L-Evanġelju Skont Ġwanni
L-EVANĠELJU SKONT ĠWANNI
Dwar Dan il-Ktieb
L-enfasi speċjali ta’ Ġwanni hija d-Divinità ta’ Ġesù. Jikkonsisti prinċipalment minn Diskorsi u Konverżjonijiet ta’ Ġesù. Jagħti affarijiet li Ġesù Qal pjuttost milli affarijiet li Hu għamel. Min huwa Ġesù Kristu? Ġwanni jwieġeb din il-mistoqsija fl-ewwel kapitlu tiegħu. Juża l-kliem ta’ għanja Kristjana antika, hu jsejjaħ lil Ġesù “il-Kelma” (Logos) li biha Alla ħalaq kollox u li biha ta l-ħajja lil kulħadd (1:3, 4).
Id-data ta’ dan l-Evanġelju normalment hija assenjata għal madwar 90 W.K.
Għaliex Ġwanni kiteb? Ġwanni nnifsu jgħidilna, “… sabiex intom temmnu li Ġesù hu l-Messija Bin Alla, u biex bit-twemmin tagħkom ikollkom il-ħajja f’ismu” (Ġwanni 20:31). Kif dan huwa possibbli? Ġesù jwieġeb dik il-mistoqsija fil-kliem Tiegħu lil Nikodemu:
“16Għax Alla hekk ħabb lid-dinja, li ta l-Iben, l-uniku mnissel tiegħu, biex kull min jemmen bih ma jintilifx, iżda jkollu l-ħajja eterna” (Ġwanni 3:16).
Ħarsa Ħafifa Lejn Dan il-Ktieb
• Għaliex Luqa Kiteb Dan il-Ktieb (1:1-4)• Għanja f’Tifħir tal-Kelma (1:1-18)
• Il-Messaġġ ta’ Ġwanni l-Battista (1:19-34)
• Ġesù Jagħżel l-Ewwel Dixxipli Tiegħu (1:35-51)
• Is-Seba’ Mirakli Speċjali ta’ Ġesù (2:1—12:50)
• L-Aħħar Ġimgħa ta’ Ġesù: It-Tiġrib u l-Mewt Tiegħu (13:1—19:42)
• Ġesù Hu Ħaj (20:1-10)
• Ġesù Jidher lid-Dixxipli Tiegħu u Jagħtihom il-Kummissjoni l-Kbira (20:11—21:25)
Ġwanni 1
- Fil-bidu kienet il-Kelma, u l-Kelma kienet ma’ Alla, u l-Kelma kienet Alla.
- Din kienet fil-bidu ma’ Alla.
- Il-ħwejjeġ kollha bih saru, u xejn ma sar mingħajru milli sar.
- Fih kienet il-ħajja; u l-ħajja kienet id-dawl tal-bnedmin.
- U d-dawl jiddi fid-dlamijiet; u d-dlamijiet ma fehmuhx.
- Kien hemm bniedem mibgħut minn Alla, li kien jismu Ġwanni.
- Dan ġie bħala xhieda, biex jixhed għad-dawl, biex il-bnedmin kollha jemmnu bih.
- Hu ma kienx dak id-dawl, iżda biex jixhed għal dak id-dawl.
- Dak kien id-dawl veru, li jdawwal lil kull bniedem kien ġej fid-dinja.
- Kien fid-dinja, u d-dinja saret bih; u d-dinja ma għarfitux.
- Ġie fi ħwejġu, u niesu ma laqgħuhx.
- Imma lil dawk li laqgħuh tahom is-setgħa li jsiru wlied Alla, dawk li jemmnu f’ismu.
- Li twieldu, mhux mid-demm, u lanqas mir-rieda tal-ġisem, u lanqas mir-rieda tal-bniedem, iżda minn Alla.
- U l-Kelma saret ġisem u għammar fostna, u aħna rajna l-glorja tiegħu, il-glorja li għandu mill-Missier bħala Ibnu l-waħdieni, mimli bil-grazzja u l-verità.
- Ġwanni xehedlu, u għajjat, billi qal: Kien dan li għidt għalih: Dak li ġej warajja hu aqwa minni: għax kien qabli.
- U mill-milja tiegħu lkoll ħadna, u grazzja fuq grazzja.
- Għax il-liġi kienet mogħtija b’Mosè: iżda l-grazzja u l-verità ġew b’Ġesù Kristu.
- Ħadd qatt ma ra lil Alla f’xi żmien; Alla, l-uniku Iben, li hu fi ħdan il-Missier, hu għarrfu.
- U din hi x-xhieda ta’ Ġwanni, meta l-Lhud bagħtu minn Ġerusalemm xi qassisin u xi Leviti biex jistaqsuh: Int min int?
- U hu stqarr, u ma ċaħadx; iżda stqarr: Jien miniex il-Kristu.
- U staqsewh: X’int mela? Int Elija? U qal: Miniex. Int il-profeta? U hu wieġeb: Le.
- Għalhekk qalulu: Min int? biex nistgħu nagħtu tweġiba lil dawk li bagħtuna: xi tgħid għalik innifsek?
- Qal: Jiena l-leħen ta’ wieħed igħajjat fix-xagħri: Agħmlu dritta t-triq tal-Mulej, bħal ma qal Isaija l-profeta.
- U l-mibgħutin kienu mill-Fariżej.
- U staqsewh, u qalulu: Għaliex mela tgħammed, jekk mintix la l-Kristu, u la Elija, u lanqas dak il-profeta?
- Ġwanni weġibhom, billi qal: Jiena ngħammed fl-ilma; iżda fostkom hemm wieħed, li intom ma tafuhx;
- Dan hu dak, li jiġi warajja, u li jien ma jixraqlix inħollu l-qafla tal-qorq tiegħu.
- Dawn il-ħwejjeġ ġraw f’Betanja n-naħa l-oħra tal-Ġordan, fejn kien igħammed Ġwanni.
- L-għada Ġwanni ra ’l Ġesù ġej lejh, u qal: Ara l-Ħaruf t’Alla, li jneħħi d-dnub tad-dinja.
- Dan hu dak li fuqu għidt: Warajja ġej raġel, li hu aqwa minni: għax kien qabli.
- U jien ma kontx nafu: iżda biex ikun imgħarraf lil Iżrael, jien mela ġejt ngħammed fl-ilma.
- U Ġwanni xehed, billi qal: Jien rajt l-Ispirtu nieżel mis-sema bħal ħamiema, u qagħad fuqu.
- U jien ma kontx nafu: Iżda dak li bagħatni ngħammed fl-ilma, qalli: fuq min tara nieżel l-Ispirtu, u jibqa’ fuqu, dak hu li jgħammed bl-Ispirtu Qaddis.
- U rajt, u tajt xhieda li dan hu l-Iben t’Alla.
- U l-għada raġa’ kien hemm wieqaf Ġwanni, u tnejn mid-dixxipli tiegħu;
- U kif ħares lejn Ġesù hu u miexi, qal: Ara l-Ħaruf ta’ Alla!
- U ż-żewġ dixxipli semgħuh jitkellem, u marru wara Ġesù.
- Imbagħad dar Ġesù, u rahom ġejjin warajh, u qalilhom: X’qegħdin tfittxu? Qalulu: Rabbi (li tfisser, Mgħallem) fejn toqgħod?
- Qalilhom: Ejjew u taraw. Ġew u raw fejn kien joqgħod, u dak in-nhar qagħdu miegħu: għax kienet madwar l-għaxar siegħa.
- Wieħed mit-tnejn li semgħu lil Ġwanni jitkellem, u mar warajh, kien Indri, ħu Xmun Pietru.
- Sab dan l-ewwel lil ħuh Xmun, u qallu: Sibna l-Messija, li jfisser il-Kristu.
- U ħadu għand Ġesù. U xħin Ġesù ħares lejh, qal: Int Xmun bin Ġwanni: int tissejjah Kefa, li jfisser Pietru.
- L-għada ried jitlaq għall-Galilija, u sab lil Filippu, u qallu: Ejja warajja.
- Issa Filippu kien minn Betsajda, il-belt ta’ Indri u ta’ Pietru.
- Fillippu sab lil Natanjel, u qallu: Sibna lil dak, li minnu Mosè fil-liġi, u l-profeti, kitbu: Ġesù minn Nażaret, bin Ġużeppi.
- U Natanjel qallu: Tista’ toħroġ xi ħaġa tajba minn Nażaret? Qallu Filippu: Ejja u ara.
- Ra Ġesù lil Natanjel ġej lejh, u qal għalih: Ara wieħed tabilħaqq Iżraeli, li ma fihx qerq!
- Natanjel qallu: Imniex għaraftni? Ġesù wieġeb u qallu: Qabel ma sejjaħlek Filippu, meta int kont taħt it-tina, rajtek.
- Wieġeb Natanjel, u qallu: Rabbi, int l-Iben t’Alla: int is-Sultan ta’ Iżrael.
- Wieġeb Ġesù, u qallu: Għax għidtlek, rajtek taħt it-tina, int temmen? Int għad tara ħwejjeġ akbar minn dawn.
- U qallu: Tassew, tassew, ngħidilkom: Intom għad taraw is-sema miftuħ, u l-anġli ta’ Alla telgħin u neżlin fuq bin il-bniedem.
Ġwanni 2
- U fit-tielet jum kien hemm tieġ f’Kana tal-Galilija; u omm Ġesù kienet hemm:
- U sew Ġesù, u kemm id-dixxipli tiegħu, kienu mistednin għat-tieġ.
- U meta naqashom l-inbid, omm Ġesù qaltlu: M’għandhomx inbid.
- Ġesù qalilha: Mara, x’għandi x’naqsam miegħek. Is-siegħa tiegħi għadha ma waslitx.
- Ommu qalet lill-qaddejja: Agħmlu kulma jgħidilkom hu.
- U kien hemm sitt ġarar tal-ġebel, bħal ma jkun hemm għall-purifikazzjoni tal-Lhud, li kienu jesgħu xi g?oxrin jew tletin gallun kull waħda.
- Ġesù qalilhom: Imlew il-ġarar bl-ilma. U mlewhom sax-xifer.
- U qalilhom: Ħudu issa, u newlu lill-kap tal-festa. U newlulu.
- Xħin il-kap tal-mejda daq l-ilma magħmul inbid, u ma kienx jaf minn fejn ġie; (iżda l-qaddejja li kienu refgħu l-ilma kienu jafu;) il-kap tal-mejda sejjaħ lill-għarus.
- U qallu: Kulħadd iġib l-ewwel l-inbid it-tajjeb; u wara li jkunu xorbu ħafna, dak li hu anqas tajjeb: iżda int żammejt l-inbid tajjeb s’issa.
- Dal-bidu tal-mirakli Ġesù għamel f’Kana tal-Galilija, u wera l-glorja tiegħu; u d-dixxipli tiegħu emmnu fih.
- Wara li niżel Kafarnahum, hu, u ommu, u ħutu, u d-dixxipli tiegħu; u ma damux hemm ħafna jiem.
- U l-għid tal-Lhud kien qrib, u Ġesù tala’ Ġerusalemm.
- U fit-tempju sab bejjiegħa tal-gniedes, tan-ngħaġ u tal-ħamiem, u s-sarrafa tal-flus bil-qiegħda:
- U wara li għamel sawt bil-ħbula , keċċiehom ilkoll ’il barra mit-tempju, u n-ngħaġ, u l-gniedes ukoll; u xerred il-flus tas-sarrafa, u qaleb l-imwejjed;
- U lil dawk li kienu jbigħu l-ħamiem qalilhom: Neħħu dawn il-ħwejjeġ minn hawn; u tagħmlux dar Missieri dar tan-negozju.
- U d-dixxipli tiegħu ftakru li nkiteb: Il-ħeġġa ta’ darek kelitni.
- Imbagħad wieġbu l-Lhud u qalulu: X’sinjal turina, li tista’ tagħmel dawn il-ħwejjeġ?
- Ġesù weġibhom: “Ħottu dan it-tempju, u fi tlitt ijiem nerġa’ ntellgħu.”
- Għalhekk il-Lhud qalulu: “Dan it-Tempju ħa sitta u erbgħin sena biex inbena, u int se ttellgħu fi tlitt ijiem?”
- Iżda hu tkellem fuq it-tempju ta’ ġismu.
- Meta mela qam mill-imwiet, id-dixxipli tiegħu ftakru li kien qalilhom dan; u emmnu l-iskrittura, u l-kliem li kien qal Ġesù.
- Issa meta kien Ġerusalemm fil-għid, nhar il-festa, ħafna emmnu f’ismu, meta raw il-mirakli li għamel.
- Iżda Ġesù ma kienx jafda ruħu fihom, għax kien jaf lil kulħadd,
- U ma kienx jaħtieġlu li xi ħadd jixhidlu fuq il-bniedem: għax kien jaf x’hemm fil-bniedem.
Ġwanni 3
- Kien hemm wieħed Fariżej, jismu Nikodemu, wieħed mill-kbarat tal-Lhud:
- Dan ġie għand Ġesù bil-lejl, u qallu: Rabbi, aħna nafu li inti mgħallem ġej mingħand Alla: għaliex ħadd ma jista’ jagħmel dawn il-mirakli li tagħmel int, jekk Alla ma jkunx miegħu.
- Wieġeb Ġesù u qallu: Tassew, tassew ngħidlek, li, jekk wieħed ma jitwilidx mill-ġdid, ma jistax jara s-saltna ta’ Alla.
- Nikodemu qallu: Kif jista’ bniedem jitwieled meta hu xiħ? Jista’ jidħol għat-tieni darba f’ġuf ommu, u jkun imwieled?
- Wieġeb Ġesù: Tassew, tassew ngħidlek, li, jekk wieħed ma jitwilidx mill-ilma u l-Ispirtu, ma jistax jidħol fis-saltna ta’ Alla.
- Dak li jitwieled mill-Ispirtu hu spirtu.
- Tistagħġibx għax għedtlek: Jaħtieġ tkunu mwielda mill-ġdid.
- Ir-riħ jonfoħ fejn irid, u int tisma’ l-ħoss tiegħu, iżda ma tafx minn fejn hu ġej, u fejn hu sejjer: hekk hu kull wieħed li jitwieled mill-Ispirtu.
- Wieġeb Nikodemu, u qallu: Kif jistgħu kunu dawn il-ħwejjeġ?
- Wieġeb Ġesù, u qallu: Inti mgħallem ta’ Iżrael, u ma tafx dawn il-ħwejjeġ?
- Tassew, tassew, ngħidlek: Aħna nitkellmu dak li nafu, u nixhdu dak li rajna; u x-xhieda tagħna ma tilqgħuhiex.
- Jekk għidtilkom ħwejjeġ tal-art, u ma temmnux, kif temmnu, jekk ngħidilkom ħwejjeġ tas-sema?
- U l-ebda bniedem ma tala’ fis-sema, ħlief dak li niżel mis-sema, Bin il-bniedem li hu fis-sema.
- U kif Mosè għolla s-serp fix-xagħri, hekk jaħtieġ jit-għolla Bin il-bniedem:
- Biex kull min jemmen bih ma jintilifx, iżda jkollu l-ħajja ta’ dejjem.
- Għax Alla hekk ħabb lid-dinja, li ta l-Iben, l-uniku mnissel tiegħu, biex kull min jemmen bih ma jintilifx, iżda jkollu l-ħajja ta’ dejjem.
- Alla ma bagħatx lil Ibnu fid-dinja biex jagħmel ġudizzju mid-dinja, imma biex id-dinja ssalva permezz tiegħu.
- Dak li jemmen bih mhux ikkundannat: iżda min ma jemminx hu ġa ikkundannat, għax ma emminx bl-isem tal-Iben waħdieni ta’ Alla.
- U l-ġudizzju huwa dan: li d-dawl ġie fid-dinja, imma l-bnedmin ħabbew id-dlam aktar mid-dawl, għax l-għemil tagħhom kien ħażin.
- Għax kull min jagħmel il-ħażen jobgħod id-dawl, u lan-qas jiġi lejn id-dawl, biex l-opri ma jkunux ikkundannati.
- Iżda min jagħmel is-sewwa jiġi lejn id-dawl, biex l-opri tiegħu jidhru li huma magħmulin f’Alla.
- Wara dawn il-ħwejjeġ ġie Ġesù u d-dixxipli tiegħu fl-art tal-Lhudija; u hemm qagħad magħhom, u kien igħammed.
- U Ġwanni wkoll kien igħammed f’Għajnun qrib Salim, għax kien hemm ħafna ilma hemm: u kienu jiġu, u jitgħammdu.
- Għax Ġwanni kien għadu mhux mitfugħ il-ħabs.
- Imbagħad qamet ġlieda bejn xi dixxipli ta’ Ġwanni u l-Lhud fuq il-purifikazzjoni.
