IT-TIENI ITTRA LILL-KORINTIN

Dwar Din l-Ittra

 Din l–ittra jidher li kienet miktuba minn waħda mill-knejjes fil-Maċedonja; aktar probabbli fl-aħħar żjara milli fl-ewwel żjara. L-ewlenin ta’ dawk il-knejjes kienu Filippi, Tessalonika, u Berea. Id-data kienet wara l-irvell ta’ Dimitriju f’Efesu li ġara fir-rebbiegħa tas-sena 57 W.K.
 Fil-bidu ta’ din l-itrra Pawlu jfakkar lill-Korintin li Alla hu ġeneruż u jridhom li huma wkoll ikunu daqshekk ġenerużi fl-għotjiet tagħhom biex igħinu lin-nies ta’ Alla f’Ġerusalemm u fil-Lhudija (8:1—9:15). Pawlu hu qaddej tal-ftehim ġdid ta’ Alla Hu fidil f’li jipprova jġib nies għand Alla, ukoll jekk dan ikun ifisser tbatija kbira għalih innifsu (4:1—6:13; 10:1—12: 10). U x’għamel Alla biex jagħmilha possibbli għalina biex niġu għandu?
18U kollox hu minn Alla, li rrikonċiljana miegħu nnifsu b’Ġesù Kristu, u tana l-ministeru tar-rikonċiljazzjoni; 19Jiġifieri, Alla kien fi Kristu, u rrikonċilja d-dinja miegħu nnifsu, bla ma għaddilhom ħtijiethom; u qiegħed fina l-kelma tar-rikonċiljazzjoni” (2 Korintin 5:18-19).

Ħarsa Ħafifa Lejn Din l-Ittra

  • Pawlu Jirringrazzja lil Alla (1:1-11)
  • Ix-Xogħol ta’ Appostlu għan-nies ta’ Alla (1:12—2:17)
  • Iggwidat bl-Imħabba ta’ Kristu (3:1—7:16)
  • Rigali għall-Fqar (8:1—9:15)
  • Pawlu hu Appostlu Tassew (10:1—13:10)
  • L-Aħħar Tislijiet (13:11-13)

