IT-TIENI ITTRA TA’ PIETRU

Dwar Din l-Ittra

 Il-Kittieb ta’ din l-ittra jrid lill-qarrejja tiegħu li jkunu jafu li l-Kristjani għandhom igħixu f’mod li jogħġob lil Alla (1:3) u jżommu sod mal-verità li huma kienu mogħtija (1:12).
 Hu jwissihom li profeti u għalliema foloz dahu fil-komunità Kristjana u kienu qegħdin jippruvaw biex imexxu lid-dixxipli tal-Mulej barrra mill-verità. Imma huma jkunu kkastigati għall-għemejjel ħżiena tagħhom (2:1-22). Meta għallilema foloz jkunu qegħdin jaħdmu, il-Kristjani għandhom iżommu mal-fidi tagħhom u jkunu eżempji għal oħrajn ta’ ħajja tajba.
 Probabbilment din l-ittra kienet mikutba bejn is-sena 65 u 68 W.K.
 Il-qarrejja qatt m’għandhom jinsew lir-ritorn tal-Mulej huwa ċert, ikun xi jkun xi jgħidu oħrajn (3:1-18).
8Imma ħaġa waħda m’għandiex tkun moħbija minnkom, maħbubin, li jum wieħed quddiem il-Mulej hu bħal elf sena, u elf sena bħal jum wieħed. 9Mhux għax jiddawwar il-Mulej li jtemm il-wegħdiet tiegħu, kif jaħsbu xi wħud, imma qiegħed jistabar bikom għax ma jridx li xi ħadd jintilef, imma li kul-ħadd jersaq għall-indiema” (3:8-9).

Ħarsa Ħafifa Lejn Din l-Ittra

  • Tislijiet u Talba (1:1-2)
  • Kif Għandhom Igħixu s-Segwaċi tal-Mulej (1:3-15)
  • Il-Glorja ta’ Kristu (1:16-21)
  • Profeti u Għalliema Foloz (2:1-22)
  • Ir-Ritorn tal-Mulej Huwa Ċert (3:1-18)

2 Pietru 1

  1. Simgħon Pietru, skjav u appostlu ta’ Ġesù Kristu, lil dawk li qalgħu fidi prezzjuża daqs tagħna, permezz tal-ħaqq ta’ Alla u Salvatur tagħna Ġesù Kristu:
  2. Lilkom grazzja u sliem bil-kotra, bil-għarfa ta’ Alla, u ta’ Ġesù l-Mulej tagħna.
  3. Għaliex is-setgħa divina tiegħu tatna dak kollu li hu meħtieġ għall-ħajja u t-tjieba, permezz tal-għarfa sħiħa ta’ dak li sejħilna għall-glorja tiegħu stess u l-virtù.
  4. Li bihom huwa tana l-wegħdi l-aktar kbar u prezzjużi, biex permezz ta’ dawn intom ikollkom sehem min-natura divina, wara li tkunu ħlistu mill-korruzzjoni li hawn fid-dinja ħtija tax-xewqa tal-ġisem.
  5. U barra minn dan, kunu ħerqana, u żidu mal-fidi tagħkom il-virtù; u mal-virtù l-għarfa;
  6. U ma’ l-għarfa, ir-rażna; u mar-rażna, is-sabar, u mas-sabar it-tjieba,
  7. U mat-tjieba l-ħbiberija tal-aħwa; u mal-ħbiberija tal-aħwa l-imħabba.
  8. Għax jekk ikollkom fikom dawn il-ħwejjeġ, u bil-kotra, ma jħallukomx fiergħa jew bla frott għall-għarfa tal-Mulej tagħna Ġesù Kristu.
  9. Min m’għandux dawn il-ħwejjeġ hu agħma, u ma jarax il-bogħod, u nesa li kien imnaddaf minn dnubietu tal-imgħoddi.
  10. Għalhekk, ħuti, aktar għandu jkollkom ħerqa biex issaħħu l-għażla u s-sejħa tagħkom: jekk tagħmlu dawn il-ħwejjeġ, ma taqgħu qatt.
  11. U f’dan il-mod ikun provdut għalikom b’mod ġeneruż dħul fis-saltna ta’ dejjem tal-Mulej tagħna u s-Salvatur tagħna Ġesù Kristu.
  12. Għalhekk jien bi ħsiebni nibqa’ dejjem infakkarkom fuq dawn il-ħwejjeġ, għalkemm tafuhom u intom sħaħ fil-verità li hi preżenti fikom.
  13. Iva, jien jidhirli li hi ħaġa f’lokha li, sakemm jien f’dan il-ġisem, inżommkom imħeġġin billi nibqa’ nfakkarkom;
  14. Għax naf li dalwaqt ikolli nħalli dan it-tabernaklu tiegħi, kif il-Mulej tagħna Ġesù Kristu għamilha ċara lili.
  15. Barra minn dan, jien inħabbrek biex, wara t-tluq tiegħi, tkunu tistgħu dejjem tiftakru f’dawn il-ħwejjeġ!
  16. Għax aħna ma mxejniex wara ħrejjef minsuġin bil-ħażen, meta għarrafnielkom is-setgħa u l-miġja tal-Mulej Ġesù Kristu; imma rajna b’għajnejna l-maestà tiegħu.
  17. Għax hu ħa mingħand Alla l-Missier ġieh u glorja, meta wasallu leħen bħal dan mill-glorja kollha kobor: Dan hu Ibni l-maħbub, li bih nitgħaxxaq.
  18. U dan il-leħen, li ġie mis-sema, smajnieh meta konna miegħu fuq il-muntanja mqaddsa.
  19. U hekk għandna aktar żgura l-kelma tal-profeti. Tagħmlu sewwa jekk toqogħdu attenti għaliha; hi bħal lampa tiddi f’post mudlam, sa ma jibda jbexbex il-jum u f’qalbkom titla’ l-kewkba ta’ fil-għodu.
  20. Dan fuq kollox għandkom tkunu tafu: li l-ebda profezija tal-Iskrittura ma għandu ħadd ifissirha minn rasu.
  21. Għax qatt ma kien li xi profezija ġiet mir-rieda tal-bnedmin; imma permezz tal-Ispirtu Qaddis, nies qaddisa tkellmu minn Alla.

