek, tkun irbaħt lil ħuk.
- Iżda jekk ma jisimgħikx, imbagħad ħu wieħed jew tnejn oħra miegħek, biex kull kelma tibqa’ fil-fomm ta’ tnejn jew tliet xhud.
- U jekk ma jkunx irid jismagħhom, għid lill-knisja: ħa jkun għalik bħal tal-ġnus u kollettur tat-taxxa.
- Tassew ngħidilkom: Kulma torbtu fl-art ikun marbut fis-sema: u kulma tħollu fl-art ikun maħlul fis-sema.
- Narġa’ ngħidilkom: Jekk tnejn minnkom jiftiehmu bejniethom fl-art fuq kull ħaġa li jitolbu, issirilhom minn Missieri li hu fis-smewwiet.
- Għax fejn tnejn jew tlieta huma miġburin flimkien f’ismi, hemm inkun jien f’nofshom.
- Imbagħad Pietru resaq lejh, u qal: Mulej, għal sa kemm-il darba ħija jidneb kontra tiegħi, u naħfirlu? Sa seba’ darbiet?
- Ġesù qallu: Jien ma ngħidlikx: Sa seba’ darbiet: iżda, Sa sebgħin darba seba’ darbiet.
- Għalhekk is-saltna tas-smewwiet nistgħu nxebbuha ma’ wieħed sultan, li ried jagħmel il-kontijiet mal-qaddejja tiegħu.
- U hu u beda’ jagħmel il-kontijiet, wieħed li kellu jagħtih għaxart elef talent inġieb quddiemu.
- U billi ma kellux minn fejn iħallas, sidu ordna li jinbiegħ hu, u martu u wliedu, u kulma kellu, u jitħallas id-dejn.
- Il-qaddej għalhekk inxteħet fl-art, u qiemu, hu u jgħid: Ja sid, ħu paċenzja bija, u jien inħallsek kollox.
- Imqanqal bil-ħniena sid dak il-qaddej, telqu, u ħafirlu d-dejn.
- Imma dak il-qaddej ħareġ, u sab wieħed minn sħabu, li kellu jagħtih mitt dinier: u ħabat għalih, u qabdu minn griżmejh, hu u jgħidlu: Ħallas dak li għandek tagħtini.
- U sieħbu nxteħet quddiemu, u talbu, igħidlu: Ħu paċenzja bija, u jien inħallsek.
- U dak ma riedx: iżda mar u tefgħu l-ħabs, sa ma jħallas id-dejn.
- Meta l-qaddejja sħabu raw x’ġara, sogħobbihom wisq, u marru qalu lil sidhom kulma ġara.
- Imbagħad sidu, wara li sejjaħlu, qallu: Ja qaddej ħażin, ħfirtlek dak id-dejn kollu, għax tlabtni:
- Ma kienx imissek tħenn ukoll għall-qaddej sieħbek, bħalma jien kelli ħniena minnek?
- U sidu għadab, u rħieh f’idejn il-manigoldi, sa ma jħallas id-dejn tiegħu kollu.
- Hekk ukoll Missieri li hu fis-smewwiet jagħmel ukoll lilkom, jekk kull wieħed minnkom ma jaħfirx minn qalbu lil ħuh.
Mattew 19
- U ġara, wara li Ġesù spiċċa dawn it-taħditiet, illi telaq mill-Galilija, u ġie fl-inħawi tal-Lhudija ’l hemm mill-Ġordan.
- U marru warajh ħafna folol; u hemm fejjaqhom.
- U l-Fariżej resqu lejh ukoll, iġarrbuh, u jgħidulu: Sewwa li raġel ikeċċi lil martu għal kull kawża?
- U wieġeb u qalilhom: Ma qrajtux, li dak li mill-bidu ħalaqhom għamilhom raġel u mara?
- U qalilhom: Minħabba f’hekk raġel iħalli lil missieru u lil ommu, u jingħaqad ma’ martu: u t-tnejn isiru ġisem wieħed.
- Għalhekk mhumiex iżjed tnejn, iżda ġisem wieħed. Dak mela li Alla għaqqad flimkien, ħa ma jifridx il-bniedem.
- Qalulu: Għaliex mela Mosè ikkmanda li tingħata l-kitba tad-divorzju u jkeċċiha?
- Qalilhom: Mosè minħabba l-ebusija ta’ qalbkom ħallie-kom tkeċċu n-nisa tagħkom: iżda mill-bidu ma kienx hekk.
- U jien ngħidilkom: Kull min ikeċċi lil martu, ħlief minħabba l-fornikazzjoni, u jiżżewweġ oħra, jikkommetti adulterju; u dak li jiżżewweġ lil dik imkeċċija jikkommetti adulterju.
- Iżda d-dixxipli tiegħu qalulu: Jekk inhu dan il-każ tar-raġel ma’ martu, ma jaqbilx tiżżewweġ.
- Iżda hu qalilhom: Mhux kull bniedem jista’ jifhem dil-kelma, ħlief dawk li jingħatalhom.
- Hemm ewnuki li jitwieldu hekk minn ġuf ommohom, oħrajn jagħmluhom hekk in-nies, u hemm oħrajn li jsiru hekk minn rajhom minħabba s-saltna tas-smewwiet. Min jista’ jiċevih dan, ħa jirċevih!
- Imbagħad ġibulu quddiemu tfal ċkejknin, biex iqiegħed idejh fuqhom, u jitlob: u d-dixxipli ċanfruhom.
- Iżda Ġesù qalihom: Ħallu t-tfal iż-żgħar jiġu għandi, u la żżommuhomx, għax ta’ dawn hija s-saltna tas-Smewwiet.
- U qiegħed idejh fuqhom, u telaq minn hemm.
- U, ara, wieħed resaq lejh u qallu: Mgħallem tajjeb, x’nagħmel tajjeb, biex ikolli l-ħajja ta’ dejjem?
- U qallu: Għala ssejjaħli tajjeb? M’hemm ħadd tajjeb ħlief wieħed, li hu Alla; iżda jekk trid tidħol fil-ħajja, ħares il-kmandamenti.
- Qallu: Liema? U Ġesù qal: La toqtolx, La tagħmilx adulterju, La tisraqx, La tixhidx ħaġa b’oħra.
- Weġġah lil missierek u lil ommok; u, Ħobb lil għajrek bħalek innifsek.
- Iż-żagħżugħ qallu: Dawn il-ħwejjeġ kollha ħaristhom minn żgħożiti; x’jonqosni issa?
- Qallu Ġesù: Jekk trid tkun perfett, mur bigħ li għandek, agħti lill-foqra, u jkollok teżor fis-sema: u ejja warajja.
- Iżda meta ż-żagħżugħ sama’ dal-kliem, mar qalbu sewda: għax kellu ħafna fil-pussess tiegħu.
- Imbagħad Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu: “Tassew, ngħidilkom, li jkun b’diffikultà biex wieħed għandi jidħol fis-saltna tas-smewwiet!
- U narġa’ ngħidilkom: Hu eħfef li ġemel igħaddi minn għajn ta’ labra milli għani jidħol fis-Saltna ta’ Alla!
- Xħin id-dixxipli semgħu dan, stagħġbu wisq, u bdew igħidu: Min, mela, tassew jista’ jkun salvat?
- Iżda Ġesù ħares lejlhom u qalilhom: Għall-bnedmin dan hu impossibbli; iżda għal Alla kollox hu possibbli.
- Wieġeb imbagħad Pietru, u qallu: Ara, aħna ħallejna kollox, u ġejna warajk: aħna, mela x’ikollna?
- U qalilhom Ġesù: Tassew ngħidilkom: Intom li ġejtu warajja, fir-riġenerazzjoni, meta bin il-bniedem joqgħod fuq it-tron tal-glorja tiegħu, intom ukoll toqogħdu fuq tnax-il tron, u tagħmlu ħaqq mit-tnax-il tribù ta’ Iżrael.
- U kull min ħalla djar, jew aħwa subien jew bniet, jew missier, jew omm, jew ulied, jew raba’, minħabba f’ismi, jieħu mitt darba iżjed, u jiret il-ħajja ta’ dejjem.
- Iżda ħafna li huma l-ewwel ikunu l-aħħar; u l-aħħar ikunu l-ewwel.
Mattew 20
- Ara, is-saltna tas-smewwiet hija bħal wieħed sid li ħareġ filgħodu kmieni ħafna biex isib nies tax-xogħol u jħaddimhom fil-għalqa tiegħu tad-dwieli.
- U wara li ftiehem mal-ħaddiema b’dinier kuljum, bagħathom fil-għalqa tiegħu tad-dwieli.
- U ħareġ għal xi t-tielet siegħa, u ra oħrajn qegħdin fis-suq ma jagħmlu xejn.
- U qalilhom: Morru intom ukoll fil-għalqa tad-dwieli, u nagħtikom dak kollu li hu xieraq.
- U dawk marru. U raġa’ ħareġ għas-sitt siegħa, u għad-disa’ siegħa, u għamel l-istess.
- U għal xi l-ħdax-il siegħa ħareġ, u sab oħrajn ma jagħmlu xejn, u qalilhom: Għax qegħdin hawn il-jum kollu ma tagħmlu xejn?