- U ġew għand Ġwanni, u qalulu: Rabbi, dak li kien miegħek ’il hinn mill-Ġordan, li int xhidtlu, ara, qiegħed igħammed, u kulħadd sejjer għandu.
- Wieġeb Ġwanni, u qal: Wieħed ma jista’ jieħu xejn, jekk ma jkunx mogħti lilu mis-sema.
- Intom infuskom tixhduli, li jien għidt: Miniex il-Kristu, iżda li jien mibgħut qablu.
- Min għandu l-għarusa hu l-għarus: iżda l-ħabib tal-għarus, li qiegħed fejnu u jisimgħu, jifraħ ħafna minħabba leħen il-għarus: dan il-ferħ tiegħi mela seħħ.
- Hu jaħtieġ jikber, imma jien naħtieġ nonqos.
- Dak li ġej mill-għoli, hu fuq kulħadd: min hu mill-art hu tal-art, u fuq l-art jitkellem: dak li ġej mis-sema hu fuq kulħadd.
- U x’ra u x’sama’, dak jixhed; u ħadd ma jilqa’ x-xhieda tiegħu.
- Dak li laqa’ x-xhieda tiegħu wettaq illi Alla hu tassew.
- Għax dak li Alla bagħtu, jitkellem il-kliem ta’ Alla: għax hu ma jagħtix l-Ispirtu bil-kejl.
- Il-Missier iħobb l-Iben, u tah kollox f’idejh.
- Dak li jemmen bl-Iben għandu l-ħajja ta’ dejjem; u dak li ma jobdix lil Iben ma jarax il-ħajja; iżda għadab Alla jgħammar fuqu.
Ġwanni 4
- Mela meta kien jaf il-Mulej kif il-Fariżej kienu semgħu li Ġesù kien qiegħed jagħmel u jgħammed iżjed dixxipli minn Ġwanni,
- Għalkemm tabilħaqq, Ġesù nnifsu ma kienx igħammed, imma d-dixxipli tiegħu,
- Ħalla l-Lhudija, u raġa’ mar fil-Galilija.
- U kien jaħtieġlu jgħaddi mis-Samarija.
- Imbagħad wasal f’belt tas-Samarija, li kien jisimha Sikar, qrib il-qasam li Ġakobb ta lil ibnu Ġużeppi.
- Issa l-bir ta’ Ġakobb kien hemm. Mela Ġesù, billi kien għajjien bil-vjaġġ tiegħu, qagħad hekk bil-qiegħda fuq il-bir: u kienet madwar is-sitt siegħa.
- Ġiet hemm mara mis-Samarija timla l-ilma, u qalilha Ġesù: Agħtini nixrob.
- Għax id-dixxipli tiegħu kienu marru l-belt jixtru l-ikel.
- Qaltlu mbagħad il-mara Samaritana: Kif int, li int Lhudi, titlob tixrob lili, mara Samaritana? Għax il-Lhud ma jagħmluhiex mas-Samaritani.
- Ġesù wieġeb, u qalilha: Kieku kont taf il-għotja ta’ Alla, u min hu dak li qallek: Agħtini nixrob; kont titolbu int, u kien jagħtik ilma ħaj.
- Qaltlu l-mara: Sinjur, int m’għandikx biex timla, u l-bir hu fond: mnejn mela għandek dan l-ilma ħaj?
- Jaqaw int akbar minn Ġakobb missierna, li tana l-bir, u xorob minnu hu stess, uliedu, u l-bhejjem tiegħu?
- Wieġeb Ġesù, u qalilha: Kull min jixrob minn dal-bir jarġa’ jieħdu l-għatx:
- Iżda kull min jixrob mill-ilma li nagħtih jien ma jieħdu għatx qatt; imma l-ilma li nagħtih jien ikun fih għajn ta’ ilma ġieri sal-ħajja ta’ dejjem.
- Qaltlu l-mara: Sinjur, agħtini dan l-ilma, biex ma jeħodnix għatx, u lanqas niġi hawn nimla.
- Ġesù qalilha: Mur, sejjaħ lil żewġek, u ejja hawn.
- Wieġbet il-mara, u qalet: M’għandix raġel. Qalilha Ġesù: Sewwa għidt, m’għandix raġel:
- Għax ħamest irġiel kellek; u dak li għandek issa mhux żewġek: dan sewwa għidt.
- Qaltlu l-mara: Sinjur, nara li inti profeta.
- Missirijietna qiemu fuq dil-muntanja; u intom tgħidu, li f’Ġerusalemm hu l-lok fejn wieħed għandu jagħti qima.
- Qalilha Ġesù: Emminni, mara: jiġi żmien meta mhux fuq din il-muntanja tagħtu qima lill-Missier, anqas f’Ġerusalemm,
- Intom tqimu dak li ma tafux: aħna nafu dak li nqimu: għax is-salvazzjoni tiġi mil-Lhud.
- Imma tiġi s-siegħa, u issa hi, meta dawk li tassew iqimu, iqimu l-Missier fl-ispirtu u fil-verità: għax bħal dawn ifittex il-Missier biex iqimuh.
- Alla huwa spirtu, u dawk li jqimuh għandhom iqimuh fl-ispirtu u l-verità.
- Qaltlu l-mara: Naf li għandu jiġi l-Messija, li jissejjah Kristu: meta jiġi, igħarrafna kollox.
- Qalilha Ġesù: Hu jien li qiegħed nitkellem miegħek.
- U f’dak il-waqt ġew id-dixxipli tiegħu, u stagħġbu għax kien jitkellem mal-mara: iżda ħadd ma qal: Xi trid? Jew: Għaliex qiegħed titkellem magħha?
- Il-mara mbagħad ħalliet il-ġarra tagħha, u marret il-belt, u qalet lin-nies:
- Ejjew, araw raġel li qalli kulma għamilt: dan mhux il-Kristu?
- Imbagħad ħarġu mill-belt, u ġew ħdejh.
- F’dak il-waqt id-dixxipli kienu jitolbuh, billi jgħidu: Rabbi, kul.
- Iżda hu qalilhom: Jien għandi x’niekol ikel li intom ma tafux.
- Id-dixxipli għalhekk qalu lil xulxin: Jaqaw ġieblu xi ħadd x’jiekol?
- Ġesù qal: “L-ikel tiegħi hu li nagħmel ir-rieda ta’ min bagħatni u li nwassal fit-tmiem l-opra tiegħu.
- Ma tgħidux intom: Għad baqa’ erba’ xhur, u mbagħad jiġi l-ħsad? Ara, jien ngħidilkom: Erfgħu għajnejkom, u ħarsu lejn l-għelieqi; għax diġà huma bojod għall-ħasda.
- U dak li jaħsad jieħu ħlas, u jiġbor il-frott għall-ħajja ta’ dejjem: biex min jiżra’ jifraħ hu wkoll bħal min jaħsad.
- Għax f’dan hu minnu dak il-qawl: Wieħed jiżra’, u ieħor jaħsad.
- Jien bgħattkom taħsdu dak li intom ma ħdimtux għalih: irġiel oħrajn ħadmu, u intom dħaltu f’xogħolhom.
- U ħafna Samaritani minn dik il-belt emmnu bih minħabba kliem il-mara, li xehdet: Qalli kulma għamilt.
- Għalhekk meta s-Samaritani ġew għandu, talbuh biex jibqa’ magħhom: u baqa’ magħhom jumejn.
- U wisq aktar emmnu minħabba kliemu;
- U qalu lill-mara: Issa nemmnu, mhux minħabba klie-mek: għax aħna nfusna smajnieh, u nafu li dan hu tassew is-Salvatur tad-dinja.
- Issa wara jumejn telaq minn hemm, u mar il-Galilija.
- Għax Ġesù nnifsu xehed, li profeta m’għandux ġieh f’pajjiżu stess.
- Imbagħad meta ġie l-Galilija, laqgħuh il-Galilin, billi kienu raw kulma kien għamel Ġerusalemm, fil-festa: għax huma wkoll marru għall-festa.
- Ġesù mela raġa’ ġie f’Kana tal-Galilija, fejn kien għamel l-ilma nbid. U kien hemm wieħed uffiċjal tas-sultan, li ibnu kien marid f’Kafarnahum.
- Malli dan sama’ li Ġesù ġie mil-Lhudija għall-Galilija, mar għandu, u talbu biex jinżel, u jfejjaqlu lil ibnu: għax kien wasal biex imut.
- Qallu mbagħad Ġesù: Jekk ma tarawx sinjali u għe-ġubijiet, ma temmnux.
- Qallu l-uffiċjal tas-sultan: Sinjur, inżel qabel ma jmut it-tifel tiegħi.
- Qallu Ġesù: Mur; ibnek ħaj. U r-raġel emmen il-kelma li qallu Ġesù, u telaq.
- U hu u sejjer ’l isfel, il-qaddeja tiegħu ltaqgħu miegħu, u qalulu: Ibnek ħaj.
- Staqsiehom imbagħad is-siegħa meta beda għaddej għall-aħjar. U qalulu: Il-bieraħ fis-seba’ siegħa ħallieh id-deni.
- Hekk il-missier għaraf li kien fl-istess ħin, li fih qallu Ġesù: Ibnek ħaj: u emmen hu, u daru kollha.
- Dan hu t-tieni miraklu li għamel Ġesù, meta mil-Lhudija ġie fil-Galilija.
Ġwanni 5
- Wara dan kien hemm festa tal-Lhud; u Ġesù tala’ Ġerusalem.
- Issa f’Ġerusalemm ħdejn suq in-ngħaġ hemm menqgħa, li jgħidulha fil-lsien Lhudi Betesda, u li għandha ħames loġoġ.
- F’dawn kien ikun hemm mixħuta kotra kbira ta’ nies morda, għomja, zopop, u mifluġin, jistennew it-taħrik tal-ilma.
- Għax anġlu kien jinżel f’xi żmien fil-menqgħa, u jħar-rek l-ilma; u min imbagħad kien jinżel l-ewwel wara t-taħrik tal-ilma kien ifiq minn kull mard li kien ikollu.
- U kien hemm wieħed raġel, li kellu marda għal tmienja u tletin sena.
- Xħin rah Ġesù mixħut, u sar jaf li kien ilu żmien twil marid, qallu: Trid tfiq?
- Wieġbu l-marid: Sinjur, m’għandi ebda bniedem, meta jitħarrek l-ilma, biex iqiegħdni fil-menqgħa: iżda waqt li nkun ġej jien, jinżel ieħor qabli.
- Qallu Ġesù: Qum, ħu l-mitraħ tiegħek, u imxi.
- U minnufih ir-raġel fieq, u ħa l-mitraħ tiegħu, u mexa: Issa dak in-nhar kien is-sabat.
- Il-Lhud imbagħad qalu lil dak li kien imfejjaq: Illum is-sabat; ma jiswiex li ġġorr il-mitraħ tiegħek.
- Weġibhom: Dak li fejjaqni qalli hu stess: Ħu l-mitraħ tiegħek, u imxi.
- Imbagħad staqsewh: Min hu dak il-bniedem li qallek: Ħu l-mitraħ tiegħek, u imxi?
- U dak li kien imfejjaq ma kienx jaf min kien: għax Ġesù kien warrab, billi folla ta’ nies kienet f’dak il-post.
- Wara Ġesù sabu fit-tempju, u qallu: Ara, int fiqt: la tid-nibx iżjed, li ma jiġrilikx xi ħaġa agħar.
- Telaq ir-raġel u qal lil-Lhud li kien Ġesù li fejqu.
- U għalhekk il-Lhud ippersegwitaw lil Ġesù, u fittxu li joqtluh, għax għamel dan fis-sabat.
- Iżda Ġesù weġibhom: Missieri għadu jaħdem s’issa, u jien qiegħed naħdem.
- Għalhekk il-Lhud fittxu iżjed li joqtluh, għax mhux biss kiser is-sabat, imma wkoll għax qal li Alla hu Missieru, u b’hekk għamel lilu nnifsu ugwali ma’ Alla.
- Imbagħad wieġeb Ġesù, u qalilhom: Tassew, tassew, ngħidilkom: L-Iben ma jista’ jagħmel xejn minnu nnifsu, għajr dak li jara l-Missier jagħmel: għax dawk il-ħwejjeġ kollha li jagħmel, dawn l-Iben jagħmel ukoll.
- Għax il-Missier iħobb l-Iben, u jurih il-ħwejjeġ kollha li hu nnifsu jagħmel: u għad jurih opri akbar minn dawn, biex tistagħġbu.
- Għax bħalma l-Missier iqajjem il-mejtin, u jagħtihom il-ħajja; hekk ukoll l-Iben jagħti l-ħajja lil min irid.
- Għax il-Missier ma jagħmel ġudizzju minn ħadd, iżda ta kull ġudizzju lil Ibnu:
- Biex il-bnedmin kollha jonoraw lill-Iben, bħal ma jonoraw lill-Missier. Min ma jonorax lill-Iben, ma jonorax lill-Missier li bagħtu.
- Tassew, tassew, ngħidilkom: Min jisma’ kelmti, u jem-men f’dak li bagħatni, ikollu l-ħajja ta’ dejjem, u ma jiġix għall-kundanna; iżda jgħaddi mill-mewt għall-ħajja.
- Tassew, tassew, ngħidilkom: Tasal is-siegħa, u issa hi, meta l-mejtin jisimgħu leħen l-Iben ta’ Alla: u dawk li jisimgħu jgħixu.
- Għax bħalma l-Missier għandu l-ħajja fih innifsu, hekk ukoll ta lil Iben li jkollu l-ħajja fih innifsu,
- U tah ukoll is-setgħa li jagħmel ġudizzju, għax hu Bin il-bniedem.
- La tistagħġbux b’dan: tiġi siegħa meta dawk kollha li jkunu fl-oqbra jisimgħu leħnu,
- U joħorġu: dawk li jkunu għamlu t-tajjeb għall-qawmien tal-ħajja, imma dawk li jkunu għamlu l-ħażin għall-qawmien tal-ġudizzju.
- Xejn ma nista’ nagħmel minni nnifsi: kif nisma’, na-għmel ġudizzju: u l-ħaqq tiegħi hu ġust; għax ma nfittixx ir-rieda tiegħi, iżda r-rieda tal-Missier li bagħatni.
- Jekk jien nixhed għalija nnifsi, ix-xhieda tiegħi ma tiswiex.
- Hemm ħaddieħor li jixhidli; u naf li x-xhieda li jagħti fuqi tiswa.
- Intom bgħattu għand Ġwanni, u hu ta’ xhieda għall-verità.
- Iżda jien ma nilqax xhieda minn għand il-bniedem: iżda ngħid dawn il-ħwejjeġ, biex ikunu salvati.
- Hu kien lampa li tixgħel u tiddi: u intom ridtu tifirħu għal siegħa bid-dawl tiegħu.
- Iżda jien għandi xhieda akbar minn dik ta’ Ġwanni: għax l-opri li bagħtni ntemm Missieri, jiġifieri dawn l-istess opri li jiena qiegħed nagħmel, jixhduli li l-Missier bagħatni.
- U l-Missier innifsu, li bagħatni, xehedli. Intom la qatt smajtu leħnu xi darba, u lanqas rajtu s-sura tiegħu.
- U l-kelma tiegħu m’għandkomx tgħammar fikom; għax dak li bagħat hu, intom ma temmnuhx.
- Intom qegħdin tfittxu fl-iskrittura; għax fiha taħsbu li għandkom il-ħajja ta’ dejjem: hija hi li tagħti xhieda tiegħi.
- U intom ma tridux tiġu għandi, biex ikollkom il-ħajja.
- Foħrija ma niħux minn għand il-bnedmin.
- Iżda għaraftkom, illi m’għandkomx l-imħabba ta’ Alla.
- Jien ġejt f’isem Missieri, u ma tilqgħunix: jekk ħadd-ieħor jiġi f’ismu, lil dan tilqgħuh.
- Kif tistgħu temmnu, intom li tirċievu glorja minn għand xulxin, u ma tfittxux il-glorja li tiġi minn Alla biss?
- La taħsbux li jien sejjer nixlikom lill-Missier: hemm wieħed jixlikom, Mosè, li tittamaw fih.
- Għax kieku kontu temmnu f’Mosè kontu temmnu fija wkoll, għax Mosè fuqi kiteb. Imma intom ma temmnux dak li kitbilkom hu, kif se temmnu dak li ngħidilkom jien?
- Iżda jekk ma temmnux il-kitba tiegħu, kif temmnu kliemi?
Ġwanni 6
- Wara dan Ġesù mar in-naħa l-oħra tal-baħar tal-Galilija, li hu l-baħar tat-Tiberija.
- U ġemgħa kbira ta’ nies marret warajh, għax kienu raw il-mirkali li għamel ma’ dawk li kienu morda.