2 Korintin 1

  1. Pawlu, appostlu ta’ Ġesù Kristu bir-rieda ta’ Alla, u Timtoju ħuna, lill-knisja t’Alla li hi f’Korintu, mal-qaddisin kollha li hemm fl-Akaja kollha:
  2. Grazzja lilkom u sliem mingħand Alla Missierna, u l-Mulej Ġesù Kristu.
  3. Imbierek Alla u Missier il-Mulej Ġesù Kristu, Missier il-ħniniet, u Alla ta’ kull faraġ;
  4. Li jfarraġna fit-tribulazzjoni kollha tagħna, biex inkunu nistgħu nfarrġu lil dawk li huma fil-għali, bil-faraġ li bih aħna nfusna mfarrġin minn Alla.
  5. Għax bħalma s-sofferenzi ta’ Kristu joktru fina, hekk joktor bi Kristu l-faraġ tagħna wkoll.
  6. Issa, sew jekk aħna mnikktin, dan hu għall-faraġ u s-salvazzjoni tagħkom; u kemm jekk aħna mfarrġin, dan hu għall-faraġ tagħkom, li jaħdem fikom biex tifilħu għall-istess sofferenzi, li aħna wkoll insofru.
  7. U t-tama tagħna għalikom hi qawwija, billi nafu li bħalma intom għandkom sehem mis-sofferenzi, hekk ukoll ikollkom mill-faraġ.
  8. Għax ma rridukomx ma tkunux tafu, ħuti, it-taħbit tagħna li ġie fuqna fl-Asja: kif konna magħfusin bla qies aktar milli nifilħu, hekk li qtajna jiesna li nibqgħu ħajjin:
  9. Tabilħaqq kellna fina nfusna s-sentenza tal-mewt, biex ma nafdawx fina nfsuna, imma f’Alla li jqajjem il-mejtin:
  10. Hu li ħelisna minn mewt hekk kbira, u jeħlisna: fih nittamaw li jarġa’ jeħlisna;
  11. Intom ukoll qegħdin tgħinuna bit-talb tagħkom għalina, biex għall-għotja mogħtija lilna permezz tat-talb ta’ ħafna jingħata radd il-ħajr minn ħafna għalina.
  12. Għax il-ftaħir tagħna hu dan: ix-xhieda tal-kuxjenza tagħna, li aħna kellna l-kondotta tagħna fid-dinja bis-sempliċità u s-sinċerità li jiġu mingħand Alla, u mhux bil-għerf tal-bnedmin, iżda bil-grazzja t’Alla, u l-aktar lejkom.
  13. Għax aħna ma niktbulkomx ħwejjeġ oħra, ħlief dak li tistgħu taqraw jew tifhmu; u nittama li tifhmu għall-aħħar.
  14. Bħalma wkoll intom fhimtu f’xi ħaġa, li aħna l-ftaħir tagħkom, bħalma intom ukoll tagħna f’jum il-Mulej tagħna Ġesù.
  15. U b’din it-tama qawwija kont tal-fehma li l-ewwel niġi għandkom, biex ikollkom grazzja oħra;
  16. U ngħaddi minn għandkom għall-Maċedonja, imbagħad mill-Maċedonja narġa’ niġi għandkom, u minnkom inkun im-qabbad triqti lejn il-Lhudija.
  17. Mela meta kont ta’ dil-fehma, għamiltu b’nuqqas ta’ għaqal? Jew il-ħwejjeġ li rrid, irridhom skont il-ġisem, biex fija jkun hemm l-iva, iva, u l-le, le?
  18. Iżda bħalma Alla hu fidil, il-kelma tagħna magħkom ma kenitx iva u le.
  19. Għax l-Iben t’Alla, Ġesù Kristu, li kien imxandar fostkom minna: minni, minn Silvanus, u minn Timotju, ma kienx iva u le, iżda fih kien hemm biss l-iva.
  20. Għax huma kemm huma l-wegħdiet ta’ Alla, fih hemm l-iva tagħhom: għalhekk bih ukoll hu l-Amen, biex aħna nagħtu glorja lil Alla.
  21. Issa dak li wettaqna magħkom fi Kristu, u kkonsagrana, hu Alla.
  22. Li qiegħed ukoll is-siġill tiegħu fuqna, u tana l-Ispirtu tiegħu f’qalbna bħala garanzija.
  23. Issa nsejjaħ ’l Alla bħala xhud ta’ ruħi, li biex naħfirhielkom għadni ma ġejtx Kontinu.
  24. Mhux għax għandna xi setgħa fuq il-fidi tagħkom, imma ngħinukom fil-ferħ tagħkom: għax bil-fidi intom iżżommu.

1 Korintin 2

  1. Iżda jien qtajt fija nnifsi dan, li ma narġax niġi għand-kom imnikket.
  2. Għax jekk innikkitkom, min hu dak mela li jferraħni, ħlief min jitnikket minni?
  3. U ktibtilkom dan, biex, meta niġi ma nitnikkitx minn dawk li jmisshom iferrħuni; billi għandi tama qawwija fikomilkoll, li l-ferħ tiegħi hu l-ferħ tagħkom ilkoll.
  4. Għax b’għali kbir u b’għafsa ta’ qalb ktibtilkom b’ħafna dmugħ; mhux biex titnikktu, iżda biex tkunu tafu l-imħabba bla qies li għandi għalikom.
  5. Imma jekk xi ħadd ġieb il-għali, mhux lili għalla, imma b’xi mod, biex ma nġibhiex bi kbira, lilkom ilkoll.
  6. Għal bniedem bħal dan biżżejjed dal-kastig, mogħti minn ħafna.
  7. Għalhekk, għall-kuntrarju, għandkom pjuttost taħfrulu tfarrġuh, biex dal-bniedem ma jinbalax bil-kobor żejjed tan-niket tiegħu.
  8. Għalhekk nitlobkom turuh l-imħabba tagħkom għalih.
  9. Għax għal dan il-għan ukoll ktibt jien, biex inġarrabkom, u nkun naf jekk intomx ubbidjenti f’kollox.
  10. Lil min taħfru xi ħaġa, jien ħfirtlu wkoll: għax jekk jien ħfirt xi ħaġa, lil min ħfirtha, ħfirtha għalikom quddiem Kristu.
  11. Għax għandu mnejn Satana jinqeda bina: aħna nafu l-ħsibijiet tiegħu.
  12. Meta wasalt Troas biex inxandar l-Evanġelju ta’ Kristu, u bieb infetaħ għalija mill-Mulej.
  13. Ma kellix mistrieħ fl-ispirtu tiegħi, għax ma sibtx lil Titu ħija: għalhekk, wara li sellimtilhom, tlaqt minn hemm għall-Maċedonja.
  14. Niżżi ħajr issa lil Alla , li dejjem irebbaħna fi Kristu, u juri bina l-fwieħa tat-tagħrif tiegħu f’kullimkien.
  15. Għax aħna għal Alla fwieħa ħelwa ta’ Kristu, fost dawk li jsalvaw, u fost dawk li jintilfu:
  16. Għal dawn aħna l-fwieħa tal-mewt għall-mewt; u għal dawk il-fwieħa tal-ħajja għall-ħajja. U min igħodd għal dawn il-ħwejjeġ?
  17. Għax aħna m’aħniex bħal ħafna, li jħassru l-kelma ta’ Alla: imma bis-sinċerità, imma bħala minn Alla, nitkellmu aħna fi Kristu quddiem Alla.