- Qalulu: Għax ħadd ma kriena. Qalilhom: morru intom ukoll fil-għalqa tad-dwieli; u dak kollu li hu xieraq teħduh.
- U xħin sar fil-għaxija, sid il-għalqa tad-dwieli qal lill-imgħallem tiegħu: Sejjaħ lill-ħaddiema, u ħallashom, u ibda minn tal-aħħar sa tal-ewwel.
- U xħin ġew dawk li nkrew għal xi l-ħdax-il siegħa, ħadu dinier kull wieħed.
- U xħin ġew dawk tal-ewwel ħasbu li se jirċievu aktar: iżda rċevew huma wkoll dinier kull wieħed.
- U kif irċevewh, gergru kontra sid id-dar,
- Billi qalu: Dawn tal-aħħar ħadmu biss siegħa, u int għamilthom daqsna, aħna li batejna t-toqol u s-sħana tal-jum.
- Iżda hu wieġeb u qal lil wieħed minnhom: Ħabib, jien miniex nonqsok: mhux b’dinar ftehimt miegħi?
- Ħu dak li hu tiegħek u mur. Irrid nagħti lil dan tal-aħħar daqshekk ukoll.
- Ma nistax nagħmel li rrid bi ħwejġi? Jew għajnejk ħażina, għax jien tajjeb?
- Hekk tal-aħħar ikun l-ewwel, u tal-ewwel l-aħħar: għax ħafna jissejħu, iżda ftit jingħażlu.
- U hu u tiela’ Ġerusalemm, Ġesù ħa t-tnax-il dixxiplu weħidhom fit-triq, u qalilhom:
- Ara, aħna telgħin Ġerusalemm; u bin il-bniedem jingħata f’idejn il-qassisin il-kbar u l-iskribi, u jikkundannawh għall-mewt.
- U jagħtuh lill-Ġentili biex jiddieħku bih, u jsawtuh, u jsallbuh: u fit-tielet jum iqum.
- Imbagħad resqet lejh omm ulied Żebedew ma’ wliedha, tagħtih qima, u tixtieq xi ħaġa minn għandu.
- U qalilha: Xi trid? Qaltlu: Għid lil dawn iż-żewġ uliedi joqogħdu wieħed fil-lemin tiegħek, u l-ieħor fix-xellug tiegħek, fis-saltna tiegħek.
- Iżda Ġesù wieġeb u qal: Ma tafux x’intom titolbu. Tistgħu intom tixorbu mit-tazza li għandi nixrob, u titgħammdu bil-magħmudija li biha jien imgħammed? Qalulu: Nistgħu.
- Qalilhom: Tassew tixorbu mit-tazza tiegħi, u titgħammdu bil-magħmudija li tgħammidt jien: iżda li toqgħodu fuq il-lemin tiegħi, u fuq ix-xellug, mhux minni li jingħata, iżda jingħata lil dawk li għalihom hu mhejji minn Missieri.
- U malli l-għaxra semgħu dan, tmasħnu għaż-żewġt aħwa.
- Imma Ġesù sejħilhom u qalilhom: Intom tafu li l-ħakkiema tal-Ġentili jaħkmu fuqhom, u l-kbarat jużaw setgħa fuq-hom.
- Mhux hekk ikun fostkom: iżda kull min irid isir kbir fostkom, ħa jkun il-qaddej tagħkom;
- U kull min irid ikun l-ewwel fostkom, ħa jkun il-qaddej tagħkom:
- Bħalma Bin il-bniedem ma ġiex biex ikun moqdi, iżda biex jaqdi, u jagħti ħajtu b’fidwa għal ħafna.
- U huma u ħerġin minn Ġeriko, folla kbira ta’ nies marret warajh.
- U, ara, żewġt irġiel għomja li kienu bil-qiegħda fil-ġenb tat-triq, kif semgħu li Ġesù kien għaddej, għajtu, billi qalu: O Mulej, bin David, ħenn għalina.
- In-nies ċanfrithom, biex jisktu. Iżda huma bdew jgħajtu aktar, billi qalu: Ħenn għalina O Mulej, Bin David.
- U waqaf Ġesù, u sejħilhom, u qal: Xi triduni nagħmlilkom?
- Qalulu: Mulej, biex jinfetħu għajnejna.
- Kellu ħniena minnhom Ġesù, u mess għajnejhom; u minnufih għajnejhom ħadu d-dawl, u marru warajh.
Mattew 21
- U xħin qorbu lejn Ġerusalemm, u ġew Betfaġe, lejn il-għolja taż-Żebbuġ, Ġesù bagħat żewġ dixxipli,
- Hu u jgħidilhom: Morru fir-raħal li qiegħed in-naħa l-oħra tagħkom, u minnufih issibu ħmara marbuta, u felu magħha: ħolluhom, u ġibuhomli.
- U jekk xi ħadd igħidilkom xi ħaġa, għidu: l-Mulej għandu bżonnhom; u minnufih jibgħathom.
- Dan kollu sar, biex iseħħ dak li ntqal mill-profeta li jgħid:
- Għidu lil bint Sijon: Ara, is-Sultan tiegħek jiġi għandek, ġwejjed, u riekeb fuq ħmara, u felu bin ħmara.
- U d-dixxipli marru, u għamlu kif ordnalhom Ġesù.
- U ġiebu l-ħmara, u l-felu, u qiegħdu ħwejjiġhom fuqhom, u rikkbuh fuqhom.
- U folla kbira ta’ nies firxu ħwejjiġhom fit-triq; oħrajn qatgħu friegħi mis-siġar, u xeħtuhom fit-triq.
- U l-folol tan-nies li kienu mexjin quddiem, u dawk li kienu ġejjin wara, għajtu, billi qalu: Osanna lil bin David: Imbierek dak li ġej f’isem il-Mulej: Osanna fl-aktar għoli.
- U meta daħal Ġerusalemm, il-belt kollha tqanqlet, billi qalet: Min hu dan?
- U l-folla tan-nies qalet: Dan hu Ġesù l-profeta minn Nażaret tal-Galilija.
- Ġesù daħal fit-Tempju ta’ Alla, qabad ikeċċi ’l barra l-bejjiegħa u x-xerrejja kollha li kien hemm fit-Tempju, u qaleb l-imwejjed tas-sarrafa tal-flus u s-siġġijiet ta’ dawk li kienu jbigħu l-ħamiem.
- U qalilhom: “Hemm miktub li ‘id-dar tiegħi tkun tissejjaħ dar it-talb.’ Intom, imma, għamiltuha għar tal-ħallelin!’
- U resqu lejh il-għomja u z-zopop fit-tempju; u fejjaqhom.
- U meta l-qassisin il-kbar u l-iskribi ma felħux jissaportu meta raw l-għeġubijiet li kienu qegħdin isiru u lit-tfal fit-tempju jgħajtu u jgħidu: ‘Hosanna lil Bin David!’
- U qalulu: “Qiegħed tisma’ x’inhuma jgħidu dawn?” “Iva,” qalilhom Ġesù; “Qatt ma qrajtu li ‘minn fomm it-tfal u t-trabi tal-ħalib int hejjejt tifħir għalik’?
- U ħalliehom, u ħareġ barra mill-belt għal Betanja; u baqa’ hemm.
- Issa filghodu hu u sejjer lura lejn il-belt, ħadu l-ġuħ.
- U xħin ra siġra tat-tin fit-triq, resaq lejha, u ma sab xejn fiha, ħlief weraq, u qalilha: Qatt iżjed ma jsir frott minnek għal dejjem. U minn dak il-ħin is-siġra tat-tin nixfet.
- U xħin id-dixxipli raw dan, stagħġbu, huma u jgħidu: Kif f’daqqa waħda s-siġra tat-tin nixfet!
- U wieġeb Ġesù, u qalilhom: Tassew ngħidilkom: Jekk għandkom fidi, u ma tiddubitawx, mhux biss tagħmlu dan li sar mis-siġra tat-tin, iżda wkoll jekk tgħidu lil dil-muntanja: Inqala’, u nxteħet bil-baħar; dan isir.
- U kulma titolbu fit-talb, billi temmnu, taqilgħu.
- Daħal fit-tempju, u waqt li kien qiegħed igħallem, resqu fuqu l-qassisin il-kbar u l-anzjani tal-poplu u qalulu: Int b’liema awtorità qiegħed tagħmel dan kollu? U min tahielek din l-awto-rità?
- U wieġeb Ġesù, u qalilhom: Jien ukoll insaqsikom ħaġa, li jekk tgħiduhieli, jien ukoll ngħidilkom b’liema awtorità nagħmel dawn il-ħwejjeġ.
- Il-magħmudija ta’ Ġwanni, mnejn kienet? Mis-sema, jew mill-bnedmin? U huma tkellmu bejniethom, u bdew igħidu: Jekk ngħidu: Mis-sema; igħidilna: Għaliex mela ma emmintuhx?
- Iżda jekk ngħidu: Mill-bnedmin; kienu jibżgħu min-nies; għax kollha jżommu ’l Ġwanni bħala profeta.