- U Ġesù tala’ fuq muntanja, u hemm qagħad bil-qiegħda mad-dixxipli tiegħu.
- U l-għid, festa tal-Lhud, kien qrib.
- Xħin Ġesù rafa’ għajnejh, u ra li kienet ġejja ġemgħa kbira ta’ nies, qal lil Filippu: Mnejn nixtru l-ħobż, biex jieklu dawn?
- U dan qalu biex iġarrbu; għax hu kien jaf x’sa jagħmel.
- Wieġbu Filippu: Mitejn dinier ħobż m’humiex biżżejjed għalihom, biex kull wieħed minnhom jieħu ftit.
- Wieħed mid-dixxipli tiegħu, Indri, ħu Xmun Pietru, qallu:
- Hawn tfajjel, li għandu ħames ħobżiet tax-xgħir, u żewġ ħutiet żgħar: imma dawn x’inhuma għal dawn kollha?
- U Ġesù qal: Ġagħlu n-nies joqogħdu bil-qiegħda. Issa kien hemm ħafna ħaxix hemmhekk. U l-irġiel, li kienu jgħoddu madwar ħamest elef, qagħdu bil-qiegħda.
- U Ġesù ħa l-ħobżiet; u wara li radd il-ħajr, qassam lid-dixxipli, u d-dixxipli lil dawk li kienu bil-qiegħda; u hekk ukoll mill-ħut kemm riedu.
- Meta xebgħu, qal lid-dixxipli tiegħu: Iġbru l-bċejjeċ li fadal, biex ma jinħela xejn.
- Ġabruhom mela, u mlew tnax-il qoffa bil-bċejjeċ tal-ħames ħobżiet tax-xgħir, li kienu baqgħu żejda lil dawk li kielu.
- Għalhekk dawk in-nies, meta raw dan is-sinjal li għamel Ġesù, qalu: ‘Dan hu tassew il-profeta li għandu jiġi fid-dinja!’
- Imma Ġesù, meta ntebah li kienu ġejjin biex jaħtfuh ħalli jagħmluh sultan, reġa’ warrab waħdu lejn il-għoljiet.
- U mbagħad xħin sar filgħaxija, niżlu d-dixxipli tiegħu lejn il-baħar;
- U rikbu dgħajsa, u għaddew il-baħar għal Kafarnahum. U issa kien dalam, u Ġesù kien għadu ma ġiex fejnhom.
- U l-baħar qam minħabba riħ qawwi li kien jonfoħ.
- Għalhekk meta kienu qadfu ħamsa u għoxrin jew tletin stadju, jaraw lil Ġesù miexi fuq il-baħar, u riesaq lejn id-dgħajsa: u beżgħu.
- Iżda hu qalilhom: Jien hu; la tibżgħux.
- Imbagħad xtaqu jeħduh fid-dgħajsa: u minnufih waslet id-dgħajsa fl-art fejn kienu sejrin.
- L-għada, meta n-nies li kienu n-naħa l-oħra tal-baħar raw li ma kienx hemm dgħajsa oħra hemm, ħlief dik li fiha kienu daħlu d-dixxipli, u li Ġesù ma kienx daħal fid-dgħajsa mad-dixxipli tiegħu, imma d-dixxipli kienu marru weħidhom;
- Għalkemm kienu ġew dgħajjes oħra minn Tiberja ħdejn il-post fejn kienu kielu l-ħobż, wara li l-Mulej kien radd il-ħajr:
- Meta mela n-nies raw li Ġesù ma kienx hemm, u lanqas id-dixxipli tiegħu, huma wkoll rikbu d-dgħajjes, u ġew Kafar-nahum, ifittxu lil Ġesù.
- U xħin sabuh in-naħa l-oħra tal-baħar, qalulu: Rabbi, meta ġejt hawn?
- Weġibhom Ġesù, u qal: Tassew, tassew, ngħidilkom: Intom tfittxuni, mhux għax rajtu l-mirakli, imma għax kiltu mill-ħobżiet, u xbajtu.
- La taħdmux għall-ikel li jintemm, imma għal dak l-ikel li jdum għall-ħajja ta’ dejjem, li jagħtikom Bin il-bniedem: għax fuq Alla l-Missier qiegħed is-siġill tiegħu.
- Mbagħad staqsewh: X’għandna nagħmlu biex nagħmlu l-opri ta’ Alla?
- Weġibhom Ġesù: L-opra ta’ Alla hija din: li intom tem-mnu f’dak li hu bagħat.
- Huma mela qalulu: X’sinjal turi mela, biex naraw, u nemmnuk? X’inhu li tagħmel?
- Missirijietna kielu l-manna fix-xagħri; kif inhu miktub: Tahom jieklu ħobż mis-sema.
- Imbagħad qalilhom Ġesù: Tassew, tassew, ngħidilkom: Ma takomx Mosè dak il-ħobż mis-sema; iżda Missieri jagħti-kom il-veru ħobż mis-sema.
- Għax il-ħobż t’Alla hu dak li jinżel mis-sema, u jagħti l-ħajja lid-dinja.
- Imbagħad qalulu: Mulej, agħtina dejjem dal-ħobż.
- U Ġesù qalilhom: Jien hu l-ħobż tal-ħajja; min jiġi għandi ma jieħdu ġuħ qatt; u min jemmen fija ma jieħdu għatx qatt.
- Iżda jien għidtilkom: Li intom ukoll rajtuni, u ma em-mintux.
- Dawk kollha li jagħtini Missieri jiġu għandi, u min jiġi għandi ma nkeċċiħx ’il barra.
- Għax jien inżilt mis-sema, mhux biex nagħmel ir-rieda tiegħi, imma r-rieda ta’ min bagħatni.
- Din hi r-rieda tal-Missier li bagħatni, li ma nitlef xejn minn dak kollu li tani, imma li nqajmu fl-aħħar jum.
- U din hi r-rieda ta’ Missieri: li kull min jara lill-Iben u jemmen fih, ikollu l-ħajja ta’ dejjem u jiena nqajmu mill-imwiet fl-aħħar jum.
- Imbagħad il-Lhud gergru għalih, għax qal: Jien hu l-ħobż li nżilt mis-sema.
- U qalu: dan mhux Ġesù, bin Ġużeppi, li tiegħu aħna nafu l-missieru u l-ommu? Kif mela qal: Jien inżilt mis-sema?
- Wieġeb Ġesù: La tgergrux bejnietkom.
- Ħadd ma jista’ jiġi għandi, jekk Missieri li bagħatni ma jiġbdux: u jien inqajmu fl-aħħar jum.
- Hu miktub fil-profeti: U jkunu kollha mgħallmin minn Alla. Kull min mela sama’ u tgħallem mill-Missier, jiġi għandi.
- Mhux għax xi ħadd ra l-Missier, ħlief dak li hu minn Alla: dan ra l-Missier.
- Tassew, tassew, ngħidilkom: Min jemmen fija għandu l-ħajja ta’ dejjem.
- Jien hu dak il-ħobż tal-ħajja.
- Missirijietkom kielu l-manna fix-xagħri, u mietu.
- Dan hu l-ħobż li nieżel mis-sema, biex wieħed jiekol minnu, u ma jmutx.
- Jien hu l-ħobż ħaj li nżilt mis-sema: jekk xi ħadd jiekol minn dal-ħobż, igħix għal dejjem: u l-ħobż li nagħti jien hu laħmi, li nagħti għall-ħajja tad-dinja.
- Il-Lhud mela ġġieldu bejniethom, billi qalu: Kif jista’ dan jagħtina nieklu laħmu?
- Qalilhom imbagħad Ġesù: Tassew, tassew, ngħidilkom: Jekk ma tiklux il-laħam ta’ Bin il-bniedem, u tixorbu demmu, ma jkollkomx ħajja fikom.
- Min jiekol laħmi, u jixrob demmi, għandu l-ħajja ta’ dejjem; u jien inqajmu fl-aħħar jum.
- Għax laħmi hu ikel tassew; u demmi hu xorb tassew.
- Min jiekol laħmi, u jixrob demmi, igħammar fija, u jiena fih.
- Bħal ma bagħatni l-Missier il-ħaj, u jien ħaj bil-Missier: hekk min jiekol lili, hu wkoll ikollu l-ħajja bija.
- Dan hu dak il-ħobż li niżel mis-sema: mhux bħal manna li kielu missirijietkom, u mietu: min jiekol minn dal-ħobż jibqa’ ħaj għal dejjem.
- Dawn il-ħwejjeġ qalhom fis-sinagoga, hu u jgħallem f’Kafarnahum.
- Ħafna mela mid-dixxipli tiegħu, kif semgħu dan, qalu: Dan hu kliem iebes; min jista’ jisimgħu?
- Xħin Ġesù għaraf fih innifsu li d-dixxipli tiegħu kienu jgergru fuq dan, qalilhom: Dan qiegħed ifixkilkom?
- Jekk mela taraw Bin il-bniedem tiela’ fejn kien qabel?
- Hu l-ispirtu li jagħti l-ħajja, il-ġisem ma jiswa għal xejn. Il-kliem li jiena għedtilkom huwa spirtu u ħajja.
- Iżda hemm xi wħud fostkom li ma jemmnux. Għaliex Ġesù kien jaf sa mill-bidu min kienu dawk li ma emmnux u min kien dak li kellu jittradih.
- U qal: Għalhekk għidtilkom, li ħadd ma jista’ jiġi għandi, jekk ma jingħatalux mill-Missier.
- Minn dak il-waqt ħafna mid-dixxipli tiegħu telqu lura, u ma mxewx iżjed miegħu.
- Imbagħad Ġesù qal lit-tnax: Tridux tmorru intom ukoll?
- Wieġbu Xmun Pietru: Mulej, għand min immorru? Int għandek il-kliem tal-ħajja eterna.
- U aħna nemmnu u żguri li int dak il-Kristu, Bin Alla l-ħaj.
- 7 Weġibhom Ġesù: Mhux jien għażiltkom it-tnax, u wie-ħed minnkom hu xitan?
- 7 Kien qiegħed igħid għal Ġuda Iskarjota, bin Xmun: għax hu kien li sa jittradih, billi kien wieħed mit-tnax.
Ġwanni 7
- Wara dawn il-ħwejjeġ Ġesù kien idur fil-Galilija: għax ma kienx irid idur fil-Lhudija, għaliex il-Lhud kienu jfittxu biex joqtluh.
- Kienet qorbot għal-Lhud il-festa tal-Għerejjex,
- U ħutu qalulu: Itlaq minn hawn u mur il-Lhudija, biex id-dixxipli tiegħek ukoll jaraw l-opri li qiegħed tagħmel.
- Għax ħadd ma jagħmel xejn bil-moħbi jekk irid ikun magħruf minn kulħadd. Ladarba qiegħed tagħmel dan kollu, uri ruħek lid-dinja.
- Għax lanqas ħutu ma kienu jemmnu fih.
- Imbagħad qalilhom Ġesù: waqti għadu ma wasalx: imma waqtkom imhejji.
- Id-dinja ma tistax tobgħodkom; iżda lili tobgħodni, għax jien nixhed għaliha, illi l-opri tagħha huma ħżiena.
- Itilgħu intom għall-festa: jien ma nitlax għalissa għal din il-festa: għax waqti għadu ma wasalx.
- Wara li qalilhom dawn il-kelmiet baqa’ fil-Galilija.
- Imma wara li ħutu telgħu, imbagħad tala’ hu wkoll għall-festa, mhux bid-dieher, imma qisu bil-moħbi.
- Imbagħad il-Lhud fittxuh fil-festa, u qalu: Fejn hu?
- U kien hemm ħafna tgergir fuqu fost in-nies: għax x’uħud kienu jgħidu: Hu raġel tajjeb; u oħrajn kienu jgħidu: Le; iżda jqarraq bin-nies.
- Madankollu ħadd ma tkellem fil-beraħ fuqu minħabba l-biża’ tal-Lhud.
- Issa għall-ħabta ta’ nofs il-festa, Ġesù tala’ fit-tempju, u għallem.
- U l-Lhud stagħġbu, billi qalu: Dar-raġel kif jaf it-tagħlim, bla qatt ma tgħallem?
- Ġesù weġibhom, u qal: It-tagħlim tiegħi mhux tiegħi, imma ta’ min bagħatni.
- Jekk xi ħadd jagħmel ir-rieda tiegħu, jagħraf jekk dan it-tagħlim hux minn Alla, jew jekk jien nitkellimx minni nnifsi.
- Min jitkellem minnu nnifsu jfittex il-glorja tiegħu stess: iżda min ifittex il-glorja ta’ min bagħatu, dan ta’ minn jemmnu, u l-ebda qerq ma jinsab fih.
- Ma takomx Mosè l-liġi, u madankollu ħadd minnkom ma jħares il-liġi? Għaliex tfittxu li toqtluni?
- In-nies wieġbu, u qalu: Int għandek demonju: min qiegħed ifittex li joqtlok?
- Wieġeb Ġesù, u qalilhom: Għemil wieħed għamilt, u lkoll tistagħġbu.
- Għalhekk Mosè takom iċ-ċirkonċiżjoni; mhux għax ġej minn Mosè, iżda mill-missirijiet; u intom tagħmlu ċirkonċiżjoni lill-bniedem fis-sabat.
- Jekk wieħed jagħmlulu ċ-ċirkonċiżjoni fis-sabat, biex il-liġi ta’ Mosè ma tinkisirx; teħduha kontra tiegħi, għax fejjaqt bniedem kollu fis-sabat?
- Tagħmlux ġudizzju fuq li jidher, iżda agħmlu ġudizzju ġust.
- Qalu mbagħad x’uħud minn Ġerusalemm: Dan mhux dak, li qegħdin ifittxu biex joqtluh?
- Iżda arawh jitkellem fid-dieher, u ma jgħidulu xejn. Jaqaw jafu tassew il-kbarat li dan hu l-Kristu stess?
- Iżda dan nafu mnejn hu: iżda meta jiġi Kristu, ħadd ma jkun jaf mnejn hu.
- Imbagħad għajjat Ġesù fit-tempju hu u jgħallem, billi qal: Lili tafuni, u tafu mnejn jien: u jien ma ġejtx minni nnifsi, iżda dak li bagħatni hu tassew, u intom ma tafuhx.
- Jiena nafu: għax ġej minn għandu, u hu bagħatni.
- Imbagħad fittxu li jaqbduh: imma ħadd ma medd idejh fuqu, għax is-siegħa tiegħu kienet għadha ma waslitx.
- U ħafna min-nies emmnu fih, u qalu: Meta jiġi l-Kristu, jagħmel mirakli aktar minn dawk li dar-raġel għamel?
- Il-Fariżej semgħu li n-nies bdew jitkellmu taħt l-ilsien dawn il-ħwejjeġ fuqu; u l-qassisin il-kbar u l-Fariżej bagħtu xi għases biex jaqbduh.
- Imbagħad qalilhom Ġesù: Għadni magħkom għal ftit żmien, u mbagħad immur għand min bagħatni.
- Tfittxuni, u ma ssibunix: u fejn inkun jien, hemm intom ma tistgħux tiġu.
- Imbagħad qalu l-Lhud bejniethom: Fejn sejjer, biex ma nsibuhx? Sejjer għand dawk li huma mxerrdin qalb il-Ġentili, u jgħallem il-Ġentili?
- Xi kliem hu dan li qal: Tfittxuni, u ma ssibunix; u fejn inkun jien, hemm intom ma tistgħux tiġu?
- Fl-aħħar jum tal-festa, il-jum il-kbir, qam Ġesù bil-wieqfa u għajjat, billi qal: Jekk xi ħadd għandu l-għatx, ħa jiġi għandi, u jixrob.
- Min jemmen fija, kif qalet l-iskrittura, minnu joħorġu xmajjar ta’ ilma ħaj.
- Imma dan qalu għall-Ispirtu, li kellhom jieħdu dawk li jemmnu fih: għax kien għadu ma ngħatax l-Ispirtu Qaddis, billi Ġesù kien għadu mhux igglorifikat.
- Għalhekk ħafna min-nies, meta semgħu dal-kliem, qalu: Tassew dan hu l-Profeta.
- Oħrajn qalu: Dan hu l-Kristu. Imma x’uħud qalu: Huwa Kristu sa jiġi mill-Galilija.
- Ma qalitx l-iskrittura: Illi Kristu jiġi min-nisel ta’ David, u mir-raħal ta’ Betlehem, fejn kien David?
- U hekk kien hemm firda fil-poplu minħabba fih.
- U x’uħud minnhom riedu jaqbduh; iżda ħadd ma medd idejh fuqu.
- Imbagħad ġew il-għases għand il-qassisin il-kbar u l-Fariżej; u qalulhom: Għax ma ġibtuhx?
- Wieġbu l-għases: Qatt ebda bniedem ma tkellem bħal dal-bniedem.