2 Korintin 3

  1. Se nerġgħu nibdew nirrikmandaw lilna nfusna? Jew naħtieġu, bħal x’uħud, ittri ta’ rakkomandazzjoni minn għandkom?
  2. Intom l-ittra tagħna miktuba f’qalbna, magħrufa u moqrija mill-bnedmin kollha.
  3. Għax intom bid-dieher ittra minn Kristu, mogħtija f’idejna, miktuba mhux bil-linka, imma bl-Ispirtu ta’ Alla l-ħaj, mhux fuq twavel tal-ġebel imma fuq twavel tal-laħam, li huma qlubkom.
  4. Hu bi Kristu li aħna għandna tama bħal din quddiem Alla.
  5. Mhux li aħna għandna ħila minna nfusna li nqisu xi ħaġa bħala ġejja minna nfusna; imma l-ħila tagħna ġejja minn Alla;
  6. Li għamilna wkoll ministri tajbin tar-rabta l-ġdida. Mhux tal-ittra, imma tal-ispirtu: għax l-ittra toqtol, imma l-ispirtu jagħti l-ħajja.
  7. Issa jekk il-ministeru tal-mewt, miktub u minqux fil-ġebel, sar hekk glorjuż, li wlied Iżrael ma kinux jistgħu jħarsu lejn wiċċ Mosè minħabba l-glorja ta’ wiċċu: glorja li kellha tgħaddi;
  8. Kif ma jkunx aktar glorjuż il-ministeru tal-ispirtu?
  9. Għax jekk il-ministeru tal-kundanna kien ta’ glorja, wisq aktar jisboq fil-glorja l-ministeru tal-ħaqq.
  10. Għax ukoll dak li kien igglorifikat ma kellux glorja f’din il-ħaġa, minħabba l-glorja li tisbqu.
  11. Għax jekk dak li kien miġjub fit-tmiem kien glorjuż, kemm aktar dak li jibqa’ hu glorjuż?
  12. Billi għandna tama bħal din, aħna nitkellmu bla biża’:
  13. U mhux bħal Mosè, li kien iqiegħed velu fuq wiċċu, biex ulied Iżrael ma jħarsux lejn it-tmiem ta’ dak li kellu jgħaddi u jiġi fix-xejn.
  14. Iżda moħħhom kien imdallam; għax sa llum, waqt il-qari tat-testment il-qadim, l-istess velu jibqa’ ma jitneħħiex: velu li jitneħħa fi Kristu.
  15. Imma wkoll sa llum, meta jinqara Mosè, hemm velu fuq qalbhom.
  16. Madankollu, meta qalbhom iddur lejn il-Mulej, il-velu jitneħħa.
  17. Issa l-Mulej hu dak l-Ispirtu: u fejn hemm l-Ispirtu tal-Mulej, hemm il-libertà:
  18. U aħna lkoll, li b’wiċċna mikxuf, nirriflettu l-glorja tal-Mulej, qegħdin nitbiddlu fl-istess xbieha tiegħu, minn glorja għal glorja, għax dan jiġi mill-Mulej, l-Ispirtu.