- U wieġbu ’l Ġesù, u qalu: Ma nistgħux ngħidu. U qalilhom: Lanqas jien ma ngħidilkom b’liema awtorità nagħmel dawn il-ħwejjeġ.
- Iżda x’jidrilkom? Wieħed raġel kellu żewġ ulied; u resaq fejn l-ewwel wieħed, u qal: Ibni, mur aħdem illum fil-għalqa tad-dwieli tiegħi.
- Dak wieġeb u qal: Ma rridx: iżda wara nidem, u mar.
- U resaq fejn it-tieni wieħed, u qal l-istess. U wieġeb u qal: Immur, Sinjur: u ma marx.
- Liema minnhom it-tnejn għamel ir-rieda ta’ missieru? Qalulu: L-ewwel wieħed. Ġesù qalilhom: Tassew ngħidilkom: Il-pubblikani u l-prostituti jmorru qabilkom fis-saltna t’Alla
- Għax ġiekom Ġwanni fit-triq tal-ħaqq, u ma emmintuhx: iżda l-pubblikani u l-prostituti emmnuh: u intom, meta rajtu dan, ma ndimtux wara, biex temmnuh.
- Isimgħu parabbola oħra: Kien hemm sid dar, li ħawwel għalqa dwieli, u dawwarha b’ħajt, u ħaffer fiha magħsar, u bena torri, u qabbilha lill-bdiewa, u mar f’pajjiż fil-bogħod.
- U meta qorob żmien il-frott, bagħat il-qaddejja tiegħu għand il-bdiewa, biex jieħdu l-frott tagħha.
- U l-bdiewa qabdu l-qaddejja tiegħu, u lil wieħed sawtuh, u lil ieħor qatluh, u lil ieħor ħaġġruh.
- Raġa’ bagħat qaddejja oħra aktar minn tal-ewwel: u għamlulhom l-istess.
- Imma fl-aħħar bagħtilhom lil ibnu, billi qal: Lil ibni juruh ġieh.
- Iżda l-bdiewa kif raw l-iben, qalu bejniethom: Dan hu l-werriet; ejjew ħa noqtluh, u nieħdu wirtu.
- U qabduh, u xeħtuh barra mill-għalqa tad-dwieli, u qatluh.
- Mela meta jiġi sid il-għalqa tad-dwieli, x’jagħmlilhom lil dawk il-bdiewa?
- Qalulu: Jeqred bla ħniena lil dawk l-irġiel ħżiena, u jqabbel il-għalqa tad-dwieli tiegħu lill-bdiewa oħra, li jagħtuh il-frott fi żmienu.
- Ġesù qalilhom: Qatt ma qrajtu fl-iskrittura: Il-ġebla li ma ridux il-bennejja, saret il-ġebla tax-xewka: dan għemil il-Mulej, u hu tal-għaġeb f’għajnejna?
- Għalhekk ngħidilkom: Is-saltna ta’ Alla tittieħed minn għandkom, u tingħata lill-ġens li jagħti l-frott minnha.
- U kull min jaqa’ fuq dil-ġebla jitkisser: iżda fuq kull min taqa’, titħnu trab.
- U xħin il-qassisin il-kbar u l-Fariżej semgħu l-parabboli tiegħu, għarfu li tkellem fuqhom.
- Iżda meta fittxu biex imiddu idejhom fuqu, beżgħu mill-ġemgħa tan-nies, għax kienu jżommuh bħala profeta.
Mattew 22
- U wieġeb Ġesù, u raġa’ kellimhom bil-parabboli, u qal:
- Is-saltna tas-smewwiet tixbah lil wieħed sultan, li għamel tieġ lil ibnu.
- U bagħat il-qaddejja tiegħu jsejħu l-mistednin għat-tieġ: u ma ridux jiġu.
- Raġa’ bagħat qaddejja oħra, billi qal: Għidu lill-mistednin: Araw, jien hejjejt il-mejda tiegħi: il-gniedes u l-magħlufin tiegħi nqatlu, u kollox imhejji: ejjew għat-tieġ.
- Iżda dawk ma ħabblux rashom, u telqu, min fir-razzett tiegħu, u min għan-negozju tiegħu:
- U l-oħrajn żammew il-qaddejja tiegħu, u żebilħuhom, u qatluhom.
- Imma x’ħin is-sultan sama’ dan, għadab; u bagħat is-suldati tiegħu, u qered lil dawk il-qattiela, u ħaraq il-belt tagħhom.
- Imbagħad qal lill-qaddejja tiegħu: It-tieġ lest, iżda dawk li kienu mistednin ma kienx jistħoqqilhom.
- Morru għalhekk f’salib it-toroq, u lil kull min issibu, sejħulu għat-tieġ.
- U dawk il-qaddejja marru f’salib it-toroq, u ġemgħu flimkien lil kull min sabu, sew ħżiena u kemm tajbin: u t-tieġ imtela bil-mistednin.
- U xħin is-sultan daħal biex jara il-mistednin, ra hemm raġel li ma kellux fuq libsa tat-tieġ.
- U qallu: Ħabib, kif ġejt hawn ġew meta ma għandikx libsa tat-tieġ? U dak tbikkem.
- Imbagħad qal is-sultan lill-qaddejja: Orbtulu idejh u saqajh, u ħuduh, u ixħtuh fid-dlam ta’ barra; hemm ikun hemm biki u tgħażgħiż tas-snien.
- Għax ħafna huma msejħin, iżda ftit huma magħżulin.
- Marru mbagħad il-Fariżej, u tħaddtu bejniethom kif jonsbuh fi kliemu.
- U bagħatulu d-dixxipli tagħhom ma’ l-Erodjani, igħidu: Mgħallem, nafu li int wieħed li tħobb is-sewwa, u tgħallem it-triq ta’ Alla fis-sewwa, u lanqas għandek ħsiebek f’ħadd: għax int ma tħarisx lejn wiċċ il-bnedmin.
- Għidilna mela: X’jidhirlek? ħuwa skont il-liġi li nħallsu t-taxxi lil Ċesri, jew le?
- Iżda Ġesù għaraf il-ħażen tagħhom, u qal: Għaliex qegħdin iġġarbuni, ja ipokriti?
- Uruni l-flus tal-ħaraġ. U huma ġibulu dinar.
- U qalilhom: Ta’ min hi dix-xbieha u l-kitba?
- Qalulu: Ta’ Ċesri. Imbagħad qalilhom: Roddu mela ’l Ċesri dak li hu ta’ Ċesri; u ’l Alla dak li hu ta’ Alla.
- Malli semgħu dal-kliem, stagħġbu, u ħallewh, u telqu.
- Dak in-nhar stess resqu lejh is-Sadduċej, li jgħidu li m’hemmx qawma mill-imwiet; u staqsewh,
- Igħidulu: Mgħallem, Mosè qal, ‘Jekk wieħed imut u ma jħallix tfal, l-armla tiegħu jkollu jiżżewwiġha ħuh, biex dan inissel ulied għal ħuh.’
- Kellna fostna sebat aħwa; l-ewwel imwieled iżżewweġ, u miet bla tfal; għalhekk ħalla l-armla tiegħu għal ħuh.
- It-tieni wieħed ġralu l-istess, u t-tielet ukoll, u hekk sas-seba’ wieħed.
- Fl-aħħar, wara kulħadd, mietet il-mara.
- Issa din, fil-qawmien tal-imwiet, mart min minnhom is-sebgħa tkun? Għax ilkoll kienu ħaduha.
- Weġibhom Ġesù: Kemm sejrin żball, għax la tafu l-Iskrittura u lanqas il-qawwa ta’ Alla!
- Għax fil-qawmien tal-imwiet in-nies la jżewġu u lanqas jiżżewġu, imma jkunu bħal l-anġli fis-sema.
- U fuq il-qawma mill-imwiet, ma qrajtux dak li qalilhom Alla, li jgħid:
- Jiena hu Alla ta’ Abraham, u Alla ta’ Iżakk, u Alla ta’ Ġakobb’? Alla mhux Alla tal-mejtin, iżda tal-ħajjin!
- U meta n-nies semgħu dan, stagħġbu bit-tagħlim tiegħu.
- Imma l-Fariżej xħin semgħu li kien sikket lis-Sadduqin, inġemgħu flimkien.
- Imbagħad wieħed minnhom, li kien avukat, għamillu mistoqsija, biex iġarrbu, u qallu:
- Mgħallem, liema hu l-akbar kmandament fil-liġi?
- Qallu Ġesù: Ħobb il-Mulej Alla tiegħek b’qalbek kollha, u b’ruħek kollha, u b’moħħok kollu.
- Dan hu l-ewwel u l-akbar kmandament.
- U bħal dan hu t-tieni: Ħobb il-proxxmu tiegħek bħalek innifsek.
- F’dawn iż-żewġ kmandamenti qiegħda l-liġi u l-profeti.
- Malli l-Fariżej nġemgħu flimkien, Ġesù staqsiehom,
- Igħidilhom: X’taħsbu intom fuq Kristu? Bin min hu? Qalulu: Bin David.