- Wiġbuhom imbagħad il-Fariżej: Intom ukoll imqarrqin?
- Hemm xi ħadd mill-kbarat jew mill-Fariżej li emmen fih?
- Imma dawn in-nies li ma jafux il-liġi huma misħutin.
- Nikodemu wieħed minnhom, li kien ġie għand Ġesù bil-lejl qalilhom:
- Jaqaw il-liġi tagħmel ġudizzju minn xi bniedem, qabel ma tisimgħu u tkun taf x’għamel?
- Wieġbu, u qalulu: Int ukoll mill-Galilija? Fittex u ara: għax mill-Galilija ma jqum ebda profeta.
- [U telaq kulħadd lejn daru.
Ġwanni 8
- Mar Ġesù lejn il-għolja taż-Żebbuġ.
- U filgħodu kmieni raġa’ ġie fit-tempju, u l-poplu kollu ġie għandu; u qagħad bil-qiegħda, u għallimhom.
- U l-iskribi u l-Fariżej ġiebu mara maqbuda fl-adulterju; u meta qegħduha fin-nofs,
- Qalulu: Mgħallem, dil-mara nqabdet fl-att tal-adulterju.
- Issa Mosè fil-liġi ordnalna, li bħal dawn inħaġġruhom: Iżda int xi tgħid?
- Dan qaluh, huma u jġarrbuh, biex ikollhom fuqiex jixluh. Imma Ġesù tmejjel ’l isfel, u kiteb b’sebgħu fl-art, qisu ma semagħhomx.
- Iżda meta baqgħu jistaqsuh, twaqqaf, u qalilhom: Min fostkom hu bla dnub, jixħtilha ġebla l-ewwel wieħed.
- U raġa’ tmejjel, u kiteb fl-art.
- U huma li semgħu dan, billi kienu ikkundannati mill-kuxjenza tagħhom stess, ħarġu wieħed wieħed, ibda mill-anzjani, sa l-aħħar wieħed: u Ġesù baqa’ waħdu, u l-mara wieqfa fin-nofs.
- X’ħin Ġesù qam, u ma ra lil ħadd ħlief il-mara, qalilha: Mara, fejn huma dawk li kienu jixluk? Ħadd ma jikkundannak?
- Hija qalet: Ħadd, Sinjur. U qalilha Ġesù: Lanqas jien ma nikkundannak: mur, u minn issa tidnibx iżjed.]
- Imbagħad Ġesù raġa’ kellimhom, billi qal: Jiena hu d-dawl tad-dinja: min jimxi warajja ma jimxix fid-dlam, imma jkollu d-dawl tal-ħajja.
- Il-Fariżej għalhekk qalulu: Int tixhed lilek innifsek; ix-xhieda tiegħek ma tiswiex.
- Wieġeb Ġesù, u qalilhom: Għalkemm jiena nixhed lili nnifsi, ix-xhieda tiegħi tiswa: għax naf mnejn ġejt, u fejn sejjer; iżda intom ma tistgħux tgħidu mnejn ġej, u fejn sejjer.
- Intom tagħmlu ġudizzju skont il-ġisem; jien ma nagħmel ġudizzju minn ħadd.
- U madankollu jekk jien nagħmel ġudizzju, il-ġudizzju tiegħi hu minnu: għax miniex waħdi, imma jien u l-Missier li bagħatni.
- Hu miktub ukoll fil-liġi tagħkom, li x-xhieda ta’ tnejn min-nies tiswa.
- Jiena hu li nixhed għalilja nnifsi, u l-Missier li bagħatni jixhidli.
- Imbagħad qalulu: Fejn hu Missierek? Wieġeb Ġesù: Intom la tafu lili, u lanqas lil Missieri: kieku kontu tafu lili, tafu wkoll lil Missieri.
- Dal-kliem qal Ġesù fit-teżorerija, hu u jgħallem fit-tempju: u ħadd ma qabdu; għax kienet għadha ma waslitx is-siegħa tiegħu.
- Imbagħad raġa’ Ġesù qalilhom: Jiena mmur, u intom tfittxuni, u fi dnubkom tmutu:
- Qalu mbagħad il-Lhud: Jaqaw sa joqtol lilu nnifsu? għax qal: Fejn sejjer jien, intom ma tistgħux tiġu?
- U qalilhom: ‘Intom minn hawn isfel; jien minn fuq: intom minn din d-dinja; jien miniex minn din id-dinja’.
- Għalhekk għedtilkom, li tmutu fi dnubietkom: għax jekk ma temmnux li jiena hu, tmutu fi dnubietkom.
- Imbagħad qalulu: Int min int? U Ġesù qalilhom: Sewwasew dak li għidtilkom mill-bidu.
- Għandi ħafna ħwejjeġ xi ngħid, u nagħmel ġudizzju minnkom: iżda min bagħatni hu veru; u dak li smajt minn għandu ngħidu lid-dinja.
- Ma fehmux li kien ikellimhom fuq il-Missier.
- Imbagħad qalilhom Ġesù: Meta tgħollu lil Bin il-bniedem, imbagħad tagħrfu li jien hu, u li minni nnifsi ma nagħmel xejn; iżda kif għallimni Missieri, jien nitkellem dawn il-ħwej-jeġ.
- U dak li bagħatni hu miegħi: il-Missier ma ħallinix waħdi; għax jien nagħmel dejjem dawk il-ħwejjeġ li jogħġbu lilu.
- Hu u jgħid dal-kliem, ħafna emmnu fih.
- Ġesù mbagħad qal lil dawk il-Lhud li emmnu fih: Jekk iżżommu fil-kelma tiegħi, tkunu tassew dixxipli tiegħi,
- U tkunu tafu l-verità, u l-verità teħliskom.
- Weġbuh: Nisel Abraham aħna, u qatt ma konna lsiera ta’ ħadd: kif tgħidilna: Tkunu ħielsa?
- Weġibhom Ġesù: Tassew, tassew ngħidilkom: Kull min jagħmel id-dnub hu lsir tad-dnub.
- U l-ilsir ma jibqax id-dar għal dejjem; iżda l-Iben jibqa’ għal dejjem.
- Mela jekk l-Iben jagħmilkom ħielsa, tkunu ħielsa tas-sew.
- Jien naf li intom nisel Abraham; imma intom tfittxu li toqtluni, għax il-kelma tiegħi ma sabitx wisa’ fikom.
- Jien nitkellem fuq dak li rajt għand Missieri; u intom tagħmlu dak li smajtu mingħand missierkom.
- Wiġbuh u qalulu: Missierna hu Abraham. Ġesù qalilhom: Kieku intom ulied Abraham, tagħmlu l-opri ta’ Abraham.
- Iżda issa tfittxu li toqtluni, bniedem li qalilkom il-verità, li smajt minn Alla: dan ma għamlux Abraham.
- Intom tagħmlu l-opri ta’ missierkom. Imbagħad qalulu: Aħna ma twelidniex mill-fornikazzjoni; aħna Missier wieħed għandna, Alla.
- Qalilhom Ġesù: Kieku Alla kien Missierkom, kieku tħobbuni: għax jien mingħand Alla ħriġt u ġejt; lanqas ma ġejt minn rajja, imma hu bagħatni.
- Għaliex intom ma tifhmux dak li jien qiegħed ngħid? Għax ma tistgħux tisimgħu kelmti.
- Intom ulied missierkom ix-Xitan, u x-xewqat ta’ missierkom tridu tagħmlu. Dak kien qattiel mill-bidu, u ma qagħ-adx fil-verità, għax m’hemmx verità fih. Meta jgħid gidba, jitkellem minnu nnifsu: għax hu giddieb, u missier il-gideb.
- U għax jien ngħidilkom il-verità, ma temmnunix.
- Min minnkom isibni ħati ta’ xi dnub? U jekk ngħid il-verità, għaliex ma temmnunix?
- Min hu minn Alla jisma’ kliem Alla: għalhekk intom ma tisimgħuhomx, għax mintomx minn Alla.
- Wieġbu mbagħad il-Lhud, u qalulu: Ma ngħidux aħna l-verità li int Samaritan, u li għandek demonju?
- Wieġeb Ġesù: Jien m’għandix demonju: iżda nweġġah lil Missieri, u intom iżżebilħuni.
- U jien ma nfittixx il-glorja tiegħi: hemm wieħed li jfittex u jagħmel ġudizzju.
- Tassew, tassew, ngħidilkom: Jekk bniedem iħares kel-mti, qatt ma jara l-mewt.
- Qalulu mbagħad il-Lhud: Issa nafu li għandek demonju. Abraham miet, u l-profeti; u int tgħid: Jekk wieħed iħares kelmti, ma jduq qatt il-mewt.
- Jaqaw int akbar minn missierna Abraham, li miet? U l-profeti mietu; lil min int qiegħed tagħmel lilek innifsek?
- Wieġeb Ġesù: Jekk jien infaħħar lili nnifsi, il-foħrija tiegħi ma hi xejn: hu Missieri li jfaħħarni; li intom tgħidu, li hu Alla tagħkom:
- Imma intom ma għaraftuhx; iżda jien nafu: u kieku ngħid, li ma nafux, inkun bħalkom giddieb: iżda jien nafu, u nħares kelmtu.
- Missierkom Abraham qabeż bil-ferħ għall-ħsieb li kien se jara l-jum tiegħi, u rah u feraħ.
- Qalulu mbagħad il-Lhud: Għad lanqas għandek ħamsin sena, u rajt lil Abraham?
- Qalilhom Ġesù: Tassew, tassew, ngħidilkom: Qabel ma kien Abraham, jien hu.
- Imbagħad qabdu l-ġebel biex jitfgħuh għalih: imma Ġesù staħba, u ħareġ mit-tempju, billi għadda minn nofshom, u hekk baqa’ sejjer.
Ġwanni 9
- Hu u għaddej, Ġesù ra raġel agħma minn twelidu.
- U d-dixxipli tiegħu staqsewh, billi qalu: Rabbi, min dineb, dar-raġel, jew il-ġenituri tiegħu, biex twieled agħma?
- Wieġeb Ġesù: La dar-raġel ma dineb, u lanqas il-ġeni-turi tiegħu: imma biex l-opri ta’ Alla jidhru fih.
- Jaħtieġli nagħmel l-opri ta’ dak li bagħatni, sa-kemm idum in-nhar: jiġi l-lejl, meta ħadd ma jista’ jaħdem.
- Sa ma nibqa’ fid-dinja, jiena d-dawl tad-dinja.
- Wara li tkellem hekk, beżaq fl-art, u għamel it-tajn bil-bżieq, u dilek għajnejn ir-raġel agħma bit-tajn,
- U qallu: Mur inħasel fil-menqgħa ta’ Silwah (li tfisser, Mibgħut). Mar, mela, u nħasel, u ġie jara.
- Mela l-ġirien, u dawk li qabel kienu jarawh agħma, qalu: Dan mhux dak li kien ikun bil-qiegħda jitlob?
- X’uħud qalu: Dan hu. Oħrajn qalu: Jixbħu. Iżda hu qal: Jien hu.
- Għalhekk qalulu: Kif kienu miftuħin għajnejk?
- Wieġeb u qal: Raġel li jgħidulu Ġesù għamel it-tajn, u dilek għajnejja, u qalli: Mur fil-menqgħa ta’ Silwah, u nħasel: mort u nħsilt, u ħadt id-dawl.
- Imbagħad qalulu: Fejn hu dan? Qal: Ma nafx.
- U huma ħadu għand il-Fariżej lil dak li qabel kien agħma.
- U kien jum is-sabat meta Ġesù għamel it-tajn, u fetaħlu għajnejh.
- Imbagħad reġgħu l-Fariżej staqsewh ukoll kif ħa d-dawl. Qalilhom: Qegħidli t-tajn fuq għajnejja, u nħsilt, u issa nara.
- Qalu mela x’uħud mill-Fariżej: Dal-bniedem mhux min Alla, għax ma jħarisx is-sabat. Oħrajn qalu: Kif jista’ jkun li bniedem midneb jagħmel mirakli bħal dawn? U kien hemm firda bejniethom.
- Reġgħu qalu lill-agħma: Int xi tgħid għal dak li fetaħlek għajnejk? Qal: Hu profeta.
- Iżda l-Lhud ma emmnux dak li qal fuqu, li kien agħma, u ħa d-dawl, sakemm sejħu l-ġenituri ta’ dak li kien ħa d-dawl.
- U staqsewhom, billi qalu: Hu dan binkom, li intom tgħidu li twieled agħma? Kif issa jara?
- Wiġibhom il-ġenituri tiegħu, u qalu: Nafu li dan hu t-tifel tagħna, u li twieled agħma:
- Imma issa biex ġie jara, ma nafux; jew min fetaħlu għaj-nejh, ma nafux: għandu żmien: staqsu lilu: jitkellem hu fuq nnifsu.
- Qalu dal-kliem il-ġenituri tiegħu, għax kienu jibżgħu mil-Lhud: għax dawn kienu diġa’ ftiehmu, li jekk xi ħadd jagħrfu li kien il-Kristu, jitkeċċa mis-sinagoga.
- Għalhekk qalu l-ġenituri tiegħu: Għandu żmien: staqsu lilu.
- Imbagħad reġgħu sejħu r-raġel li qabel kien agħma, u qalulu: Faħħar ’l Alla: aħna nafu li dal-bniedem hu midneb.
- Wieġeb u qal: Jekk hux midneb jew le, ma nafx: ħaġa waħda naf, illi qabel kont agħma, u issa nara.
- Imbagħad reġgħu qalulu: X’għamillek? Kif fetaħlek għajnejk?
- Weġibhom: Għidtilkom diġà, u ma smajtux: għaliex tridu terġgħu tisimgħu? Tridu intom ukoll issiru dixxipli tiegħu?
- Imbagħad għajruh, u qalu: Int dixxiplu tiegħu; iżda aħna dixxipli ta’ Mosè.
- Aħna nafu li Alla kellem lil Mosè: iżda dar-raġel, ma nafux minn fejn hu.
- Wieġeb ir-raġel u qalilhom: F’dan qiegħed il-għaġeb, li intom ma tafux minn fejn hu, u madankollu fetaħli għajnejja.
- Issa nafu li Alla ma jismax il-midinbin: iżda jekk bniedem iqim lil Alla, u jagħmel ir-rieda tiegħu, lil dan jisimgħu.
- Minn żmien l-antik qatt ma nstama’ li xi ħadd fetaħ għajnejn wieħed imwieled agħma.
- Kieku dar-raġel ma kienx minn Alla, ma kien jista’ jagħmel xejn.
- Wieġbu u qalulu: Int imwieled kollok dnubiet, u trid tgħallimna? U bagħtuh ’il barra.
- Sama’ Ġesù li bagħtuh ’il barra; u xħin sabu, qallu: Temmen int f’Bin Alla?
- Wieġeb u qal: Min hu, Mulej, biex nemmen fih?
- U qallu Ġesù: Inti rajtu; hu dak li qiegħed jitkellem miegħek.
- U qal: Mulej, nemmen. U tah qima.
- U qal Ġesù: Għall-ġudizzju ġejt f’din id-dinja, biex dawk li ma jarawx, jaraw; u dawk li jaraw, isiru għomja.
- U x’uħud mill-Fariżej li kienu miegħu semgħu dal-kliem, u qalulu: Aħna wkoll għomja?
- Qalilhom Ġesù: Kieku kontu għomja ma kienx ikollkom ebda dnub: imma issa qegħdin tgħidu: Aħna naraw: għalhekk dnubkom jibqa’.
Ġwanni 10
- Tassew, tassew ngħidilkom, min ma jidħolx fil-maqjel tan-nagħaġ mill-bieb imma jaqbeż ġewwa minn naħa oħra, dak hu ħalliel u brigant.
- Iżda min jidħol mill-bieb hu r-ragħaj tan-ngħaġ.
- Lil dan min ikun mal-bieb jiftaħlu; u ngħaġ jisimgħu leħnu: u jsejjaħ in-ngħaġ tiegħu b’isimhom, u jmexxihom barra.
- U meta joħroġ in-ngħaġ tiegħu, imur quddiemhom, u n-ngħaġ jimxi warajh: għax jafu leħnu.
- U barrani ma jmorrux warajh, iżda jaħarbu minnu: għax ma jagħrfux leħen il-barranin.
- Din it-tixbiha qalilhom Ġesù: iżda huma ma fehmux x’kien qiegħed igħidilhom.
- Imbagħad raġa’ qalilhom Ġesù: Tassew, tassew, ngħidi-lkom; Jiena hu l-bieb tan-ngħaġ.
- Dawk kollha li ġew qabli huma ħallelin u briganti: iżda n-ngħaġ ma semgħuhomx.