2 Korintin 4

  1. Għalhekk billi għandna dal-ministeru, skont il-ħniena li qlajna, ma naqtgħux qalbna;
  2. mma nwarrbu l-opri moħbija tal-għajb, billi ma nimxux bil-ħżunija, lanqas nużaw il-kelma ta’ Alla bil-qerq; iżda bil-manifestazzjoni tal-verità aħna nirrikmandaw lilna nfusna lill-kuxjenza ta’ kull bniedem quddiem Alla.
  3. Imma jekk l-evanġelju tagħna hu mgħotti, hu mgħotti għal dawk li huma mitlufin:
  4. Li fosthom alla ta’ daż-żmien għema l-qawwiet mentali ta’ dawk li ma jemmnux, biex id-dawl tal-evanġelju glorjuż ta’ Kristu, li hu x-xbieha ta’ Alla, ma jiddix fuqhom.
  5. Għax aħna ma nxandrux lilna nfusna, imma ’l Kristu Ġesù Mulej; u aħna nfusna m’aħniex ħlief il-qaddejja tagħkom għal Ġesù.
  6. Għax Alla li qal: “Ħa jiddi d-dawl mid-dlam”, dak hu li idda fi qlubna biex jagħtina d-dawl tal-għarfien tal-glorja ta’ Alla, li tiddi f’wiċċ Kristu.
  7. Dan teżor qiegħed għandna f’ġarar tal-fuħħar, ħalli b’hekk jidher sewwa li l-kobor ta’ din il-qawwa ġej minn Alla, u mhux minna.
  8. Aħna minn kullimkien ninsabu magħfusin, iżda m’aħ-niex mgħattnin; imħassbin, iżda m’aħniex qalbna maqtugħa;
  9. Ippersegwitati, iżda m’aħniex abbandunati; mixħutin ma’ l-art, iżda m’aħniex meqrudin.
  10. F’ġisimna dejjem inġorru l-mewt ta’ Ġesù, biex f’ġisim-na tidher ukoll il-ħajja ta’ Ġesù.
  11. Għax aħna, għad li qegħdin ngħixu, ninsabu dejjem mo-għtija għall-mewt minħabba f’Ġesù biex il-ħajja ta’ Ġesù wkoll tkun tidher fil-ġisem tagħna li jmut.
  12. Hekk mela l-mewt taħdem fina, iżda fikom il-ħajja.
  13. Aħna għandna l-istess spirtu ta’ fidi, skont ma hu miktub: Emmint, u għalhekk tkellimt; aħna wkoll nemmnu, u għalhekk nitkellmu;
  14. Billi nafu li dak li qajjem il-Mulej Ġesù jqajjem lilna wkoll ma’ Ġesù, u jippreżentana magħkom.
  15. Għax dan kollu minħabba fikom, biex il-grazzja, li hi mogħtija bil-kotra, tkompli titkattar permezz ta’ radd il-ħajr ta’ ħafna għall-glorja ta’ Alla.
  16. Għalhekk ma naqtgħux qalbna, għax imqar jekk il-bniedem ta’ barra jitħassar, il-bniedem ta’ ġewwa jiġġedded minn jum għal jum.
  17. Id-daqsxejn ta’ tbatija ta’ issa thejjilna kobor ta’ glorja bla qjies għal dejjem;
  18. Lilna li ma nħarsux lejn il-ħwejjeġ li jidhru, iżda lejn dawk li ma jidhrux. Dawk li jidhru huma għal żmien qasir, dawk li ma jidhrux huma għal dejjem.