- Qalilhom: Kif mela David fl-Ispirtu jsejjaħlu Sidu, billi jgħid:
- U l-Mulej qal lil Sidi: Oqgħod fil-lemin tiegħi, sa ma nqiegħed l-għedewwa tiegħek b’mirfes riġeljk?
- Jekk mela David isejjaħlu Sidu, kif inhu ibnu?
- U ħadd ma sata’ jwieġbu kelma, lanqas ħadd ma kellu ħila minn dak in-nhar ’il quddiem jistaqsih xejn iżjed.
Mattew 23
- Imbagħad Ġesù kellem lill-folol tan-nies, u lid-dixxipli tiegħu.
- Billi qal: L-iskribi u l-Fariżej joqgħodu fuq is-siġġu ta’ Mosè:
- Ħarsu u għamlu mela kulma jgħidulkom biex tħarsu; iżda la tagħmlux l-opri tagħhom: għax igħidu, u ma jagħmlux.
- Għax jorbtu tagħbijiet tqal u li ma jistgħux jintrefgħu, u jgħabbuhom fuq spallejn il-bnedmin; iżda huma nfushom ma jridux iqanqluhom b’wieħed mis-swaba tagħhom.
- Iżda jagħmlu l-opri kollha tagħhom biex jarawhom il-bnedmin: iwessgħu l-filatteri tagħhom, u jkabbru l-freneż ta’ lbieshom,
- U jħobbu l-ewwel postijiet fl-imwejjed, u l-ewwel siġġijiet fis-sinagogi,
- U t-tislim fil-pjazez, u li jissejħu minn nies: Rabbi, Rabbi.
- Imma intom tħallux min isejħilkom rabbi, għax wieħed hu l-Imgħallem tagħkom, li Hu Kristu; u intom ilkoll aħwa.
- U ssejħu lil ħadd missierkom fuq din l-art, għax il-Missier tagħkom wieħed hu, dak li hu fis-smewwiet.
- Hekk ukoll tħallux min isejħilkom mexxejja, għax il-mexxej tagħkom wieħed hu, il-Kristu.
- Iżda dak li hu l-akbar fostkom ikun il-qaddej tagħkom.
- U kull min jitgħolla jitniżżel: u kull min jitniżżel jitgħolla.
- Iżda għali kbir għalikom, skribi u l-Fariżej, ipokriti! Intom tagħlqu s-saltna tas-smewwiet għall-bnedmin: u la intom ma tidħlu fiha, u lanqas tħallu lil ħaddieħor li jkun irid jidħol.
- Ħażin għalikom, skribi u Fariżej, ipokriti! Għaliex tibilgħu d-djar tar-romol, u b’turija tagħmlu talbiet twal: għalhekk tieħdu l-akbar kundanna.
- Għali kbir għalikom, skribi u Fariżej, ipokriti! għaliex id-duru baħar u art biex tagħmlu prosèlita wieħed, u malli jkun sar, tagħmluh bin l-infern darbtejn iżjed minnkom.
- Ħażin għalikom, ja mexxejja għomja, li tgħidu: Kull min jaħlef bit-tempju, mhu xejn; iżda kull min jaħlef bid-deheb tat-tempju, jintrabat!
- Ja boloh u għomja: għaliex liema hu l-akbar, id-deheb, jew it-tempju li jqaddes id-deheb?
- U: Kull min jaħlef bl-artal, mhu xejn: iżda kull min jaħlef bl-offerta li hi fuqu, hu ħati.
- Ja boloh u għomja: għaliex liema hu l-akbar, l-offerta, jew l-artal li jqaddes l-offerta?
- Min mela jaħlef bl-artal, jaħlef bih, u bil-ħwejjeġ kollha li huma fuqu.
- U kull min jaħlef bit-tempju, jaħlef bih, u b’dak li jgħammar fih.
- U min jaħlef bis-sema, jaħlef bit-tron ta’ Alla, u b’dak li qiegħed fuqu.
- Għali kbir għalikom, skribi u Fariżej, ipokriti! għaliex intom tħallsu d-dieċmi fuq in-nagħniegħ u l-busbies u l-kemmun; u ħallejtu l-akbar ħwejjeġ tal-liġi: il-ħaqq, il-ħniena, u l-fidi: dawn kien imisskom għamiltu, u ma tħallux lill-oħrajn mhux magħmulin.
- Ja mexxejja għomja, li ssaffu nemusa, u tibilgħu ġemel.
- Għali kbir għalikom, skribi u Fariżej, ipokriti! għaliex tnaddfu n-naħa ta’ barra tat-tazzi u tad-dixx, iżda minn ġewwa huma mimlijin bir-reg?ba u b’xewqat g?alikom infuskom.
- Ja Fariżej agħma, naddaf l-ewwel dak li hu minn ġewwa fit-talzza u fid-dixx, biex barra tagħhom ikun nadif ukoll.
- Għali kbir għalikom, skribi u Fariżej, ipokriti! għaliex intom tixbhu lill-oqbra mbajda, li tassew minn barra jidhru sbieħ, iżda minn ġewwa huma mimlija bil-għadam tal-mejtin, u b’kull faħx.
- Hekk ukoll intom minn barra tidhru nies sewwa lill-bnedmin, iżda minn ġewwa intom mimlija bl-ipokresija u l-ħażen.
- Għali kbir għalikom, skribi u Fariżej, ipokriti! għaliex intom tibnu l-oqbra tal-profeti, u żżejnu l-monumenti tan-nies sewwa,
- U tgħidu: kieku konna fil-jiem missirijietna, aħna ma konniex inkunu sħab magħhom fid-demm tal-profeti.
- Għalhekk intom xhieda għalikom infuskom, li intom ulied dawk li qatlu l-profeti.
- Imlew mela l-kejl ta’ missirijietkom.
- Ja sriep u nisel il-lifgħat, kif se taħarbu mill-kundanna tal-infern?
- Għalhekk, ara, jien nibgħatilkom profeti, u għorrief, u skribi: u x’uħud minnhom intom toqtlu u ssalbu; u x’uħud minnhom issawtu fis-sinagogi tagħkom, u tippersegwitawhom minn belt għal belt:
- Biex jiġi fuqkom id-demm kollu tan-nies sewwa mċarċar fuq l-art, mid-demm ta’ Abel raġel sewwa sad-demm ta’ Żakkarija, bin Barakija, li qtiltu bejn it-tempju u l-artal.
- Tassew ngħidlkom: Għad jiġu dawn il-ħwejjeġ kollha fuq din il-ġenerazzjoni.
- Ja Ġerusalemm, Ġerusalemm, int li toqtol il-profeti, u tħaġ-ġar lil dawk li jinbagħtulek, kemm-il darba ridt niġma’ lil uliedek flimkien, bħalma tiġieġa tiġbor il-flieles tagħha taħt ġwinħajha, u inti ma ridtx!
- Ara, darkom tibqagħlkom ħerba.
- Għax ngħidilkom: Ma tarawnix minn issa ’l quddiem, sa ma tgħidu: Imbierek dak li ġej f’isem il-Mulej.
Mattew 24
- U ħareġ Ġesù, u telaq mit-tempju: u resqu lejh id-dixxipli tiegħu biex juruh il-bini tat-tempju.
- U qalilhom Ġesù: Tarawx dawn il-ħwejjeġ kollha? Tassew ngħidilkom: Ma titħalliex hawn ġebla fuq oħra, li ma tiġġarrafx.
- U hu u qiegħed fuq il-għolja taż-Żebbuġ, id-dixxipli resqu fejnu bil-moħbi, igħidu: Għidilna, meta jiġru dawn il-ħwejjeġ? U x’ikun is-sinjal tal-miġja tiegħek, u ta’ tmiem taż-żmien?
- U wieġeb Ġesù, u qalilhom: Araw li ħadd ma jqarraq bikom.
- Għax jiġu ħafna f’ismi jgħidu: Jien hu Kristu; u jqarrqu b’ħafna.
- U tisimgħu bi gwerer, u bi xnigħat ta’ gwerer: araw li ma titħawdux: għax dan kollu jaħtieġ jiġri, iżda għad mhux it-tmiem.
- Għax ġens iqum kontra ġens, u saltna kontra saltna: u jkun hemm ġuħ, u pesta, u theżhiż tal-art f’ħafna postijiet.
- Dawn kollha huma l-bidu tal-weġgħat.
- Imbagħad jagħtukom biex tinħaqru, u joqtlukom; u tinbagħadu minħabba f’ismi minn kull ġens.
- U mbagħad ħafna jitfixklu, u jittradixxu lil xulxin, u jobogħdu lil xulxin.
- U ħafna profeti foloz iqumu, u jqarrqu b’ħafna.
- U għax il-ħażen jiżdied, tibred l-imħabba ta’ ħafna.
- Iżda dak li jdum sa l-aħħar, ikun salvat.
- U dan l-evanġelju tas-saltna jixxandar mad-dinja kollha bħala xhieda lill-ġnus kollha; imbagħad jiġi t-tmiem.