- Jiena hu l-bieb; jekk xi ħadd jidħol ġewwa permezz tiegħi, ikun salvat, u jidħol u joħroġ, u jsib il-mergħa.
- Il-ħalliel ma jiġix, ħlief biex jisraq, u joqtol, u jeqred: jiena ġejt biex ikollhom il-ħajja, u jkollhom din bl-abbundanza.
- Jiena hu r-ragħaj it-tajjeb: ir-ragħaj it-tajjeb jagħti ħajtu għan-ngħaġ tiegħu.
- Imma dak li hu mikri, u mhux ir-ragħaj, li n-ngħaġ m’humiex tiegħu, jara l-lupu ġej, u jħalli n-ngħaġ u jaħrab: u l-lupu jaqbadhom, u jxerred in-ngħaġ.
- Il-mikri jaħrab, għax hu mikri, u ma jieħux ħsieb in-ngħaġ.
- Jiena hu r-ragħaj it-tajjeb, u nagħraf in-ngħaġ tiegħi, u ningħaraf minn dawk li huma tiegħi.
- Bħalma l-Missier jagħraf lili, hekk ukoll jien nagħraf il-Missier: u jiena nagħti ħajti għan-ngħaġ.
- U għandi ngħaġ oħra, li m’humiex minn dil-merħla: dawn ukoll jaħtieġli niġborhom, u jisimgħu leħni; u jkun hemm merħla waħda, u ragħaj wieħed.
- Għalhekk iħobbni Missieri, għax nagħti ħajti, biex narġa’ neħodha.
- Ħadd ma jeħodhieli, iżda jiena nagħtiha minni nnifsi. Għandi s-setgħa nagħtiha u għandi s-setgħa narġa’ neħodha. Dan il-kmandament ħadt minn għand Missieri.
- Reġgħet mela qamet firda fost il-Lhud minħabba dal-kliem.
- U ħafna minnhom qalu: Għandu demonju fih, u hu miġnun; x’intom qegħdin tisimgħuh?
- Oħrajn qalu: Dan mhux kliem ta’ min għandu demonju. Jista’ demonju jiftaħ għajnejn il-għomja?
- Kienet il-festa tad-dedikazzjoni f’Ġerusalemm, u kienet ix-xitwa.
- U Ġesù kien jimxi fit-tempju, fil-portiku ta’ Salamun.
- Imbagħad il-Lhud daru miegħu, u qalulu: Kemm sa ddum tħallina bejn ħaltejn: Jekk int il-Kristu, għidilna ċar.
- Weġibhom Ġesù: Għidtilkom u ma temmnux: l-għemejjel li nagħmel f’isem Missieri, huma xhieda tiegħi.
- Iżda intom ma temmnux, għax mintomx min-ngħaġ tiegħi, bħal ma għidtilkom.
- In-ngħaġ tiegħi jisimgħu leħni, u jiena nagħrafhom, u jiġu warajja:
- U jiena nagħtihom il-ħajja ta’ dejjem; u ma jintilfu qatt, u lanqas ebda bniedem ma jaħtafhomli minn idi.
- Missieri, li tahomli, hu aqwa minn kulħadd; u ħadd ma jista’ jaħtafhom minn id Missieri.
- Jiena u Missieri ħaġa waħda aħna.
- Imbagħad il-Lhud reġgħu qabdu l-ġebel biex iħaġġruh.
- Weġibhom Ġesù: Urejtkom ħafna opri tajba minn Missieri; għal liema opra minnhom tħaġġruni?
- Il-Lhud weġbuh, billi qalu: Għal xi opra tajba ma nħaġġrukx: iżda għad-dagħwa; u għax int, bniedem, tagħmel lilek innifsek Alla.
- Weġibhom Ġesù: Mhux miktub fil-liġi tagħkom: Jiena għedt: allat intom?
- Jekk sejħilhom allat, lil dawk li lilhom ġiet il-kelma ta’ Alla, u l-iskrittura ma tistax tkun imħassra;
- Tgħidu lil min il-Missier qaddes, u bagħat fid-dinja: Qiegħed tidgħi; għax għedt: Jiena Bin Alla?
- Jekk ma nagħmilx l-opri ta’ Missieri, temmnunix.
- Iżda jekk nagħmel, għalkemm ma temmnunix, emmnu l-opri: biex tkunu tafu, u temmnu, li l-Missier fija, u jien fih.
- Għalhekk reġgħu riedu jaqbduh: iżda ħarġilhom minn idhom,
- U raġa’ mar in-naħa l-oħra tal-Ġordan fil-post fejn Ġwanni qabel kien igħammed; u baqa’ hemm.
- U ħafna ġew għandu, u qalu: Ġwanni m’għamel ebda miraklu: iżda dak kollu li Ġwanni qal fuq dal-bniedem kien kollu minnu.
- U ħafna hemm emmnu fih.
Ġwanni 11
- Issa kien hemm wieħed marid, jismu Lazzru, minn Betanja, mir-raħal ta’ Marija, u ta’ Marta oħtha.
- Kienet dik Marija li dilket il-Mulej biż-żejt ifuħ, u mesħitlu riġlejh b’xagħarha, li ħuha Lazzru kien marid.
- Mela ż-żewġt aħwa bagħtu jgħidulu: Mulej, ara, min tħobb int marid.
- Malli Ġesù sama’ dan, qal: Dil-marda mhix għall-mewt, iżda għall-glorja ta’ Alla, biex l-Iben t’Alla jkun igglorifikat biha.
- Issa Ġesù kien iħobb lil Marta, u lil Marija, u lil Lazzru.
- Għalhekk kif sama’ li kien marid, baqa’ jumen fl-istess lok fejn kien.
- Imbagħad wara dan qal lid-dixxipli tiegħu: Ħa nerġgħu mmorru l-Lhudija.
- Id-dixxipli tiegħu qalulu: Rabbi, il-Lhud m’ilhomx riedu jħaġġruk; u trid tarġa’ tmur hemm?
- Wieġeb Ġesù: Mhux tnax-il siegħa fih in-nhar? Jekk wieħed jimxi bi nhar, ma jitfixkilx, għax jara d-dawl ta’ did-dinja.
- Imma jekk wieħed jimxi bil-lejl, jitfixkel, għax id-dawl ma jkunx fih.
- Dawn il-ħwejjeġ qal hu: u wara dan qalilhom: Ħabibna Lazzru rieqed; imma mmur, biex inqajmu mill-irqad.
- Qalulu mbagħad id-dixxipli: Mulej, jekk hu rieqed, ifiq.
- Iżda Ġesù kien qal għall-mewt tiegħu: iżda huma ħasbu li kien jitkellem fuq l-irqad tan-ngħas.
- Imbagħad qalilhom Ġesù bla ħabi: Lazzru miet.
- U nifraħ minħabba fikom li ma kontx hemm, biex tem-mnu; imma ħa mmorru ħdejh.
- Imbagħad qal Tumas, li jgħidulu Didimu, lil sħabu d-dixxipli: Ħa mmorru aħna wkoll, biex immutu miegħu.
- Imbagħad meta ġie Ġesù, sab li kien diġà ilu erbat ijiem fil-qabar.
- Issa Betanja kienet qrib Ġerusalemm, madwar ħmistax-il stadju:
- U bosta mil-Lhud ġew għand Marta u Marija, biex ifarrġuhom fuq ħuhom.
- Imbagħad Marta, hekk kif semgħet li Ġesù kien ġej, marret u ltaqgħet miegħu: iżda Marija qagħdet id-dar.
- Imbagħad Marta qalet lil Ġesù: Mulej, li kont hawn, ma mietx ħija.
- Imma naf, imqar issa, li kulma titlob lil Alla, Alla jagħtihulek.
- Qalilha Ġesù: Ħuk jarġa’ jqum.
- Qaltlu Marta: Naf li jqum fil-qawmien fl-aħħar jum.
- Qalilha Ġesù: Jien hu l-qawmien u l-ħajja. Kull min jemmen fija, ukoll jekk imut, igħix.
- U kull min igħix u jemmen fija ma jmut qatt. Temmen dan?
- Qaltlu: Iva, Mulej: jien nemmen li int il-Kristu, Bin Alla, li għandu jiġi fid-dinja.
- U wara li qalet dan, marret, u sejħet bil-moħbi lil oħtha Marija, u qaltilha: L-Imgħallem hawn, u qiegħed isejjaħlek.
- U malli semgħet dan, qamet malajr, u ġiet għandu.
- Issa Ġesù kien għadu ma daħalx ir-raħal, imma kien għadu fejn iltaqgħet miegħu Marija.
- Imbagħad il-Lhud li kienu magħha d-dar, u jfarrġuha, malli raw li Marija qamet malajr u ħarġet, marru warajha, u bdew igħidu: Sejra ħdejn il-qabar biex tibki hemm.
- Imbagħad xħin ġiet Marija fejn kien Ġesù, u ratu, ixteħtet f’riġlejh, u qaltlu: Mulej, kieku kont hawn, ħija ma mietx.
- Mela meta Ġesù raha tibki, u l-Lhud li ġew magħha jibku wkoll, tniegħed l-ispirtu, u kien imqanqal,
- U qal: Fejn qegħidtuh? Qalulu: Mulej, ejja ara.
- U Ġesù beka.
- Imbagħad qalu l-Lhud: Ara, kemm kien iħobbu!
- U x’uħud minnhom qalu: Ma satax dal-bniedem, li fetaħ għajnejn l-agħma, jagħmel li wkoll dar-raġel ma jmutx?
- Mela Ġesù, hu u jitniegħed fih innifsu, ġie ħdejn il-qabar. Dan kien għar, u ġebla mqiegħda fuqu.
- Qal Ġesù: Neħħu l-ġebla. Qaltlu Marta oħt il-mejjet: Mulej, diġà jinten: għax ilu erbat ijiem mejjet.
- Qalilha Ġesù: Ma għidtlikx, li, jekk temmen, tara l-glorja ta’ Alla?
- Imbagħad neħħew il-ġebla mill-post fejn il-mejjet kien qiegħed. U Ġesù rafa’ għajnejh ’il fuq, u qal: Missier, niżżikħajr talli smajtni.
- U jien naf li int dejjem tismagħni: imma minħabba n-nies li hawn madwari għidt dan, biex jemmnu li inti bgħattni.
- U meta tkellem hekk, għajjat b’leħen qawwi: Lazzru, oħroġ.
- U ħareġ il-mejjet, b’idejh u riġlejh marbuta bil-fsieqi: u wiċċu marbut b’maktur. Qalilhom Ġesù: Ħolluh, u ħalluh imur.
- Imbagħad ħafna mil-Lhud li ġew għand Marija, u raw x’kien għamel Ġesù, emmnu fih.
- Iżda x’uħud minnhom marru għad il-Fariżej, u qalulhom x’kien għamel Ġesù.
- Imbagħad il-qassisin il-kbar u l-Fariżej sejħu l-kunsill, u qalu: X’nagħmlu? għax dal-bniedem qiegħed jagħmel ħafna mirakli?
- Jekk inħalluh hekk, kulħadd jemmen fih: u jiġu r-Rumani u jeħdulna sew it-tempju tagħna u kemm lil ġensna.
- U wieħed minnhom, jismu Qajfas, li dik is-sena kien il-qassis il-kbir, qalilhom: Intom ma tafu xejn,
- Lanqas taħsbu li jaqblilna, illi jmut bniedem wieħed għall-poplu, u ma jinqeridx il-ġens kollu.
- Dan ma qalux minnu nnifsu; imma billi kien il-qassis il-kbir f’dik is-sena, ħabbar li Ġesù kellu jmut għal dak il-ġens;
- U mhux għal dak il-ġens biss, iżda wkoll biex jiġbor flimkien l-ulied ta’ Alla li kienu mxerrdin.
- Imbagħad minn dak in-nhar ftiehmu flimkien li joqtluh.
- Għalhekk Ġesù ma baqax jimxi iżjed fid-dieher qalb il-Lhud; iżda mar minn lejn il-kampanja qrib ix-xagħri, f’belt jisimha Efrajm, u baqa’ hemm mad-dixxipli tiegħu.
- U l-għid tal-Lhud kien qorob: u ħafna telgħu Ġerusalemm minn dik l-art qabel il-għid, biex jippurifikaw ruħhom.
- Imbagħad fittxu ’l Ġesù, u qalu lil xulxin, huma u qegħdin fit-tempju: X’jidrilkom, li ma jiġix għall-festa?
- Issa sew il-qassisin il-kbar u kemm il-Fariżej taw ordni, illi jekk xi ħadd ikun jaf fejn hu, igħid, biex jaqbduh.
Ġwanni 12
- Imbagħad sitt ijiem qabel il-għid Ġesù ġie Betanja, fejn kien Lazzru li kien miet, u li hu qajjem mill-mewt.
- Hejjewlu ikla hemm; u Marta kienet taqdi: iżda Lażżru kien wieħed milli kienu fuq il-mejda miegħu.
- Imbagħad ħadet Marija libbra żejt ta’ nard safi, li jiswa wisq, u dilket riġlejn Ġesù, u mesħitlu riġlejh b’xagħrha: u d-dar imtliet bir-riħa taż-żejt.
- Imbagħad qal wieħed mid-dixxipli tiegħu, Ġuda Iskarjota, bin Xmun, li kellu jittradih:
- Għaliex daż-żejt ma nbiegħx tliet mitt dinier, u ngħataw lill-foqra?
- Dan qalu, mhux għax kien jaħseb għall-foqra; iżda għax kien ħalliel, u kellu l-borża, u kien iġorr dak li kienu jirfgħu fiha.
- Imbagħad qal Ġesù: Ħalliha: hija kienet refgħetu għal jum id-difna tiegħi.
- Għax il-foqra għandkom dejjem magħkom; iżda mhux dejjem għandkom lili.
- Mela kotra kbira ta’ Lhud għarfu li kien hemm: u ġew mhux minħabba Ġesù biss, iżda wkoll biex jaraw lil Lazzru, li kien qajmu mill-imwiet.
- Iżda l-qassisin il-kbar ftiehmu li joqtlu wkoll lil Lazzru;
- Għax minħabba fih ħafna mil-Lhud kienu jitilqu, u jemmnu f’Ġesù.
- Il-għada ħafna nies li kienu ġew għall-festa, meta sem-għu li Ġesù kien ġej Ġerusalemm,
- Ħadu friegħi tas-siġar tal-palm, u ħarġu jilqgħuh, u għa-jtu: Osanna: Imbierek min ġej f’isem il-Mulej! U s-Sultan ta’ Iżrael!
- U Ġesù, meta sab felu, rikeb fuqu; kif inhu miktub:
- La tibżax, bint Sijon: ara, is-Sultan tiegħek ġej, riekeb fuq felu ta’ ħmara.
- Dawn il-ħwejjeġ ma fehmuhomx għall-ewwel id-dixx-ipli tiegħu: iżda meta Ġesù kien igglorifikat, ftakru mbagħad li dawn il-ħwejjeġ kienu miktubin għalih, u li dawn il-ħwejjeġ kienu għamlulu.
- Il-folla mela li kienet miegħu xħin sejja lil Lazzru mill-qabar, u qajmu mill-imwiet, kienet tagħti xhieda.
- Minħabba f’hekk in-nies ukoll laqgħuh, għax kienu semgħu lil kien għamel dal-miraklu.
- Għalhekk qalu l-Fariżej bejniethom: Taraw kif ma ta-għmlu xejn? Ara, id-dinja marret warajh.
- U kien hemm xi Griegi fost dawk li kienu telgħu biex jagħtu qima fil-festa:
- Dawn meta resqu lejn Filippu, li kien minn Betsajda tal-Galilija, u talbuh, billi qalu: Sinjur, nixtiequ naraw lil Ġesù.
- Ġie Filippu u qal lil Indri: u mbagħad Indri u Filippu qalu lil Ġesù.
- U Ġesù wieġeb, billi qal: Waslet is-siegħa, li Bin il-bniedem ikun igglorifikat.
- Tassew, tassew, ngħidilkom: Jekk qamħa ma taqax fl-art u tmut, tibqa’ weħidha: iżda jekk tmut, tagħmel ħafna frott.
- Min iħobb lil ħajtu jitlifha; u min jobgħod lil ħajtu f’din id-dinja jżommha għall-ħajja ta’ dejjem.
- Jekk xi ħadd irid jaqdini, hu għandu jimxi warajja; u fejn inkun jien, hemm ukoll ikun il-qaddej tiegħi. Min jaqdi lili, il-Missier jagħtih ġieh.
- Issa ruħi mqallba; u x’naqbad ngħid? Missier, eħlisni minn dis-siegħa: iżda għalhekk jien ġejt għal dis-siegħa.
- Missier, igglorifika lil ismek. Imbagħad ġie leħen mis-sema jgħid: U igglorifikajtu, u narġa’ nigglorifikah.