2 Pietru 2

  1. Imma kien hemm ukoll profeti foloz fost il-poplu, kif ikun hemm ukoll għalliema foloz fostkom li jdaħħlu bil-moħbi ereżiji qerrieda, billi jiċħdu wkoll is-Sid li xtrahom, u jġibu malajr il-qerda fuqhom infushom.
  2. U ħafna jmorru wara l-imġiba bla rażan tagħhom, u ħtija tagħhom tkun imkasbra t-triq tal-verità.
  3. U mqanqlin mir-regħba tagħhom jagħmlu negozju minn fuqkom bi kliem qarrieq. Imma l-kundanna tagħhom ġa ilha minn żmien taħdem, u l-qerda tagħhom ma raqditx.
  4. Għax jekk Alla ma ħafirhiex lill-anġli li dinbu, imma tefagħhom f’Tartarus, u għalaqhom f’ħofor mudlama, merfugħin għall-ħaqq;
  5. U ma ħafirihiex lid-dinja l-qadima, imma salva tmienja min-nies, fosthom Noè, li kien ixandar il-ħaqq; u ġieb id-dulluvju fuq dinja ta’ ħżiena;
  6. U għamel irmied l-bliet ta’ Sodom u Gomorra billi kkundannahom għall-qerda, biex iservu ta’ eżempju lil dawk li jgħixu fil-ħażen;
  7. U ħeles biss lil Lot, raġel ġust, mifni kif kien ħtija tal-imġieba bla rażan tal-ħżiena:
  8. Għax dan ir-raġel ġust, waqt li kien igħix magħhom b’dak li kien jara u jisma’ minn jum għal l-ieħor, kien iħoss ruħu tingħafas minħabba l-opri ħżiena tagħhom.
  9. Il-Mulej jaf kif jeħles it-tajbin mit-tiġrib, u jżomm il-ħżiena biex ikunu ikkastigati f’jum il-ħaqq:
  10. Imma l-aktar lil dawk li jimxu mal-ġisem, fil-ġibda ta’ passjonijiet ħżiena, u jmaqdru l-ħakma. Prużuntużi, kburin, u ma jibżgħux igħajru lill-glorjużi.
  11. Waqt li l-anġli, li huma akbar minnhom fil-qawwa u fis-setgħa, ma jġibu l-ebda akkuża kontra tagħhom bit-tagħjir quddiem il-Mulej.
  12. Imma dawn, bħal bhejjem li jimxu wara n-natura, maħ-luqa biex ikunu maqbuda u meqruda, igħajru dak li ma jafux; u jinqerdu għal kollox fil-ħażen tagħhom;
  13. U jieħdu l-ħlas tal-ħażen, bħala nies li jieħdu pjaċir jixxalaw il-ġurnata kollha. Tebgħat ta’ ħmieġ huma dawn, u jieħdu pjaċir bl-inganni tagħhom, waqt li jixxalaw magħkom;
  14. Għajenjhom mimlijin kollha adulterju, ma jieqfu qatt mid-dnub, iqarrqu b’erwieħ li mhumiex sodi: qalbhom imħarr-ġa fi ħwejjeġ tar-regħba; ulied is-saħta:
  15. Li ħallew it-triq it-tajba, u ntilfu, billi qabdu t-triq ta’ Balgħam, bin Bosor, li ħabb il-ħlas tal-ħażen;
  16. Imma kien imċanfar għad-deni tiegħu: ħmara muta, b’leħen ta’ bniedem, waqqfet il-ġenn tal-profeta.
  17. Dawn huma għejun bla ilma, ċpar imġerri minn riefnu; li għalihom hu merfugħ is-swied tad-dlam.
  18. Għax dawn jitkellmu kliem kbir minfuħ ta’ vanità, huma jħajru b’xewqat tal-ġisem, b’ħafna tbaħrid, lil dawk li għadhom kemm ħelsu minn qalb dawk li jgħixu fl-iżball.
  19. Waqt li jwegħduhom il-ħelsien, huma nfushom huma l-qaddejja tat-taħsir: għax wieħed isir ilsir ta’ dak li jirbħu.
  20. Għax jekk wara li jkunu ħelsu mill-ħmieġ tad-dinja, bil-għarfa sħiħa tal-Mulej tagħna u s-Salvatur Ġesù Kristu, jerġgħu jinqabdu mill-ġdid, u jintrebħu, l-aħħar tagħhom ikun agħar mill-ewwel.
  21. Kien ikun aħjar għalihom li ma għarfux it-triq tal-ħaqq, milli wara li jkunu għarfuha, iwarrbu mill-kmandament qaddis mogħti lilhom.
  22. Imma ġralhom bħal ma jgħid sewwa l-qawl: Raġa’ l-kelb għall-vomtu tiegħu; u l-ħanżira maħsula għat-tmegħik tagħha fit-tajn.