- Għalhekk meta taraw il-għajb tal-ħerba, li fuqha tkellem il-profeta Danjel, qiegħda fil-lok imqaddes, (ħa jifhem min jaqra:)
- Imbagħad ħalli jaħarbu dawk li jkunu fil-Lhudija għall-muntanji:
- U dak li jkun fuq il-bejt ħalli ma jinżilx biex jieħu xi ħaġa minn daru:
- U dak li jkun fil-għalqa ħalli ma jarġax lura biex jieħu ħwejġu.
- U għali kbir għan-nisa tqal, u għal dawk li jreddgħu f’dawk il-jiem!
- Itolbu li l-ħarba tagħkom ma tkunx fix-xitwa, lanqas fis-sabat.
- Għax imbagħad ikun hemm tribulazzjoni kbira, li bħalha ma kienx hawn mill-bidu tad-dinja sa issa, le, lanqas jerġgħu jiġru.
- U jekk dawk il-jiem ma jkunux tqassru, ebda bniedem ma jkun salvat: iżda minħabba l-maħturin dawk il-jiem jiqsaru.
- Imbagħad jekk xi bniedem igħidilkom: Ara, hawn, jew hemm, hu Kristu, la temmnuhx.
- Għax iqumu Kristijiet foloz, u profeti foloz, u juru sinjali kbar u għeġubijiet; biex, jekk jista’ jkun, iqarrqu bil-maħturin ukoll.
- Ara, jien għidtilkom minn qabel.
- Jekk mela jgħidulkom: Ara, qiegħed fid-deżert; la toħorġux; ara, qiegħed fil-kmamar ta’ ġewwa la temmnux dan.
- Għax bħalma l-berqa tiġi mil-lvant, u tidher ukoll mill-punent; hekk ukoll tkun il-miġja ta’ Bin il-bniedem.
- Għax kull fejn ikun hemm il-ġisem mejjet, hemm l-ajkli jkunu miġmugħin flimkien.
- Minnufih wara t-tribulazzjoni ta’ dawk il-jiem ix-xemx tiddallam, u l-qamar ma jagħtix id-dawl tiegħu, u l-kwiekeb jaqgħu mis-sema, u l-qawwiet tas-smewwiet jitheżhżu:
- U mbagħad jidher is-sinjal ta’ Bin il-bniedem fis-sema: u mbagħad it-tribujiet kollha tal-art jolfqu, u jaraw Bin il-bniedm ġej fis-sħab tas-sema b’qawwa u glorja kbira.
- U jibgħat l-anġli tiegħu b’ħoss kbir ta’ tromba, u jiġbru flimkien il-maħturin tiegħu mill-erbat irjieħ, minn tarf sa tarf tas-sema.
- Issa mis-siġra tat-tin itgħallmu parabbola: Meta l-fergħa tagħha tkun għadha ratba, u toħroġ il-weraq, tafu li s-sajf ikun qorob:
- Hekk ukoll intom, meta taraw dawn il-ħwejjeġ kollha, kunu afu li qiegħed fil-qrib: fil-bibien.
- Tassew ngħidilkom: Din il-ġenerazzjoni ma tgħaddix, sa ma jseħħu dawn il-ħwejjeġ kollha.
- Is-sema u l-art jgħaddu, iżda kliemi ma jgħaddix.
- Imma dwar dak il-jum u dik is-siegħa ma jafhom ebda bniedem, le, lanqas l-anġli tas-sema, lanqas l-Iben, ħlief il-Missier waħdu.
- Iżda bħal ma kien fi żmien Noè, hekk tkun ukoll il-miġja ta’ Bin il-bniedem.
- Għax bħalma f’dawk il-jiem ta’ qabel id-dulluvju kienu jieklu u jixorbu, jiżżewġu u jingħataw għaż-żwieġ, sal-jum li fih Noè daħal fl-arka.
- U ma kinux jafu sa ma ġie d-dulluvju, u ħadhom ilkoll; hekk ukoll tkun il-miġja ta’ Bin il-bniedem.
- Mbagħad tnejn ikunu fl-għalqa: wieħed jittieħed u l-ieħor jitħalla;
- Żewġ nisa jkunu jitħnu f’mitħna flimkien: waħda tittieħed u l-oħra titħalla.
- Ishru mela: għax ma tafux f’liema jum għandu jiġi Sidkom.
- Iżda kunu afu dan: li kieku sid id-dar kien jaf f’liema sahra kellu jiġi l-ħalliel, kien jishar, u ma kienx iħalli daru tinfetaħ.
- Għalhekk intom ukoll kunu mhejjijin: għax fis-siegħa li ma taħsbux fiha jiġi Bin il-bniedem.
- 4. Min mela hu qaddej fidil u għaqli, li sidu qiegħdu fuq in-nies tad-dar tiegħu, biex jagħtihom l-ikel fil-waqt?
- Imbierek dak il-qaddej, li x’ħin jiġi sidu jsibu jagħmel hekk.
- 47 . Tassew ngħidilkom: Iqiegħdu fuq ġidu kollu.
- Iżda jekk dak il-qaddej ħażin igħid f’qalbu: Sidi jiddawwar;
- U jibda jsawwat lill-qaddejja sħabu, u jiekol u jixrob mas-sakranazzi;
- Jiġi sid dak il-qaddej f’jum li ma jistenniehx, u f’siegħa li ma jafx,
- U jqattgħu f’biċċtejn, u jagħtih sehmu ma’ l-ipokriti: hemm ikun hemm biki u tgħażgħiż tas-snien.
Mattew 25
- Imbagħad is-saltna tas-smewwiet tkun tixbaħ lil għaxar verġni, li ħadu l-imsieħ tagħhom, u ħarġu biex jiltaqgħu ma’ l-għarus.
- U ħamsa minnhom kienu għaqlin, u ħamsa kienu boloh.
- Dawk li kienu boloh ħadu l-lampi tagħhom, u ma ħadux żejt magħhom:
- Iżda l-għaqlin ħadu ż-żejt fil-kwies tagħhom mal-lampi tagħhom.
- Waqt li l-għarus iddawwar, kollha tniegħsu u raqdu.
- U f’nofs il-lejl kien hemm għajta: Ara, il-għarus; oħorġu biex tilqgħuh.
- Imbagħad dawk il-verġni kollha qamu, u hejjew il-lampi tagħhom.
- U l-boloh qalu lill-għaqlin: Agħtuna miż-żejt tagħkom, għax il-lampi tagħna ntfew.
- Iżda wieġbu l-għaqlin billi qalu: Mhux hekk; li ma jmurx ma jkunx hemm biżżejjed għalina u għalikom: iżda morru aħjargħand il-bejjiegħa, u ixtru għalikom.
- U filwaqt li marru jixtru, ġie l-għarus; u dawk li kienu lesti daħlu miegħu għat-tieġ, u l-bieb ingħalaq.
- Wara ġew ukoll il-verġni l-oħra, u bdew igħidu, ‘Mulej, Mulej, iftħilna!’
- Imma hu wieġeb u qal, ‘Tassew, ngħidilkom, ma nafkomx.’
- Ishru, mela, għaliex ma tafux la l-jum u lanqas is-siegħa.
- Għax is-saltna tas-smewwiet hi bħal meta bniedem li kien sejjer f’pajjiż fil-bogħod sejjaħ lill-qaddejja tiegħu u rħielhom ġidu f’idejhom.
- U lil wieħed tah ħames talenti, u lil ieħor tnejn, u lil ieħor wieħed, u lil kull wieħed skont il-ħila tiegħu; u minnufih baqa’ sejjer fil-vjaġġ tiegħu.
- Imbagħad dak li ħa l-ħames talenti mar u ħaddimhom, u qala’ ħames talenti oħra.
- U l-istess dak li kien ħa tnejn, hu wkoll qala’ tnejn oħra.
- Imma dak li kien ħa wieħed mar u ħaffer fl-art, u ħeba l-flus ta’ sidu.
- Wara ħafna żmien sid dawk il-qaddejja ġie, u għamel il-kontijiet magħhom.
- U resaq dak li kien ħa l-ħames talenti u ġieb ħames talenti oħra, igħidlu: Ja sid, int tajtni ħames talenti: ara, jien qlajt barra minnhom ħames talenti oħra.
- Qallu sidu: Sewwa, qaddej tajjeb u fidil; int kont fidil fi ftit ħwejjeġ, jien nagħmlek sid fuq ħafna ħwejjeġ: idħol fil-ferħ ta’ sidek.
- Resaq ukoll dak li kien ħa ż-żewġ talenti: u qal: Ja sid, inti tajtni żewġ talenti: ara, jien qlajt żewġ talenti oħra barra minnhom.
- Sidu qallu: Sewwa għalik, qaddej tajjeb u fidil; int kont fidil fi ftit ħwejjeġ; jien nagħmlek sid fuq ħafna: idħol fil-ferħ ta’ sidek.
- Imbagħad resaq ukoll dak li kien ħa talent wieħed u qal: Ja sid, jien naf li int raġel iebes, taħsad fejn ma żrajtx, u tiġma’ fejn ma xerridtx:
- U jien bżajt, u mort ħbejt it-talent tiegħek fl-art: ara, hawn għandek dak li hu tiegħek.