- Għalhekk in-nies li kienet hemm, u semgħet dan, qalet li kienet ragħda: oħrajn qalu: Kellmu anġlu.
- Wieġeb Ġesù, u qal: Mhux minħabba fija ġie dal-leħen, imma minħabba fikom.
- Issa hu l-ġudizzju ta’ did-dinja: issa l-ħakkiem ta’ did-dinja jinxteħet barra.
- U jien, jekk nintrefa’ mill-art, niġbed lil kulħadd lejja.
- Qalu dan, biex ifisser b’liema mewt kellu jmut.
- Wiġbuh in-nies: Aħna smajna mil-liġi li l-Kristu jibqa’ għal dejjem: u int kif tgħid: Bin il-bniedem għandu jintrefa’? Min hu dan Bin il-bniedem?
- Imbagħad qalilhom Ġesù: Ftit żmien ieħor id-dawl hu magħkom. Imxu waqt li għandkom id-dawl, biex ma jiġix fuq-kom id-dlam: għax min jimxi fid-dlam ma jafx fejn hu sejjer.
- Waqt li għandkom id-dawl, emmnu fid-dawl, biex tkunu wlied id-dawl. Meta Ġesù tkellem dawn il-ħwejjeġ, telaq, u nħeba minnhom.
- Iżda għalkemm għamel ħafna mirakli quddiemhom, ma emmnux fih:
- Biex isseħħ il-kelma tal-profeta Isaija, li qal: Mulej, min emmen dak li xandarna, u lil min driegħ il-Mulej kien imgħarraf?
- Għalhekk ma setgħux jemmnu, għaliex Isaija qal ukoll:
- Għamielhom għajnejhom, u webbes qalbhom; biex ma jarawx b’għajnejhom, u lanqas jifhmu b’qalbhom, u jikkonvertu, u jkolli nfejjaqhom.
- Dawn il-ħwejjeġ qal Isaija, meta ra l-glorja tiegħu, u tkellem fuqu.
- Madankollu ħafna mill-kbarat emmnu fih; iżda minħabba l-Fariżej ma kinux jistqarruh, biex ma jitkeċċewx mis-sinagoga:
- Għax ħabbew il-glorja tal-bniedem aktar mill-glorja ta’ Alla.
- Għajjat Ġesù, u qal: Min jemmen fija, mhux fija jem-men, iżda f’min bagħtni.
- U min jara lili jara lil min bagħatni.
- Jien ġejt dawl fid-dinja, biex kull min jemmen fija ma jibqax fid-dlam.
- U jekk xi ħadd jisma’ kliemi, u ma jemminx, ma nagħmilx ġudizzju minnu; għax ma ġejtx biex nagħmel ġudizzju mid-dinja, imma biex insalva d-dinja.
- Min iwarrabni, u ma jilqax kliemi, għandu wieħed li jagħmel ġudizzju minnu: il-kliem li jiena għidt, dan jagħmel ġudizzju minnu fl-aħħar jum.
- Għax jien ma tkellimtx minni nnifsi: iżda l-Missier li bagħatni, hu ordnali x’għandi ngħid, u x’għandi nitkellem.
- U naf li l-ordni tiegħu hi l-ħajja ta’ dejjem: għalhekk kulma nitkellem, kif qalli l-Missier, hekk nitkellem jien.
Ġwanni 13
- Issa qabel il-festa tal-għid, meta Ġesù kien jaf li waslet is-siegħa tiegħu li għandu jgħaddi minn did-dinja għal għand il-Missier, billi kien ħabb lil tiegħu, li kienu fid-dinja, baqa’ jħobbhom sa l-aħħar.
- U matul l-ikla, billi x-Xitan kien diġà daħħal f’qalb Ġuda Iskarjota, bin Xmun, biex jittradih;
- Ġesù kif kien jaf li kollox kien tah il-Missier f’idejh, u li mingħand Alla kien ħareġ, u għand Alla kien sejjer;
- Qam mill-ikla, qiegħed fil-ġenb ħwejġu; u ħa xugaman, u tħażżem.
- Wara dan tafa’ l-ilma fi friskatur, u beda jaħsel riġlejn id-dixxipli, u jimsagħhomlhom bix-xugaman li bih kien imħaż-żem.
- Imbagħad wasal għal Xmun Pietru, u Pietru qallu: Mulej, int taħsilli riġlejja?
- Wieġeb Ġesù, u qallu: Dak li nagħmel jien int issa ma tafux; iżda tkun tafu wara.
- Qallu Pietru: Ma jkun qatt li inti taħsilli saqajja. Jekk ma naħslikx, ma jkollokx sehem miegħi.
- Xmun Pietru qallu: Mulej, mhux riġlejja biss, iżda idejja wkoll u rasi.
- Qallu Ġesù: Min hu maħsul ma jaħtieġx li jaħsel riġlejh, iżda hu nadif kollu kemm hu: intom indaf, iżda mhux ilkoll.
- Għax kien jaf min kellu jittraddih; għalhekk qal: Min-tomx indaf ilkoll.
- Għalhekk wara li ħaslilhom saqajhom, hu ħa l-mantar, u raġa’ qagħad mal-mejda, u qalilhom: Tafu x’għamiltilkom?
- Intom issejħuli Mgħallem u Mulej; u sewwa tgħidu; għax hekk jien.
- Jekk jien mela, il-Mulej u l-Imgħallem tagħkom, u ħsil-tilkom riġlejkom; intom ukoll għandkom taħslu riġlejn xulxin.
- Għax jien tajtkom eżempju, biex bħal ma għamiltilkom jien, hekk tagħmlu intom.
- Tassew, tassew ngħidilkom: Il-qaddej mhux akbar minn sidu; lanqas min hu mibgħut akbar minn min bagħtu.
- Jekk tafu dawn il-ħwejjeġ, henjin intom jekk tagħmlu-hom.
- Mhux għalikom ilkoll qiegħed ngħid: jiena naf lil min għażilt: iżda biex isseħħ l-iskrittura: Min jiekol il-ħobż miegħi, rafa’ għalija għarqubu.
- Issa ngħidilkom qabel ma jiġri, biex, meta jiġri, temmnu li jiena [hu].
- Tassew, tassew, ngħidilkom: Min jilqa’ lil min nibgħat jien, jilqa’ lili; u min jilqa’ lili jilqa’ lil min bagħatni.
- Wara li Ġesù qal hekk, tħawwad fl-ispirtu, u xehed, u qal: Tassew, tassew, ngħidilkom, li wieħed minnkom jittradini.
- Imbagħad id-dixxipli ħarsu lejn xulxin, billi kienu fid-dubju għal min kien qiegħed jgħid.
- Issa kien hemm mixħut fuq ħdan Ġesù wieħed mid-dixxipli tiegħu li Ġesù kien iħobb.
- Għemżu mela Xmun Pietru, biex jistaqsih fuq min kien qiegħed jgħid.
- Hu u jitmejjel fuq sider Ġesù, dak qallu: Mulej, min hu?
- Wieġeb Ġesù: Hu dak, li nagħtih ftieta, wara li nbillha. U wara li bill il-ftieta, taha ’l Ġuda Iskarjota, bin Xmun.
- U wara l-ftieta, daħal fih Satana. Imbagħad Ġesù qallu: Dak li għandek tagħmel, agħmlu mill-aktar fis.
- Ħadd minn dawk li kienu fuq il-mejda ma kien jaf il-għala qallu dan.
- Għax x’uħud minnhom ħasbu, li billi Ġuda kellu l-bor-ża, Ġesù qallu: Ixtri dak li naħtieġu għall-festa; jew, biex jagħti xi ħaġa lill-foqra.
- Xħin ħa l-ftieta ħareġ mill-ewwel: u kien il-lejl.
- Għalhekk, meta ħareġ, qal Ġesù: Issa hu igglorifikat Bin il-bniedem, u Alla hu igglorifikat fih.
- Jekk Alla hu igglorifikat fih, Alla wkoll jigglorifikah fih innifsu, u dalwaqt jigglorifikah.
- Uliedi ċ-ċkejknin, ftit ieħor indum magħkom. Għad tfittxuni: u bħal ma għidt lil-Lhud: Fejn sejjer jien, intom ma tistgħux tiġu; hekk ngħid lilkom issa.
- Kmandament ġdid nagħtikom: Li tħobbu lil xulxin; bħal ma ħabbejtkom jien, ħobbu intom ukoll lil xulxin.
- B’dan jagħraf kulħadd li intom dixxipli tiegħi, jekk għandkom l-imħabba lejn xulxin.
- Qallu Xmun Pietru: Mulej, fejn sejjer? Wieġeb Ġesù: Fejn sejjer jien, ma tistax tiġi warajja għalissa; iżda tiġi warajja mbagħad.
- Qallu Pietru: Mulej, għala ma nistax niġi warajk issa? Nagħti ħajti għalik.
- Wieġbu Ġesù: Tagħti ħajtek għalija? Tassew, tassew, ngħidlek: Ma jiddinx is-serduq, sa ma tiċħadni tliet darbiet.
Ġwanni 14
- La tħallux qalbkom titħawwad: emmnu f’Alla, emmnu wkoll fija.
- F’dar Missieri hemm ħafna postijiet: kieku ma kienx hekk, kont ngħidilkom. Jien sejjer inhejji post għalikom.
- U jekk immur u nhejji post għalikom, nerġa’ niġi u nilqagħkom għandi; biex fejn inkun jien, tkunu intom ukoll.
- U fejn sejjer jien tafu, u tafu t-triq.
- Qallu Tumas: Mulej, ma nafux fejn sejjer; u kif nistgħu nafu t-triq.
- Qallu Ġesù: Jiena hu t-triq, u l-Verità, u l-ħajja: Ħadd ma jiġi għand il-Missier, ħlief bija.
- Kieku għaraftuni, kontu tagħrfu ’l Missier ukoll; minn issa tagħrfuh, u rajtuh.
- Qallu Filippu: Mulej, urina ’l Missier, u biżżejjed għalina.
- Qallu Ġesù: Ilni daż-żmien kollu magħkom, u għadek ma tafnix, Filippu? Min ra lili ra ’l Missier; u kif tgħid int mela: Urina ’l Missier?
- Ma temminx li jien fil-Missier, u l-Missier fija? Il-kliem li ngħidilkom ma ngħidux minni nnifsi: iżda l-Missier li jgħam-mar fija, hu jagħmel l-opri.
- Emmnuni li jien fil-Missier, u l-Missier fija, jew għall-inqas emmnuni minħabba l-opri nfushom.
- Tassew, tassew, ngħidilkom: Min jemmen fija, l-għemejjel li nagħmel jien jagħmel hu wkoll; u opri akbar minn dawn jagħmel; għax jien sejjer għand Missieri.
- U kulma titolbu f’ismi, dak nagħmel, biex il-Missier ikun igglorifikat fl-Iben.
- Jekk titolbuni xi ħaġa f’ismi, nagħmilha.
- Jekk tħobbuni, intom iżżommu l-kmandamenti tiegħi.
- U jien nitlob lill-Missier, u hu jagħtikom Avukat ieħor, biex jibqa’ magħkom għal dejjem;
- Li hu l-Ispirtu tal-verità, li d-dinja ma tistax tilqgħu, għax la tarah, u lanqas tafu: iżda intom tafuh; għax igħammar magħkom, u jkun fikom.
- Ma nħallikomx iltiema: niġi għandkom.
- Ftit ieħor, u d-dinja ma taranix aktar; iżda intom taraw-ni: billi jiena ngħix, intom tgħixu wkoll.
- Dak in-nhar intom tagħrfu li jiena f’Missieri, u intom fija, u jiena fikom.
- Min għandu l-kmandamenti tiegħi u jħarishom, dak hu li jħobbni, u min iħobb lili, iħobbu wkoll il-Missier, u jiena wkoll inħobbu u nurih lili nnifsi.
- Qallu Ġuda, mhux l-Iskarjota: Mulej, kif kien li sejjer turi ruħek lilna, u mhux lid-dinja?
- Ġesù wieġbu: Jekk xi ħadd iħobbni, iħares kelmti, u Missieri jħobbu, u aħna niġu u ngħammru għandu.
- Min ma jħobbnix ma jħarisx kliemi. U l-kelma li tisimgħu, mhix tiegħi, iżda tal-Missier li bagħatni.
- Dawn għidtilkom, billi għadni magħkom.
- Imma L-Avukat, li hu l-Ispirtu Qaddis, li l-Missier jibgħat f’ismi, hu jgħallimkom kollox, u jfakkarkom kulma għidtilkom.
- Inħallilkom il-paċi, nagħtikom il-paċi tiegħi: mhux bħal ma tagħti d-dinja, nagħtikom jien: la tħallux qalbkom titħawwad, lanqas tħalluha titbażża’.
- Smajtu x’għidtilkom: Sejjer, u narġa’ niġi għandkom. Kieku ħabbejtuni, kontu tifirħu, għax għidt: Sejjer għand Missieri: għax Missieri akbar minni.
- U għidtilkom issa qabel ma jiġri; biex, meta jiġri, tem-mnu.
- Minn issa ma nitkellimx aktar magħkom, għax ġej il-ħakkiem ta’ did-dinja, u fija m’għandu xejn.
- Iżda biex id-dinja tagħraf li jiena nħobb il-Missier u bħal ma ordnali l-Missier, hekk nagħmel. Qumu, nitilqu minn hawn.
Ġwanni 15
- 1Jiena d-dielja vera, u Missieri l-bidwi.
- Kull fergħa fija li ma tagħmilx frott ineħħiha: u kull fergħa li tagħmel il-frott, jiżborha, biex tagħmel frott aktar.
- Intom issa ndaf minħabba l-kelma li kellimtkom.
- Ibqgħu fija, u jiena nibqa’ fikom. Kif il-fergħa ma tistax tagħmel frott minnha nfisha jekk ma tibqax fid-dielja, hekk anqas intom jekk ma tibqgħux fija.
- Jiena d-dielja, intom il-friegħi: Min jibqa’ fija, u jiena fih, dan jagħmel ħafna frott: għax mingħajri ma tistgħu tagħmlu xejn.
- Jekk wieħed ma jibqax fija, jintrema barra bħal fergħa, u jinxef; u friegħi bħal dawn jiġbruhom, u jixħtuhom fin-nar, u jinħarqu.
- Jekk tibqgħu fija u kliemi jibqa’ fikom, itolbu kull ma tridu, u jingħatalkom.
- Din hi l-glorja ta’ Missieri, li intom tagħmlu ħafna frott u tkunu dixxipli tiegħi.
- Bħal ma ħabbni l-Missier, hekk ħabbejtkom jiena: ibqgħu fl-imħabba tiegħi.
- Jekk tħarsu l-kmandamenti tiegħi, intom tibqgħu fi mħabbti, kif jiena ħarist il-kmandamenti ta’ Missieri u qiegħed f’imħabbtu.
- Għidtilkom dawn il-ħwejjeġ, biex il-ferħ tiegħi jibqa’ fikom, u biex il-ferħ tagħkom ikun sħiħ.
- Dan hu l-kmandament tiegħi: Li tħobbu lil xulxin, bħal ma ħabbejtkom jiena.
- Imħabba akbar minn din ħadd ma għandu, li wieħed jagħti ħajtu għal ħbiebu.
- Intom ħbiebi, jekk tagħmlu dak kollu li jiena nikkmandakom.
- Ma ngħidilkomx aktar qaddejja: għax il-qaddej ma jafx x’jagħmel sidu: iżda sejjaħtilkom ħbieb; għax kulma smajt min-għand Missieri għarrafthulkom.
- Mhux intom ħtartuni, iżda jien ħtartkom, u jien għamiltkom, biex tmorru u tagħmlu l-frott, u li l-frott tagħkom jibqa’: biex kulma titolbu ’l Missieri f’ismi, jagħtihulkom.
- Dan nikkmandakom: li tħobbu lil xulxin.
- Jekk id-dinja tobgħodkom, tafu li lili bagħditni qabel bagħditkom.
- Li kontu tad-dinja, id-dinja kienet tħobb lil tagħha: iżda billi mintomx tad-dinja, iżda għażiltkom mid-dinja, għalhekk tobgħodkom id-dinja.
- Ftakru fil-kelma li għidtilkom: Il-qaddej mhux akbar minn sidu. Jekk ippersegwitawni, jippersegwitaw lilkom ukoll; jekk ħarsu kelmti, iħarsu tagħkom ukoll.
- Iżda dan kollu għad jagħmlulkom minħabba ismi, għax ma jafux lil min bagħatni.
- Kieku ma ġejtx u kellimthom, ma kienx ikollhom dnub; iżda issa m’għandhom ebda skuża għad-dnub tagħhom.
- Min jobgħod lili jobgħod lil Missieri wkoll.