2 Pietru 3

  1. Maħbubin, din hi t-tieni ittra li qiegħed niktbilkom, u fit-tnejn qiegħed inqajjem id-dehen sinċier tagħkom b’tifkira.
  2. Biex tiftakru fil-kliem imħabbar minn qabel mill-profeti qaddisa, u fil-kmandament tal-Mulej u Salvatur, permezz tal-appostli tagħkom.
  3. L-ewwelnett, għandkom tkunu tafu, li fl-aħħar jiem jiġu nies kollhom tmaqdir, igħixu skont ix-xewqat ħżiena tagħhom,
  4. U jgħidu: Fejn hi l-wegħda tal-miġja tiegħu? Għax mindu mietu missirijietna, kollox għadu kif kien fil-bidu tal-ħolqien.
  5. Dan huma ma jafux, għax hekk iridu, li bil-kelma ta’ Alla ilhom hemm is-smewwiet, u li l-art qamet minn ġo l-ilma, u fl-ilma:
  6. Li bihom id-dinja ta’ dak iż-żmien, imgħarrqa bl-ilma, inqerdet.
  7. Hekk ukoll bl-istess kelma ta’ Alla s-smewwiet u l-art ta’ llum huma merfugħin għall-ħruq, miżmumin sa jum il-ġudizzju, li jkun jum it-telfien tal-ħżiena.
  8. Imma ħaġa waħda m’għandiex tkun moħbija minnkom maħbubin, li jum wieħed quddiem il-Mulej hu bħal elf sena, u elf sena bħal jum wieħed.
  9. Mhux għax jiddawwar il-Mulej li jtemm il-wegħdiet tiegħu, kif jaħsbu xi wħud, imma qiegħed jistabar bikom għax ma jridx li xi ħadd jintilef, imma li kulħadd jersaq għall-indiema.
  10. Jasal, tabilħaqq, jum il-Mulej bħal ħalliel; li fih is-smewwiet igħibu b’ħoss kbir, l-elementi jkunu jaħarqu ħafna, jinħallu, u l-art u l-opri li fiha jkunu mikxufa.
  11. Ladarba hekk kollox għandu jintemm, araw daqsxejn kif għandkom iġġibu ruħkom, kemm għandha tkun qaddisa u tajba ħajjitkom,
  12. Waqt li tistennew b’ħerqa kbira l-miġja tal-jum ta’ Alla, li minħabba f’dan is-smewwiet jinħarqu u jdubu, u l-elementi jinħallu bi sħana kbira.
  13. Imma skont il-wegħda tiegħu, aħna nistennew smewwiet ġodda, u art ġdida, li fihom igħammar il-ħaqq.,
  14. Għalhekk, maħbubin, billi intom qegħdin tistennew għal dawn, kunu bla tebgħa u bla ħtija biex isibkom fil-paċi.
  15. U qisu s-sabar twil tal-Mulej tagħna bħala salvazzjoni tagħkom; bħalma wkoll kiteb lilkom ħuna l-għażiż Pawlu, bil-għerf mogħti lilu.
  16. Bħal ma għamel fl-epistoli kollha tiegħu, fejn jitkellem fuq dawn il-ħwejjeġ; li fihom xi ħwejjeġ tqal biex tifhem, u li dawk li huma injoranti u mhux sodi jgħawġuhom, bħal ma jagħmlu lill-iskrittura l-oħra, għat-telfien tagħhom.
  17. Intom, mela, maħbubin, billi tafu minn issa b’dawn il-ħwejjeġ, ħarsu ruħkom biex ma tinqabdux intom ukoll mill-iżball ta’ nies illegali, u taqgħu mill-qagħda qawwija tagħkom.
  18. Imma ikbru fil-grazzja, u fil-għarfa tal-Mulej tagħna u Salvatur Ġesù Kristu. Lilu l-glorja, issa u għal dejjem. Amen.