- Wieġeb sidu u qallu: Ja qaddej ħażin u għażżien, kont taf li jien naħsad fejn ma żrajtx, u niġbor fejn ma xerridtx:
- Int kellek mela tpoġġi flusi mal-bankiera, u mbagħad mal-miġja tiegħi jien kont nieħu bl-imgħax dak li hu tiegħi.
- Ħudulu mela t-talent, u agħtuh lil dak li għandu l-għaxar talenti.
- Għax lil kull min għandu jingħatalu, u jkollu ż-żejjed: imma mingħand dak li m’għandux jittieħed dak li għandu wkoll.
- U lil dan il-qaddej li ma jiswiex itfgħu ’il barra fid-dlam; hemmhekk ikun hemm il-biki u t-tgħażżiż tas-snien.
- Meta jiġi Bin il-bniedem fil-glorja tiegħu u bl-anġli kollha miegħu, imbagħad joqgħod fuq it-tron glorjuż tiegħu.
- U quddiemu jinġabru l-ġnus kollha, u hu jifridhom minn xulxin, bħalma r-ragħaj jifred in-ngħaġ mill-mogħoż;
- In-ngħaġ iqegħedhom fuq il-lemin tiegħu u l-mogħoż fuq ix-xellug.
- Imbagħad is-Sultan igħid lil dawk ta’ fuq il-lemin tiegħu, ‘Ejjew, imberkin minn Missieri, ħudu b’wirt tagħkom is-Saltna li thejjiet għalikom sa mis-sisien tad-dinja.
- Għax kelli l-ġuħ, u tajtuni niekol: kelli l-għatx, u tajtuni nixrob: barrani kont, u lqajtuni:
- Għarwien, u libbistuni: marid kont, u żortuni: fil-ħabs kont, u ġejtu tarawni.
- Imbagħad iwiġbuh in-nies sewwa, billi jgħidu: Mulej, meta rajniek bil-ġuħ, u tmajniek, jew bil-għatx, u sqejniek?
- Meta rajniek barrani, u lqajniek? Jew għarwien, u libbis-niek?
- U meta rajniek marid, jew fil-ħabs, u gejna għandek?
- U s-Sultan iweġibhom u jgħid, ‘Tassew, ngħidilkom, kull ma għamiltu ma’ wieħed mill-iżgħar fost dawn ħuti, għam-iltuh miegħi.’
- Imbagħad igħid ukoll lil dawk ta’ fuq ix-xellug, ‘Morru minn quddiemi, misħutin, fin-nar ta’ dejjem li thejja għax-Xitan u għal l-anġli tiegħu.
- Għax kelli l-ġuħ, u ma tajtunix niekol: kelli l-għatx, u ma tajtunix nixrob:
- Barrani kont, u ma lqajtunix: għarwien, u ma libbistunix; marid, u fil-ħabs, u ma żortunix.
- Imbagħad iwiġbuh huma wkoll, billi igħidu: Mulej, meta rajniek bil-ġuħ, jew bil-għatx, jew barrani, jew għarwien, jew marid, jew fil-ħabs, u ma waqafniex miegħek?
- Iweġibhom imbagħad u jgħidilhom, ‘Tassew, ngħidilkom, dak li ma għamiltux ma’ wieħed minn dawn iż-żgħar, anqas miegħi ma għamiltuh.
- U dawn imorru fil-kastig ta’ dejjem imma l-ġusti fil-ħajja ta’ dejjem.
Mattew 26
- U ġara, wara li Ġesù spiċċa dawn it-taħditiet kollha, illi qal lid-dixxipli tiegħu:
- Tafu li wara jumejn hu l-għid, u bin il-bniedem jingħata biex ikun imsallab.
- Imbagħad inġabru flimkien il-qassisin il-kbar, u l-iskribi, u l-anzjani tal-poplu, fil-palazz tal-qassis il-kbir, li kien jismu Qaifas.
- U tħaddtu kif jistgħu jaqbdu bil-qerq lil Ġesù, u joqtluh.
- Iżda qalu: Mhux nhar il-festa, li ma jkunx hemm xi rewwixta fost il-poplu.
- Issa meta Ġesù kien fil-Betanja, fid-dar ta’ Xmun l-imġiddem,
- Resqet fejnu mara li kellha vażett tal-alabastru b’żejt tal-fwieħa li jiswa wisq, u sawbitu fuq rasu hu u jiekol.
- Iżda meta d-dixxipli tiegħu raw dan, għadbu, billi qalu: Għaliex dal-ħela?
- Għax daż-żejt tal-fwieħa sata’ jinbiegħ wisq għali, u jingħata lill-foqra.
- Malli Ġesù għaraf dan, qalilhom: Għaliex qegħdin iddejqu lill-mara ladarba għemil tajjeb għamlet miegħi?
- Għax intom għandkom il-foqra dejjem magħkom; iżda mhux dejjem għandkom lili.
- Għax meta sawbet daż-żejt tal-fwieħa fuq ġismi, għamlitu għad-difna tiegħi.
- Tassew ngħidilkom: Kull fejn jixxandar dan l-evanġelju fid-dinja kollha, hemm ukoll dak li għamlet dil-mara, jingħad fuqha bħala tifkira tagħha.
- Imbagħad wieħed mit-tnax, jismu Ġuda Iskarjota, mar għand il-qassisin il-kbar.
- U qalilhom: Xi tridu tagħtuni, u jien nagħtihulkom f’idejkom? U wiżnulu tletin biċċa tal-fidda.
- U minn dak il-ħin beda jfittex il-waqt kif jittradih.
- Issa fl-ewwel jum tal-ażżmi d-dixxipli ġew għand Ġesù jgħidulu: Fejn trid li nhejjulek biex tiekol il-għid?
- U qal: Morru l-belt għand wieħed, u għidulu: L-Imgħallem igħid: Żmieni qorob; għandek nagħmel il-għid mad-dixxipli tiegħi.
- U d-dixxipli għamlu bħalma Ġesù ordnalhom; u hejjew il-għid.
- Issa meta sar filgħaxija, qagħad fuq il-mejda mat-tnax-il dixxiplu tiegħu.
- U huma u jieklu, qal: Tassew ngħidilkom li wieħed minnkom għandu jittradini.
- U kienu mnikkta wisq; u kull wieħed beda jgħidlu: Jaqaw jien. Mulej?
- U wieġeb, u qal: Dak li jbill b’idu miegħi fid-dixx jittradini:
- Bin il-bniedem imur kif inhu miktub fuqu: iżda għali kbir għal dak il-bniedem li minnu bin il-bniedem hu ittradut! Aħjar kien ikun għal dak il-bniedem li kieku ma twelidx.
- Imbagħad Ġuda, li ittradih, wieġeb u qal: jaqaw jien, Rabbi? Qallu: Inti għidt.
- U huma u jieklu, Ġesù ħa l-ħobż u bierku, u qasmu, u tah lid-dixxipli, u qal: Ħudu, kulu; dan hu ġismi.
- U ħa t-tazza, radd il-ħajr, u tahielhom, hu u jgħid: Ixorbu lkoll minnha;
- Għax dan hu demmi tar-rabta, li hu mxerred għal ħafna għall-maħfra tad-dnubiet.
- Iżda jien ngħidilkom: Minn issa ’l quddiem ma nixrobx minn dal-frott tad-dielja, sa dak in-nhar meta nixorbu ġdid magħkom fis-saltna ta’ Missieri.
- U wara li għannew innu, ħarġu għall-għolja taż-Żebbuġ.
- Imbagħad qalilhom Ġesù: Intom ilkoll titfixklu minħabba fija l-lejla: għax hu miktub: Insawwat ir-ragħaj, u n-nagħaġ tal-merħla jinxterdu.
- Iżda wara li nqum, immur qabilkom fil-Galilija.
- Iżda Pietru wieġeb, u qallu: Jekk ilkoll jitfixklu minħabba fik, jien qatt ma nitfixkel.
- Qallu Ġesù: Tassew ngħidlek, li dal-lejl, qabel ma jidden is-serduq, tiċħadni tliet darbiet.
- Qallu Pietru: Ukoll kieku kelli mmut miegħek, ma niċħdikx. L-istess ukoll qalu d-dixxipli kollha.
- Imbagħad Ġesù ġie magħhom f’qasam jismu Ġetsemani, u qal lid-dixxipli: Oqogħdu hawn, sakemm immur hemm u nitlob.
- U ħa miegħu lil Pietru, u liż-żewġ ulied Żebedew, u beda jitnikket, u jiddejjaq wisq.
- Qalilhom imbagħad: Imnikkta wisq ruħi; għall-mewt, ibqgħu hawn, u ishru miegħi.
- Mexa kemmxejn ’il quddiem, inxteħet wiċċu fl-art jitlob, u qal: ‘O Missieri, jekk jista’ jkun, ħa jitbiegħed minni din it-tazza! Imma mhux kif irrid jien, iżda kif trid int.
- U ġie fejn id-dixxipli, u sabhom reqdin, u qal lil Pietru: Kif, ma stajtux tishru siegħa miegħi?
- Ishru, u itolbu, biex ma tidħlux fit-tiġrib: tassew l-ispirtu mhejji, iżda l-ġisem dgħajjef.