- Kieku ma għamiltx fosthom l-opri li ħadd qatt ma għamel, ma kienx ikollhom dnub: iżda issa rawhom, u bagħdu sew lili u kemm lil Missieri.
- Iżda dan ġara, biex iseħħ il-kliem miktub fil-liġi tagħ-hom: Bagħduni għal xejn.
- Imma meta jiġi l-Avukat, li jiena nibgħatilkom minn għand il-Missier, l-Ispirtu tal-verità, li ġej mill-Missier, hu jixhed għalija:
- U intom ukoll tixhdu, għax intom kontu miegħi mill-bidu.
Ġwanni 16
- Għidtilkom dawn il-ħwejjeġ, biex ma titfixklux.
- Ikeċċukom mis-sinagogi: iva, jasal il-waqt, li kull min joqtolkom jaħseb li qiegħed jaqdi lil Alla.
- U dawn il-ħwejjeġ jagħmlulkom, għax ma jafux u la ’l Missier, u lanqas lili.
- Iżda dawn il-ħwejjeġ għidtilkom, biex meta jasal il-waqt, tiftakru li jiena għidthomlkom. U dawn il-ħwejjeġ ma għidthomlkomx mill-ewwel, għax kont magħkom.
- Iżda issa sejjer għand min bagħatni, u ħadd minkom ma jistaqsini: Fejn sejjer?
- Iżda għax għidtilkom dawn il-ħwejjeġ, is-swied il-qalb imlielkom qalbkom.
- Madankollu jien ngħidilkom il-verità: Jaqblilkom li jien immur: għax jekk ma mmurx, l-Avukat ma jiġix għandkom; iżda jekk immur, nibgħatulkom.
- U meta jiġi hu, jwiddeb lid-dinja dwar id-dnub, u dwar il-ġustizzja, u dwar il-ġudizzju.
- Għad-dnub, għax ma emmnux fija;
- Għall-ġustizzja, għax sejjer għand Missieri, u ma taraw-nix iżjed;
- Għall-ġudizzju, għax il-ħakkiem ta’ did-dinja hu ikkundannat.
- Għad għandi bosta ħwejjeġ x’ingħidilkom, iżda issa ma tistgħux tifhmuhom.
- Imma meta jiġi, l-Ispirtu tal-verità, hu jiggwidakom għall-verità kollha: għax hu ma jitkellimx minnu nnifsu; iżda dak kollu li jisma’, dak igħid hu: u jħabbrilkom x’għandu jiġi.
- Hu jigglorifikani: għax jieħu minn tiegħi, u jgħarrafhulkom.
- Kulma għandu l-Missier hu tiegħi. Għalhekk għidt: Jieħu minn tiegħi, u jgħarrafhulkom.
- Ftit ieħor, u ma tarawnix iżjed: u tarġa’ ftit ieħor, u tarawni, għax sejjer għand il-Missier.
- Imbagħad qalu x’uħud mid-dixxipli tiegħu bejniethom: X’inhu dan li qiegħed igħidilna: Ftit ieħor, u ma tarawnix iżjed: u tarġa’ ftit ieħor, u tarawni: u, Għaliex jien sejjer għand il-Missier?
- Għalhekk mela qalu: X’inhu dan li qiegħed igħid: Ftit ieħor? Ma nistgħux ngħidu x’inhu jgħid.
- Issa Ġesù għaraf li xtaqu jistaqsuh, u qalilhom: Qegħdin tistaqsu bejnietkom fuq dak li għidt: Ftit ieħor, ma tarawnix: u tarġa’ ftit ieħor, u tarawni?
- Tassew, tassew, ngħidilkom: Intom għad tibku u tolfqu; iżda d-dinja tifraħ: u intom titnikktu, iżda n-niket tagħkom jin-bidel f’ferħ.
- Mara hi u tiled tkun imnikkta, għax tkun waslet is-siegħa tagħha; imma hekk kif tiled it-tarbija, ma tiftakarx iżjed fl-uġigħ, bil-ferħ li twieled bniedem fid-dinja.
- U għalhekk intom issa mnikktin: iżda għad narġa’ narakom, u qalbkom tifraħ, u l-ferħ tagħkom ħadd ma jeħodulkom.
- U dak in-nhar xejn ma tistaqsuni. Tassew, tassew, ngħidilkom: Kulma titolbu ’l Missier f’ismi, jagħtihulkom.
- S’issa għadkom ma tlabtu xejn f’ismi: itolbu, u taqilgħu, biex il-ferħ tagħkom ikun sħiħ.
- Dawn il-ħwejjeġ għidtilkom bit-tixbihat: jiġi ż-żmien meta ma nkellimkomx iżjed bit-tixbihat, iżda ngħarrafkom fuq il-Missier bid-dieher.
- U dak in-nhar titolbu f’ismi: u ma ngħidilkomx, li nitlob lill-Missier għalikom:
- Għaliex il-Missier innifsu jħobbkom, għax intom ħab-bejtuni, u emmintu li jien ħriġt mingħand Alla.
- Ħriġt mingħand il-Missier, u ġejt fid-dinja; narġa’ nħalli d-dinja, u mmur għand il-Missier.
- Id-dixxipli tiegħu qalulu: Ara, issa qiegħed titkellem ċar, u ma tgħid ebda qawl.
- Issa nafu li taf kollox, u ma taħtieġx li wieħed jistaqsik: għalhekk nemmnu li ħriġt mingħand Alla.
- Weġibhom Ġesù: Temmnu issa?
- Ara, is-siegħa waslet: iva, issa ġiet, li tixterdu, kull wieħed għal rasu, u lili tħalluni waħdi; imma miniex waħdi, għax il-Missier hu miegħi.
- Dawn il-ħwejjeġ għidtilkom biex ikollkom is-sliem bija. Fid-dinja jkollkom tribulazzjoni: iżda qawwu qalbkom; jien għelibt lid-dinja.
Ġwanni 17
- Dan il-kliem tkellem Ġesù, u rafa’ għajnejh lejn is-sema, u qal: Missier, waslet is-siegħa, igglorifika ’l Ibnek, biex Ibnek jigglorifikak ukoll:
- Bħal ma tajtu l-awtorità fuq kull bniedem, biex jagħti l-ħajja ta’ dejjem lil dawk kollha li tajtu.
- U din hi l-ħajja ta’ dejjem, li jagħrfu lilek waħdek veru Alla, u ’l Ġesù Kristu, li inti bgħatt.
- Jien igglorifikajtek fuq l-art; temmejt ix-xogħol li tajtni biex nagħmel.
- U issa, o Missier, igglorifikani int bik innifsek stess, bil-glorja li kelli miegħek qabel ma kienet id-dinja.
- Urejt ismek lill-bnedmin li tajtni mid-dinja: tiegħek kienu, u inti tajthomli, u huma ħarsu l-kelma tiegħek.
- Issa għarfu li kulma tajnti hu minn għandek.
- Għaliex il-kelmiet li tajtni tajthomlhom; u huma laqgħuhom, u għarfu tassew illi jiena ħriġt minnek, u emmnu li inti bgħattni.
- Jien għalihom nitlob; ma nitlobx għad-dinja; iżda għal dawk li tajtni; għax huma tiegħek.
- U kulma hu tiegħi, tiegħek; u tiegħek, tiegħi; u jien igglorifikat fihom.
- U issa m’għadnix aktar fid-dinja, iżda huma għadhom fid-dinja, u jiena ġej għandek. Missier Qaddis, ħarishom f’ism-ek dawk li inti tajtni, biex ikunu ħaġa waħda bħalna.
- Meta kont magħhom fid-dinja ħaristhom f’ismek: dawk li tajtni ħaristhom, u ħadd minnhom ma ntilef, ħlief bin it-telfien; biex isseħħ l-iskrittura.
- U issa ġej għandek; u dawn il-ħwejjeġ ngħid fid-dinja, biex ikollhom fihom infushom mitmum il-ferħ tiegħi.
- Jien tajthom il-kelma tiegħek; u d-dinja bagħadithom, għax mhumiex tad-dinja, bħalma jien ukoll miniex tad-dinja.
- Ma nitlobx li tneħħihom mid-dinja, iżda biex tħarishom mill-ħażen.
- Mhumiex tad-dinja, kif jien ukoll miniex tad-dinja.
- Qaddishom fil-verità tiegħek: il-kelma tiegħek hi l-verità.
- Kif int bgħattni fid-dinja, hekk jien bgħatthom fid-dinja.
- U għalihom jien inqaddes lili nnifsi, biex huma wkoll jitqaddsu fil-verità.
- Iżda mhux biss għalihom nitlob, iżda wkoll għal dawk li jemmnu fija minħabba kelmithom;
- Biex ikunu lkoll ħaġa waħda; bħalma int, Missier, fija, u jiena fik, biex huma wkoll ikunu fina ħaġa waħda: biex id-dinja temmen illi int bgħattni.
- U l-glorja li tajtni tajthielhom; biex ikunu ħaġa waħda, bħalma aħna wkoll ħaġa waħda:
- Jiena fihom, u inti fija; biex ikunu pperfezzjonati f’ħaġa waħda; u biex tagħraf id-dinja li inti bgħattni, u ħabbejthom, bħal ma ħabbejt lili.
- Missier, irrid illi dawk ukoll, li inti tajtni, ikunu miegħi fejn inkun jien; biex jaraw il-glorja tiegħi, li inti tajtni: għax ħabbejnti qabel tisjis id-dinja.
- O Missier ġust, id-dinja ma għarfitikx; iżda jien għara-ftek, u dawn għarfu li inti bgħattni.
- U għarrafthom ismek, u nibqa’ ngħarrfu: biex l-imħabba li biha ħabbejtni tkun fihom, u jiena fihom.
Ġwanni 18
- Wara li qal dal-kliem, Ġesù ħareġ mad-dixxipli tiegħu għan-naħa l-oħra ta’ wied Kedron, fejn kien hemm ġnien, li fih daħal hu, u d-dixxipli tiegħu.
- Ġuda wkoll, li ttradih, kien jaf il-post: għax Ġesù kien imur ta’ spiss hemm mad-dixxipli tiegħu.
- Għalhekk Ġuda, wara li ħa qatgħa suldati u għases mingħand il-qassisin il-kbar u l-Fariżej, ġie hemm bil-fanali, u t-torċi, u l-armi.
- Mela Ġesù, billi kien jaf dak kollu li kellu jiġi fuqu, ħareġ, u qalilhom: Lil min qegħdin tfittxu?
- Wiġbuh: Lil Ġesù ta’ Nażaret. Qalilhom Ġesù: Jiena [hu]. U Ġuda wkoll, li ittradih, kien magħhom.
- Mela malli qalilhom: Jiena [hu]; marru lura, u waqgħu ma’ l-art.
- Imbagħad raġa’ staqsiehom: Lil min qegħdin tfittxu? U huma qalu: Lil Ġesù ta’ Nażaret.
- Wieġeb Ġesù: Għidtilkom li jiena [hu]: jekk mela qegħdin tfittxu lili, ħallu lil dawn imorru:
- Biex iseħħ il-kliem, li qal: Minn dawk li tajtni, ma tlift lil ħadd.
- Imbagħad Xmun Pietru li kellu xabla silitha, u darab il-qaddej tal-qassis il-kbir, u qatagħlu widintu l-leminija. L-isem tal-qaddej kien Malku.
- Imbagħad qal Ġesù lil Pietru: Daħħal ix-xabla fil-għant: il-kalċi li tani Missieri ma nixorbux?
- Imbagħad il-qatgħa tas-suldati u l-kaptan u l-għases tal-Lhud ħadu lil Ġesù, u rabtuh.
- U ħaduh għand Anna l-ewwel; għax kien ħaten Qajfas, li kien il-qassis il-kbir ta’ dik is-sena.
- Issa Qajfas kien dak li ta parir lil-Lhud, li kien jaqbel li bniedem wieħed imut għall-poplu.
- U Xmun Pietru mar wara Ġesù; u hekk għamel dixxiplu ieħor: dan id-dixxiplu kien magħruf mill-qassis il-kbir, u daħal ma’ Ġesù fil-palazz tal-qassis il-kbir.
- Iżda Pietru baqa’ barra fil-bieb. Imbagħad ħareġ dak id-dixxiplu l-ieħor, li kien magħruf mill-qassis il-kbir, u kellem lill-qaddejja tal-bieb, u daħħal lil Pietru.
- Imbagħad qalet il-qaddejja tal-bieb lil Pietru: Jaqaw inti wkoll wieħed mid-dixxipli ta’ dal-bniedem? Qal: Miniex.
- U l-qaddejja u l-għases kienu hemm bil-wieqfa, billi kienu qabbdu nar tal-faħam; għax kien il-ksieħ; u kienu jissaħħnu: u Pietru kien bil-wieqfa magħhom, u jissaħħan.
- Imbagħad il-qassis il-kbir, staqsa lil Ġesù fuq id-dixxipli tiegħu.
- Wieġbu Ġesù: Jien kellimt lid-dinja bid-dieher; jien dejjem għallimt fis-sinagoga, u fit-tempju, fejn jinġabru dejjem il-Lhud; u xejn ma tkellimt bil-moħbi.
- Għaliex tistaqsini? Staqsi lil dawk li semgħuni, fuqiex kellimthom: ara, huma jafu x’għidt jien.
- U malli qal hekk, wieħed mill-għases li kien hemm ta daqqa ta’ ħarta ’l Ġesù, u qal: Hekk twieġeb lill-qassis il-kbir?
- Wieġbu Ġesù: Jekk ħażin tkellimt, agħti xhieda tal-ħażen: iżda jekk tajjeb, għaliex issawwatni?
- Issa Anna kien bagħtu marbut għand Qajfas il-qassis il-kbir.
- U Xmun Pietru kien bil-wieqfa jissaħħan. Mela qalulu: Int mintix ukoll wieħed mid-dixxipli tiegħu? Ċaħad, u qal: Miniex.
- Qal wieħed mill-qaddejja tal-qassis il-kbir, lil kien qarib ta’ dak li Pietru qatagħlu widintu: Ma rajtikx jien fil-ġnien miegħu?
- Imbagħad raġa’ ċaħad Pietru; u minnufih is-serduq idden.
- Imbagħad ħadu lil Ġesù mingħand Qajfas għall-pretorju: u kien kmieni filgħodu: u huma ma daħlux fil-pretorju, biex ma jit-niġġsux; iżda biex ikunu jistgħu jieklu l-għid.
- Pilatu mbagħad ħareġ barra fejnhon, u qal: Liema akkuża ġġibu kontra dal-bniedem?
- Wieġbu, u qalulu: Kieku ma kienx raġel ta’ ħsara, ma konniex nagħtuh f’idejk.
- Qalilhom imbagħad Pilatu: Ħuduh intom, u għamlu ġudizzju minnu skont il-liġi tagħkom. Il-Lhud mela qalulu: Aħna ma nistgħux skont il-liġi noqtlu lil ħadd.
- Biex iseħħ il-kliem ta’ Ġesù, li qal, biex juri b’liema mewta kellu jmut.
- Imbagħad Pilatu raġa’ daħal fil-pretorju, u sejjaħ lil Ġesù, u qallu: Int is-sultan tal-Lhud?
- Wieġbu Ġesù: Qiegħed tgħid dan minnek innifsek, jew oħrajn qaluhulek fuqi?
- Wieġeb Pilatu: Mela jiena Lhudi? Ġensek stess u l-qassisin il-kbar tawk f’idejja: x’għamilt?
- Wieġeb Ġesù: Is-saltna tiegħi m’hijiex ta’ din id-dinja. Li kieku s-saltna tiegħi kienet ta’ din id-dinja, l-għases tiegħi kienu jiġġieldu biex ma ningħatax f’idejn il-Lhud; imma tabilħaqq is-saltna tiegħi m’hijiex minn hawn.
- Pilatu qallu: Mela int sultan? U Ġesù wieġeb: Qiegħed tgħidu int: jien sultan. Jien għalhekk twelidt, u għalhekk ġejt fid-dinja, biex nixhed għall-verità. U kull min iħobb il-verità jisma’ leħni.
- Qallu Pilatu: X’inhi l-verità? Wara li qal dan, raġa’ ħareġ fejn il-Lhud, u qalilhom: Jien ma nsib ebda ħtija fih.
- Imma intom għandkom drawwa, li jiena neħilsilkom wieħed fil-għid: tridu mela li neħilsilkom is-Sultan tal-Lhud?
- Imbagħad ilkoll reġgħu għajtu, billi qalu: Mhux lil dar-raġel, imma ’l Barabba. Issa Barabba kien ħalliel.
Ġwanni 19
- Imbagħad mela Pilatu ħa lil Ġesù, u sawtu.
- U s-suldati dafru kuruna tax-xewk, u qegħduha fuq rasu, u libbsuh libsa tal-porpra.