- Raġa’ mar it-tieni darba, u talab, billi Qal: O Missieri, jekk din it-tazza ma tistax tgħaddi minni, bla ma nixorobha, ħa tkun magħmula r-rieda tiegħek.
- U ġie, u raġa’ sabhom reqdin: għaliex għajnejhom kienu mtaqqlin.
- U ħalliehom, u raġa’ mar, u talab it-tielet darba, billi qal l-istess kliem.
- Imbagħad ġie fejn id-dixxipli tiegħu u qalilhom: Orqdu issa, u ħudu l-mistrieħ tagħkom: ara, qorbot is-siegħa, u Bin il-bniedem jingħata f’idejn il-midinbin.
- Qumu, ejjew immorru: ara dak li ittradieni wasal.
- U fil-waqt li kien għadu jitkellem, ara, Ġuda, wieħed mit-tnax, ġie, u miegħu ġemgħa kbira ta’ nies bix-xwabel u bl-oħtra, mill-qassisin il-kbar u l-anzjani tal-poplu.
- Issa dak li ittradih tahom sinjal, billi qalilhom: Dak li jien inbus, hu dak stess; żommuh tajjeb.
- U malajr resaq lejn Ġesù, u qal: Is-sliem għalik, Mgħallem; u biesu.
- U qallu Ġesù: Ħabib, għalfejn ġejt? Imbagħad resqu, u meddew idejhom fuq Ġesù, u ħaduh.
- U, ara, wieħed minnhom li kienu ma’ Ġesù medd idu, u silet ix-xabla u ta daqqa lil wieħed mill-qaddejja tal-qassis il-kbir, u qatagħlu widintu.
- Qallu mbagħad Ġesù: Arġa’ qiegħed ix-xabla tiegħek f’postha; għax dawk kollha li jaqbdu x-xabla jintilfu bix-xabla.
- Taħseb int li jien ma nistax issa nitlob lil Missieri, u issa stess jibgħatli iżjed minn tnax-il-leġjun ta’ anġli?
- Iżda kif mela sseħħ l-iskrittura, li hekk jaħtieġ isir?
- F’dak il-ħin qal Ġesù lill-ġmiegħi tan-nies: Ħriġtu donnkom kontra xi ħalliel bix-xwabel u bil-bsaten biex teħduni? Jien kont noqgħod kuljum fit-tempju ngħallem, u ma ħadtunix.
- Iżda dan kollu ġara, biex isseħħ l-iskrittura tal-profeti. Imbagħad id-dixxipli kollha ħallewh, u ħarbu.
- U dawk li kienu qabdu lil Ġesù ħaduh għand Qajfas il-qassis il-kbir, fejn l-iskribi u l-anzjani kienu miġmugħin.
- Imma Pietru mar warajh mill-bogħod sal-palazz tal-qassis il-kbir, u daħal ġewwa, u qagħad mal-qaddejja, biex jara t-tmiem.
- Issa l-qassisin il-kbar, u l-anzjani, u l-kunsill kollu, bdew ifittxu xhieda qarrieqa kontra Ġesù, biex jagħtuh il-mewt;
- U ma sabu lil ħadd: iva, għalkemm ħafna xhieda qarrieqa ġew, ma sabu lil ħadd. Fl-aħħar ġew żewġ xhieda qarrieqa.
- U qalu: Dal-bniedem qal: Jien nista’ nħott it-tempju ta’ Alla, u nibnih fi tlitt ijiem.
- U l-qassis il-kbir qam bil-wieqafa, u qallu: Ma twieġeb xejn? X’inhu dan li dawn qegħdin jixhdu kontra tiegħek?
- Iżda Ġesù baqa’ sieket. U l-qassis il-kbir wieġeb u qallu: Nitolbok għal Alla l-ħaj, li tgħidilna jekk intix il-Kristu, l-Iben t’Alla.
- Qallu Ġesù: Inti għedt hekk. Imma ngħidilkom li mil-lum ’il-quddiem għad taraw lil Bin il-bniedem bilqiegħda n-naħa tal-lemin ta’ dak li jista’ kollox u ġej fuq is-sħab tas-sema.
- Imbagħad il-qassis il-kbir ċarrat ħwejġu, hu u jgħid: Dagħa: x’għandna bżonn iżjed ta’ xhieda? Ara, issa intom smajtu d-dagħwa tiegħu.
- X’jidhrilkom? U dawk wieġbu u qalu: Jistħoqqlu l-mewt.
- Imbagħad besqulu f’wiċċu, u tawh bil-ponn; u oħrajn tawh bil-ħarta.
- U qalulu: Ja Kristu, obsrolna: min hu dak li sawtek?
- Issa Pietru kien qiegħed barra fil-palazz: u resqet fejnu qaddejja, tgħid: Int kont ma’ Ġesù l-Galilew.
- 7 Imma hu ċaħad quddiem kulħadd billi qal: Ma nafx x’inti tgħid.
- 7U malli ħareġ fil-loġġa, qaddejja oħra ratu, u qalet lil dawk li kienu hemm: Dan ukoll kien ma’ Ġesù ta’ Nażaret.
- 7 U raġa’ ċaħad b’ħalfa: Ma nafux lil dal-bniedem.
- 7 U wara ftit resqu lejn dawk li kienu qegħdin hemm, u qalu lil Pietru: Tassew, int ukoll wieħed minnhom; għax kliemek jikxfek.
- 7 Imbagħad beda jisħet u jaħlef, billi qal: Ma nafux lil dan il-bniedem! U minnufih idden is-serduq.
- 7 U Pietru ftakar fil-kelma ta’ Ġesù, li kien qallu: Qabel ma jidden is-serduq, tiċħadni tliet darbiet. U ħareġ barra, beka biki tal-imrar.
Mattew 27
- Meta sebaħ, il-qassisn il-kbar kollha u l-anzjani tal-poplu, ftiehmu bejniethom kontra Ġesù biex joqtluh:
- U wara li rabtuh, ħaduh, u tawh f’idejn Ponzju Pilatu l-gvernatur.
- Imbagħad Ġuda, li ttradih, meta ra li kien ikkundannat, nidem, u raġa’ ġieb it-tletin biċċa tal-fidda lill-qassisin il-kbar u lill-anzjani.
- U qal: Dnibt billi ttradejt demm bla ħtija. Iżda huma qalu: Aħna x’nindaħlu? Dak arah int.
- U xeħet it-tletin biċċa tal-fidda fit-tempju, u telaq, u mar u tgħallaq.
- U l-qassisin il-kbar ħadu t-tletin biċċa tal-fidda, u qalu: Ma jiswiex li nqegħduhom fit-teżor, għax huma l-prezz tad-demm.
- U ftiehmu bejniethom, u xraw bihom il-għalqa ta’ wieħed jaħdem il-fuħħar, biex jidfnu l-barranin fiha.
- Għalhekk dik il-għalqa għadha msemmija sal-lum: Il-għalqa tad-demm.
- Imbagħad seħħ dak li qal il-profeta Ġeremija, li jgħid: U ħadu t-tletin biċċa tal-fidda, il-prezz ta’ dak li kien ipprezzat, u li wlied Iżrael kienu pprezzaw;
- U tawhom għall-għalqa ta’ dak li jaħdem il-fuħħar, kif il-Mulej qabbadni.
- U Ġesù qagħad wieqaf quddiem il-gvernatur; u l-gvernatur staqsieh, billi qal: Int is-Sultan tal-Lhud? U qallu Ġesù: Int qiegħed tgħid.
- U meta xlewh il-qassisin il-kbar u l-anzjani, ma wieġeb xejn.
- Imbagħad Pilatu qallu: Mintix tisma’ kemm ħwejjeġ qegħdin jixhdu kontra tiegħek?
- U ma wieġbu għall-ebda kelma: hekk li l-gvernatur stagħġeb wisq.
- Issa l-gvernatur f’dik il-festa kien imdorri jitlaq ħabsi lin-nies, lil dak li kienu jridu huma.
- U kellhom f’dak iż-żmien ħabsi magħruf, jismu Barabba.
- Għalhekk meta nġabru flimkien, Pilatu qalilhom: Lil min tridu li nitilqilkom? Lil Barabba, jew lil Ġesù li jgħidulu Kristu?
- Għax kien jaf li kienu tawhulu għall-għira.
- Xħin qagħad fuq is-siġġu tal-ħaqq, martu bagħtet tgħidlu: m’għandikx ikollok x’taqsam ma’ dak ir-raġel ġust: għax jien batejt wisq illum f’ħolma minħabba fih.
- Iżda l-qassisin il-kbar u l-anzjani dawru l-folla tan-nies biex jitolbu għal Barabba, u jeqirdu lil Ġesù.
- Il-gvernatur wieġeb u qalilhom: Lil min mit-tnejn tridu li nitilqilkom? Qalu: Barabba.
- Pilatu qalilhom: X’nagħmel mela b’Ġesù li jgħidulu Kristu? Qalu lkoll: Ħa jkun imsallab.
- U l-gvernatur qal: Għaliex, x’deni għamel? Imma huma aktar bdew igħajtu, Ħa jkun imsallab.