- U qalu: Is-sliem, Sultan tal-Lhud! U tawh bil-ħarta.
- Pilatu raġa’ ħareġ barra, u qalilhom: Ara, nġibulkom barra, biex tkunu tafu li ma nsib ebda ħtija fih.
- Ħareġ imbagħad Ġesù, liebes il-kuruna tax-xewk, u l-libsa tal-porpra. U Pilatu qalilhom: Araw il-bniedem!
- Xħin mela l-qassisin il-kbar u l-għases rawh, għajtu, billi qalu: Sallbu, sallbu. Pilatu qalilhom: Ħuduh, u sallbuh: għax jien fih ma nsib ebda ħtija.
- Wiġbuh il-Lhud: Aħna għandna liġi, u skont il-liġi għandu jmut, għax għamel lilu nnifsu Bin Alla.
- Meta mela Pilatu sama’ dal-kliem, aktar baża’.
- U raġa’ daħal fil-pretorju, u qal lil Ġesù: Minn fejn int? Imma Ġesù ma tahx tweġiba.
- Qallu mbagħad Pilatu: Ma tkellimnix? Ma tafx li jien għandi l-awtorità li nsallbek, u l-awtorità li nitilqek?
- Wieġeb Ġesù: Ma kien ikollok ebda awtorità fuqi, li ma kienx mogħti lilek minn fuq: għalhekk min tani f’idejk għandu dnub akbar.
- U minn dak il-ħin Pilatu fittex biex jeħilsu: imma l-Lhud għajtu, billi qalu: Jekk teħles lil dar-raġel, mintix ħabib ta’ Ċesri: kull min jagħmel lilu nnifsu sultan jitkellem kontra Ċesri.
- Mela meta Pilatu sama’ dal-kliem, ġieb barra lil Ġesù, u qagħad fuq it-tribunal f’lok li jgħidulu ċ-Ċangar, imma bil-Lhudi, Gabbatha.
- U kien nhar it-thejjija tal-għid, u madwar is-sitt siegħa: u qal lil-Lhud: Araw is-Sultan tagħkom!
- Imma huma għajtu: Neħħih, neħħih, sallbu. Qalilhom Pilatu: Insallab is-sultan tagħkom? Wiġbuh il-qassisin il-kbar: M’għandniex sultan ħlief lil Ċesri.
- Imbagħad mela tahulhom f’idejhom biex ikun imsallab. U ħadu lil Ġesù, u marru bih.
- U hu, imgħobbi bis-salib tiegħu, ħareġ lejn post igħidu-lu l-Qorriegħa, bil-Lhudi Golgota,
- Fejn sallbuh, u miegħu tnejn oħra, wieħed kull naħa, u Ġesù fin-nofs.
- U kiteb Pilatu titlu, u qiegħdu fuq is-salib. U t-tiltu kien: Ġesù ta’ Nażaret, sultan tal-Lhud.
- Mela ħafna mil-Lhud imbagħad qraw dat-titlu: għax il-post fejn kien imsallab Ġesù kien qrib il-belt, u kien miktub bil-Lhudi, u bil-Grieg, u bil-Latin.
- Imbagħad il-qassisin il-kbar tal-Lhud qalu lil Pilatu: La tiktibx: sultan tal-Lhud; imma li hu qal: Jiena Sultan tal-Lhud.
- Wieġeb Pilatu: Li ktibt, ktibt.
- Imbagħad is-suldati, wara li sallbu ’l Ġesù, ħadu lbiesu, u għamlu erba’ ishma, sehem għal kull suldat; u t-tunika tiegħu wkoll: issa t-tunika kienet bla ħjata, minsuġa minn fuq s’isfel.
- Għalhekk qalu bejniethom: Ma nċartuhiex, iżda nitfgħu x-xorti fuqha, lil min tmiss; biex isseħħ l-iskrittura, li tgħid: Qasmu ħwejġi bejniethom, u fuq libsti tefgħu x-xorti. Dan mela għamlu s-suldati.
- Issa ħdejn is-salib ta’ Ġesù kien hemm ommu, u oħt ommu, Marija mart Kleopa, u Marija Maddalena.
- Mela xħin Ġesù ra lil ommu, u d-dixxiplu li kien iħobb wieqaf hemm, qal lil ommu: Mara, ara ibnek!
- Imbagħad qal lid-dixxiplu: Ara ommok! U minn dik is-siegħa d-dixxiplu ħadha għandu.
- Wara dan, billi kien jaf Ġesù li kollox issa kien mitmum, biex isseħħ l-iskrittura, qal: Għandi l-għatx.
- Issa kien hemm reċipjent mimli bil-ħall: u mlew sponża bil-ħall, u qegħduha fuq qasba taż-żuf, u ressquhielu lejn fommu.
- Kif Ġesù ħa l-ħall, qal: Hu mitmum! Imbagħad mejjel rasu u radd ruħu.
- Għalhekk il-Lhud, billi kienet it-Thejjija, biex l-iġsma ma jibqgħux fuq is-salib fis-sabat, (għax dak is-sabat kien jum kbir), talbu lil Pilatu biex jitkissru saqajhom, u biex jitneħħew.
- Imbagħad ġew is-suldati, u kissru saqajn l-ewwel wieħed, u tal-ieħor li kien imsallab miegħu.
- Iżda meta ġew għal Ġesù, u raw li kien diġa’ miet, ma kissrux saqajh:
- Iżda wieħed mis-suldati nifidlu ġenbu bil-lanza, u minnufih ħareġ demm u ilma.
- U dak li ra dan xehed, u x-xhieda tiegħu hija minnha: u hu jaf li qiegħed igħid il-verità, biex intom temmnu.
- Għax dawn il-ħwejjeġ ġraw, biex isseħħ l-iskrittura: Għadma minnu ma tinkisirx.
- U skrittura oħra tgħid ukoll: Iħarsu lejn dak li nifdu.
- U wara dan Ġużeppi minn Arimateja, billi kien dixxiplu ta’ Ġesù, iżda bil-moħbi minħabba fil-biża’ tal-Lhud, talab lil Pilatu biex ineħħi l-ġisem ta’ Ġesù: u Pilatu ħallieh. Għalhekk ġie, u ħa l-ġisem ta’ Ġesù.
- U ġie wkoll Nikodemu, li kien mar bil-lejl l-ewwel darba għand Ġesù, u ġieb taħlita ta’ morr u sabbara, madwar mitt libbra.
- Ħadu mbagħad il-ġisem ta’ Ġesù, u kebbuh bi bċejjeċ tal-għażel bil-ħwawar, kif inhi d-drawwa tal-Lhud biex jidfnu.
- Issa fil-post fejn kien imsallab kien hemm ġnien; u fil-ġnien qabar ġdid, li ħadd qatt ma kien għadu tqiegħed fih.
- Hemm mela qiegħdu ’l Ġesù minħabba l-jum tat-thejjija tal-Lhud; għax il-qabar kien fil-qrib.
Ġwanni 20
- Issa, fl-ewwel jum tal-ġimgħa Marija Maddalena ġiet kmieni, meta kien għadu d-dlam, fejn il-qbar, u rat il-ġebla mneħħija mill-qabar.
- Imbagħad marret tiġri, u ġiet għand Xmun Pietru, u għand id-dixxiplu l-ieħor, li Ġesù kien iħobb, u qaltilhom: Ħadu l-Mulej mill-qabar, u ma nafux fejn qegħduh.
- Mela ħareġ Pietru, u dak id-dixxiplu l-ieħor, u ġew fejn il-qabar.
- U bdew jiġru t-tnejn flimkien: u d-dixxiplu l-ieħor għaddieh lil Pietru, u wasal l-ewwel ħdejn il-qabar.
- U hu u jitmejjel, u jħares ġewwa, ra l-bċejjeċ tal-għażel mixħutin; imma ma daħalx.
- Imbagħad wasal Xmun Pietru li kien warajh, u daħal fil-qabar, u ra l-bċejjeċ tal-għażel mixħutin,
- U l-maktur, li kien fuq rasu, mhux qiegħed mal-bċejjeċ tal-għażel, iżda mkebbeb f’ġenb għalih.
- Imbagħad daħal id-dixxiplu l-ieħor ukoll, li laħaq l-ewwel ħdejn il-qabar, u ra, u emmen.
- Għax kienu għadhom ma jafux l-iskrittura, li kellu jqum mill-imwiet.
- Imbagħad id-dixxipli reġgħu marru lejn darhom.
- Iżda Marija qagħdet barra mill-qabar tibki: u hija u tibki, tmejlet, u ħarset fil-qabar.
- U rat żewġ anġli lebsin abjad bil-qiegħda, il-wieħed fir-ras, u l-ieħor fir-riġlejn, fejn kien qiegħed il-ġisem ta’ Ġesù.
- U qalulha: Mara, għax qiegħda tibki? Qaltilhom: Għax ħadu lil Sidi, u ma nafx fejn qegħduh.
- U meta qalet hekk, daret lura, u rat lil Ġesù wieqaf, u ma kenitx taf li kien Ġesù.
- Qalilha Ġesù: Mara, għalfejn qiegħda tibki? Lil min qiegħda tfittex? Billi ħasbet li kien il-ġardinar, qaltlu: Sinjur, jekk int ġarrejtu minn hawn, għidli fejn qegħidtu, u jiena nieħdu.
- Qalilha Ġesù: Marija. Daret, u qaltlu: Rabboni; (jiġifieri, Mgħallem).
- Ġesù qalilha: ‘La tmissnix għax għadni ma tlajtx għand Missieri: iżda mur għand ħuti, u għidilhom: Jien tiela’ għand Missieri, u Missierkom; Alla tiegħi, u Alla tagħkom.
- Marija Maddalena ġiet u qalet lid-dixxpili li kienet rat lill-Mulej, u li qalilha dawn il-ħwejjeġ.
- Imbagħad dak in-nhar stess fil-għaxija, li kien l-ewwel jum tal-ġimgħa, meta l-bibien ta’ fejn kienu d-dixxipli kienu magħluqin minħabba l-biża’ tal-Lhud, ġie Ġesù u qagħad fin-nofs, u qalilhom: Is-sliem għalikom.
- Kif qal hekk, uriehom idejh u ġenbu. Id-dixxipli ferħu meta raw lill-Mulej.
- Imbagħad Ġesù tenna jgħidilhom: Is-sliem għalikom! Kif il-Missier bagħat lili, hekk jiena nibgħat lilkom.
- Kif qal hekk, nefaħ fuqhom u qalilhom: Ħudu l-Ispirtu Qaddis:
- Dawk li taħfrulhom dnubiethom ikunu maħfura, u dawk li żżommuhomlhom ikunu miżmuma.
- Imma Tumas, wieħed mit-tnax, li jgħidulu Didimu, ma kienx magħhom meta ġie Ġesù.
- Għalhekk qalulu d-dixxipli l-oħra: Rajna l-Mulej. Iżda dak qalilhom: Jekk ma narax f’idejh il-marka tal-imsiemer, u nqiegħed sebgħi fejn kienu l-imsiemer, u ndaħħal idi f’ġenbu, ma nemminx.
- U wara tmint ijiem id-dixxipli tiegħu reġgħu kienu qegħdin ġewwa, u Tumas magħhom: imbagħad ġie Ġesù, waqt li l-bibien kienu magħluqin, u qagħad fin-nofs, u qal: Is-sliem għalikom.
- Imbagħad qal lil Tumas: Ġib sebgħek hawn u ara jdejja; u ġib idek, u daħħalha f’ġenbi; u la tkunx bla fidi, iżda emmen.
- U Tumas wieġeb u qallu: il-Mulej tiegħi, u ’l Alla tiegħi.
- Qallu Ġesù: għax rajtni, emmint: imberkin dawk li ma rawx, u madankollu emmnu.
- Hemm ħafna sinjali oħra li Ġesù għamel quddiem id-dixxipli tiegħu u li ma humiex imniżżla f’dan il-ktieb.
- Iżda dawn inkitbu sabiex intom temmnu li Ġesù hu l-Messija Bin Alla, u biex bit-twemmin tagħkom ikollkom il-ħajja f’ismu.
Ġwanni 21
- Wara dawn il-ħwejjeġ raġa’ Ġesù wera ruħu lid-dixxipli ħdejn il-baħar tat-Tiberja; u wera ruħu hekk.
- Kienu flimkien Xmun Pietru, u Tumas, li jgħidulu Didimu, U Natanjel minn Kana tal-Galilija, u wlied Żebedew, u tnejn oħra mid-dixxipli tiegħu.
- Qalilhom Xmun Pietru: Sejjer nistad. Qalulu: Niġu aħna wkoll miegħek. Ħarġu, u telgħu fuq dgħajsa minnufih; u dak il-lejl ma qabdu xejn.
- Imma malli kien sebaħ, Ġesù kien wieqaf ix-xatt; iżda d-dixxipli ma kinux jafu li kien Ġesù.
- Imbagħad qalilhom Ġesù: Uliedi, għandkom x’tieklu? Wiġbuh: Le.
- U qalilhom: Itfgħu x-xibka n-naħa tal-lemin tad-dgħajsa, u ssibu. Tefgħu mela, u ma setgħux issa jiġbduha minħabba fil-kotra tal-ħut.
- Għalhekk dak id-dixxiplu li Ġesù kien iħobb, qal lil Pietru: Hu l-Mulej. Issa meta Xmun Pietru sama’ li kien il-Mulej, libes il-libsa ta’ fuq, għax kien għoddu għarwien, u ntafa’ l-baħar.
- U d-dixxipli l-oħra ġew f’dgħajsa żgħira; għax ma kinux bogħod mill-art, iżda qisu xi mitejn driegħ jiġbdu x-xibka bil-ħut.
- Kif niżlu l-art, raw hemm nar tal-ġamar, u ħuta mqiegħda fuqu, u ħobż.
- Qalilhom Ġesù: Ġibu mill-ħut li qbadtu issa.
- Tala’ Xmun Pietru, u ġibed ix-xibka l-art mimlija b’mija u tlieta u ħamsin ħuta kbira: u għalkemm kien hemm ħafna, ix-xibka ma nqasmitx.
- Qalilhom Ġesù: Ejjew u kulu. U ħadd mid-dixxipli ma kellu ħila jistaqsih: Min int? billi kienu jafu li kien il-Mulej.
- Ġie mbagħad Ġesù, u ħa l-ħobż, u tahom, u hekk ukoll il-ħut.
- Din kienet issa t-tielet darba li Ġesù wera lilu nnifsu lid-dixxipli tiegħu, wara li qam mill-imwiet.
- Mela wara li kielu, Ġesù qal lil Xmun Pietru: Xmun, bin Ġwanni, tħobbni aktar minn dawn? Qallu: Iva, Mulej; int taf li nħobbok. Qallu: Irgħa l-ħrief tiegħi.
- Raġa’ qallu t-tieni darba: Xmun, bin Ġwanni, tħobbni? Qallu: Iva, Mulej: int taf li nħobbok. Qallu: Irgħa n-nagħaġ tiegħi.
- Raġa’ qallu għat-tielet darba: Xmun, bin Ġwanni, tħobbni? Għela Pietru għax għat-tielet darba qallu: Tħobbni? U qallu: Mulej, int taf kollox; int taf li jien inħobbok. Qallu Ġesù: Irgħa n-nagħaġ tiegħi.
- Tassew, tassew ngħidlek: Meta kont żagħżugħ, kont titħażżem, u kont tmur fejn trid: imma meta tixjieħ, tiftaħ idejk, u ħaddieħor iħażżmek, u jieħdok fejn ma tridx.
- U dan qalu, biex ifisser b’liema mewt kellu jigglorifika ’l Alla. U meta qal dan, qallu: Ejja warajja.
- Imbagħad Pietru, meta dar, ra d-dixxiplu li kien iħobb Ġesù ġej wara; dak li waqt l-ikla tmejjel fuq sidru, u qal: Mulej min hu li se jittradik?
- Malli Pietru rah qal lil Ġesù: Mulej, u dal-bniedem x’jagħmel?
- Qallu Ġesù: Jekk irridu jibqa’ sa ma niġi, x’inhu dan għalik? Int imxi warajja.
- Imbagħad ħarġet fost l-aħwa x-xniegħa, li dak id-dixxiplu ma jmutx: Imma Ġesù ma qallux: Ma jmutx; iżda: Jekk irridu jibqa’ sa ma narġa’ nigi, x’inhu dan għalik?
- Dan hu d-dixxiplu li jixhed fuq dawn il-ħwejjeġ, u kitibhom: u nafu li x-xhieda tiegħu hi minnha.
- U hemm ukoll ħafna ħwejjeġ oħra li għamel Ġesù, li, kieku kellhom jinkitbu waħda waħda, naħseb li lanqas id-dinja nfisha ma tista’ tasa’ l-kotba li jinkitbu. Amen.