- Meta Pilatu ra li ma jista’ jagħmel xejn, imma pjuttost li kienet qiegħda tqum għagħa, ħa l-ilma, u ħasel idejh quddiem il-folla tan-nies, hu u jgħid: Jien m’għandi ebda ħtija fid-demm ta’ dar-raġel ġust; araw intom.
- Imbagħad in-nies kollha wieġbu, u qalu: Demmu fuqna, u fuq uliedna.
- Imbagħad telqilhom lil Barabba: u wara li sawwat lil Ġesù, tah biex ikun imsallab.
- Imbagħad is-suldati tal-gvernatur ħadu ’l Ġesù fil-pretorjuu ġemgħu madwaru l-qatgħa kollha tas-suldati.
- U neżżgħuh, u qiegħdu fuqu kappa tal-porpra.
- U wara li nisġu kuruna tax-xewk, qegħduha fuq rasu, u qasba f’idu l-leminija; u niżlu għarkobbtejhom quddiemu, u daħku bih, huma u jgħidu: Is-sliem, Sultan tal-Lhud!
- U besqu fuqu, u ħadu l-qasba, u sawtuh fuq rasu.
- U wara li ddieħku bih neħħew minn fuqu l-kappa, u libbsuh ħwejġu, u ħaduh biex isalbuh.
- U huma u ħerġin, sabu raġel minn Ċirenei, jismu Xmun; illi ġiegħlu jarfa’ s-salib.
- U meta waslu f’post igħidulu Golgota, jiġifieri, post il-qorriegħa,
- Tawh jixrob inbid imħallat bil-marrara: u meta daqu, ma riedx jixrob.
- U sallbuh u qasmu ħwejġu, billi tefgħu x-xorti: biex iseħħ dak li ntqal mill-profeta: Qasmu ħwejġi bejniethom, u fuq ħwejġi tefgħu x-xorti.
- U qagħdu bil-qiegħda hemm igħassulu;
- U qegħdulu miktuba fuq rasu l-ħtija tiegħu: Dan hu Ġesù, is-sultan tal-Lhud.
- Imbagħad kienu msallbin miegħu żewġ ħallelin, wieħed fil-lemin, u wieħed fix-xellug.
- U dawk li kienu jgħaddu kienu jgħajruh, huma u jċaqilqu rashom,
- U jgħidu: Int li tħott it-tempju, u tibnih fi tlitt ijiem, salva lilek innifsek. Jekk int l-Iben ta’ Alla, inżel mis-salib.
- Hekk ukoll il-qassisin il-kbar kienu jiddieħku bih, ma’ l-iskribi u ma’ l-anzjani, u jgħidu:
- Salva oħrajn; lilu nnifsu ma jistax isalva. Jekk hu s-Sultan ta’ Iżrael, ħa jinżel issa mis-salib, u nemmnuh.
- Hu fada f’Alla; ħa jeħilsu issa, jekk iridu: għax hu qal: Jien l-Iben t’Alla.
- Il-ħallelin ukoll, li kienu mislubin miegħu, żebilhuh.
- Issa mis-sitt siegħa kien hemm dlamijiet fuq l-art kollha sad-disa’ siegħa.
- U madwar id-disa’ siegħa Ġesù għajjat b’leħen qawwi, billi qal: Eli, Eli, lama sabaqtani? Li tfisser: Alla tiegħi, Alla tiegħi, għaliex abbandunajtni?
- X’uħud mili kienu qegħdin hemm, meta semgħu dan, qalu: Dal-bniedem qiegħed isejjaħ lil Elija.
- U minnufih wieħed minnhom ġera, u ħa sponża, u mlieha bil-ħall, u qiegħdha fuq qasba, u tah jixrob.
- L-oħrajn qalu: Stenna: ħa naraw jekk jiġix Elija jsalvah.
- Ġesù, wara li raġa’ għajjat b’leħen qawwi, radd ruħu.
- U, ara, il-purtiera tat-tempju ċċartet f’biċtejn minn fuq s’isfel, u l-art theżhżet, u l-blat inferaq;
- U l-oqbra nfetħu; u ħafna iġsma tal-qaddisin li kienu reqdin qamu.
- U ħarġu mill-oqbra wara l-qawmien tiegħu, u daħlu fil-belt imqaddsa, u dehru lil ħafna.
- Issa kif iċ-ċenturjun, u dawk li kienu miegħu jgħassu ’l Ġesù, raw it-theżhiż tal-art, u l-ħwejjeġ li kienu ġraw, beżgħu wisq, u qalu: Tassew dan kien l-Iben t’Alla.
- U kien hemm ħafna nisa fil-bogħod jaraw, li kienu ġew wara Ġesù mill-Galilija, biex jieqfu miegħu:
- Fosthom kienet Marija Maddalena, u Marija omm Ġakbu u Ġożè, u omm ulied Żebedew.
- Xħin sar filgħaxija, ġie raġel għani minn Arimatija, jismu Ġużeppi, li kien hu wkoll dixxiplu ta’ Ġesù.
- Dan mar għand Pilatu, u talab il-ġisem ta’ Ġesù. Imbagħad Pilatu ordna li l-ġisem ta’ Ġesù jingħata.
- U meta Ġużeppi ħa l-ġisem, geżwru f’biċċa tal-għażel nadifa.
- U qiegħdu fil-qabar ġdid tiegħu stess li kien ħaffer fil-blat; u gerbeb ġebla kbira quddiem il-bieb tal-qabar, u telaq.
- U kien hemm Marija Maddalena, u Marija l-oħra, bil-qiegħda n-naħa l-oħra tal-qabar.
- Issa, l-għada, li kien wara l-jum tat-thejjija, il-qassisin il-kbar u l-Fariżej ġew flimkien għand Pilatu.
- Igħidu: Sinjur, aħna niftakru li dak il-qarrieq qal, meta kien għadu ħaj: Wara tlitt ijiem iqum.
- Ordna mela li l-qabar ikun imħares sat-tielet jum; li ma jiġux id-dixxipli tiegħu bil-lejl, u jisirquh, u jgħidu lin-nies: Qam mill-imwiet: u l-aħħar qerq ikun agħar minn tal-ewwel.
- Qalilhom Pilatu: Għandkom il-għassa; morru, għassuh kif tafu.
- Marru mela, u għalqu l-qabar tajjeb, billi issiġillaw il-ġebla, u ħallew il-għassa.
Mattew 28
- Wara s-sabat, malli kien qiegħed jisbaħ fl-ewwel jum tal-ġimgħa, ġiet Marija Maddalena u Marija l-oħra jaraw il-qabar.
- U, ara, kien hemm theżhiża kbira tal-art għax anġlu tal-Mulej niżel mis-sema, u ġie u qaleb il-ġebla mill-bieb, u qagħad bil-qiegħda fuqha.
- Wiċċu kien donnu berqa, u libstu bajda bħas-silġ:
- U bil-biża’ tiegħu l-għassiesa triegħdu, u saru qishom mejtin.
- U l-anġlu wieġeb u qal lin-nisa: “Tibżgħu xejn, intom, għax jien naf li qegħdin tfittxu lil Ġesù li kien imsallab.
- Mhuwiex hawn, għaliex qam, kif kien qal. Ejjew araw il-post fejn kien qiegħed il-Mulej.
- U morru malajr, u għidu lid-dixxipli tiegħu li qam mill-imwiet; u, ara, hu jmur qabilkom fil-Galilija; hemm tarawh: ara jien għidtilkom.
- U telqu malajr mill-qabar b’biża’ u b’ferħ kbir: u marru jiġru jħabbru lid-dixxipli tiegħu.
- U huma u sejrin biex igħidu lid-dixxipli tiegħu, ara, Ġesù ltaqa’ magħhom, u qalilhom: Is-sliem għalikom. U resqu, u qabdulu riġlejh u qimuh.
- Imbagħad qalilhom Ġesù: La tibżgħux: morru ħabbru lil ħuti biex imorru fil-Galilija, u hemm jarawni.
- Issa meta kienu sejrin, ara, x’uħud mill-għassiesa ġew fil-belt, u ħabbru lill-qassisin il-kbar il-ħwejjeġ kollha li kienu ġraw.
- U wara li nġemgħu ma’ l-anzjani, u ftiehmu, taw bosta flus lis-suldati.
- Billi qalulhom: Għidu li d-dixxipli tiegħu ġew bil-lejl, u serquh aħna u reqdin.
- U jekk dan jiġi f’widnejn il-gvernatur, aħna ndawruh, u lilkom neħilsukom mill-inkwiet.
- Għalhekk ħadu l-flus, u għamlu kif kienu mgħallmin.
- Imbagħad il-ħdax-il dixxiplu marru fil-Galilija, fuq muntanja fejn Ġesù kien qalilhom.
- U malli rawh, qimuh: iżda wħud iddubitaw.
- Resaq Ġesù u kellimhom, billi qal: Lili ngħatat l-awtorità kollha fis-sema u fl-art.
- Morru mela, u agħmlu dixxipli mill-ġnus kollha, u għammduhom fl-Isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu Qaddis.
- U għallmuhom iħarsu l-ħwejjeġ kollha li ordnajtilkom: u, ara, jien dejjem magħkom, sa tmiem iż-żmien.