2 Korintin 5

  1. Aħna nafu li jekk din it-tinda li hija d-dar tagħna tal-art tiġġarraf, aħna għandna dar oħra, maħduma mhux bl’idejn, imma xogħol ta’ Alla, għal dejjem fis-sema.
  2. Aħna f’din nitniehdu, imxennqa li nilbsu fuq din l-għamara tal-ġisem l-għamara l-oħra tas-sema.
  3. Għax jekk nilbsu din ma ninstabux għarwenin.
  4. Aħna, li qegħdin f’din it-tinda, nitniehdu, mgħobbija kif aħna; għalhekk ma rridux ninżgħu, iżda nilbsu oħra minn fuq biex il-ġisem li jmut jinxtorob mill-ħajja.
  5. Alla stess sawwarna għal dan, hu li tana r-rahan tal-Ispirtu.
  6. Aħna dejjem qalbna qawwija u nafu li sakemm indumu mlibbsa b’dan il-ġisem, nibqgħu ’l bogħod mill-Mulej;
  7. Aħna nimxu bil-fidi u mhux bil-viżjoni.
  8. Aħna qalbna qawwija u persważi li aħjar noħorġu minn dan il-ġisem u mmorru noqogħdu għand il-Mulej.
  9. Għalhekk fuq kollox aħna nfittxu li nogħġbu lilu, sew jekk nibqgħu hawn, sew jekk noħorġu minn dan il-ġisem.
  10. Jinħtieġ li lkoll kemm aħna nidhru quddiem it-tribunal ta’ Kristu, ħalli kulħadd jieħu skont it-tajjeb jew il-ħażin li jkun għamel meta kien għadu ħaj fil-ġisem.
  11. Għax aħna l-ħajjin il-ħin kollu mogħtijin għall-mewt, minħabba Ġesù, biex il-ħajja wkoll ta’ Ġesù tidher f’ġisimna li jmut.
  12. Hekk mela l-mewt taħdem fina, iżda fikom il-ħajja.
  13. Aħna għandna l-istess spirtu ta’ fidi, skont ma hu miktub; Emmint, u għalhekk tkellimt; aħna wkoll nemmnu, u għalhekk nitkellmu;
  14. Għax l-imħabba ta’ Kristu ġġegħilna naħsbu dan: li wieħed miet għal kulħadd.
  15. U miet għal kulħadd biex dawk li jgħixu, ma jgħixux għalihom infushom, imma għal dak li miet u rxoxta għalihom.
  16. Minħabba f’hekk aħna minn issa ’l quddiem ma nagħrfu lil ħadd skont il-ġisem. Jekk għarafna lil Kristu skont il-ġisem, issa ma nagħrfuhx aktar hekk.
  17. Għalhekk jekk xi ħadd hu fi Kristu, hu ħolqien ġdid; il-qadim mar; ara, issa kollox sar ġdid.
  18. U kollox hu minn Alla, li rrikonċiljana miegħu nnifsu b’Ġesù Kristu, u tana l-ministeru tar-rikonċiljazzjoni;
  19. Jiġifieri, fi Kristu Alla kien qiegħed jirrikonċilja d-dinja miegħu nnifsu, ma jgħoddilhomx ħtijiethom kontrihom; u qiegħed fina l-messaġġ tar-rikonċiljazzjoni.
  20. Issa mela aħna ambaxxaturi ta’ Kristu; qisu Alla qiegħed jitlobkom permezz tagħna: nitolbukom f’ġieh Kristu, irrikonċiljaw ma’ Alla.
  21. Għax lil dak li ma għaraf ebda dnub, hu għamlu biex ikun dnub għalina; biex aħna nsiru l-ġustizzja ta’ Alla fih.

2 Korintin 6

  1. Ladarba qegħdin naħdmu flimkien ma’ Alla, aħna mela nħeġġukom biex ma tirċevux il-grazzja tiegħu għalxejn.
  2. Għax hu jgħid: smajtek fi żmien li għoġobni, u f’jum is-salvazzjoni għintek; ara, issa hu ż-żmien tajjeb; ara, issa hu jum is-salvazzjoni.
  3. Ma nfixklu ’l ħadd f’xejn, biex ma jkunx immaqdar il-ministeru tagħna:
  4. Imma f’kull ħaġa nuru lilna nfusna bħala ministri ta’ Alla b’sabar kbir, fil-għali, fit-tbatijiet, fit-tribulazzjonijiet.
  5. Taħt id-daqqiet, fil-ħabsijiet, fit-tixwix, fit-taħbit, fis-sahriet, fis-sawm;
  6. Bis-safa, bil-għarfien, b’sabar twil, bil-ħlewwa, bl-Ispirtu Qaddis, b’imħabba bla qerq,
  7. Bil-kelma tal-verità, bis-setgħa ta’ Alla, bl-armi tal-ħaqq fuq il-lemin u fuq ix-xellug,
  8. U fil-ġieh, u fil-għajb, fix-xniegħa ħażina u x-xniegħa tajba: bħala qarrieqa, imma nies sewwa.
  9. Bħala mhux magħrufin, u madankollu magħrufin tajjeb; bħala qegħdin immutu, u, ara, aħna ħajjin; bħala mgħaddbin, u mhux maqtulin;
  10. Bħala mnikktin, iżda dejjem ferħanin; bħala foqra, iżda nagħnu lil ħafna; bħala li m’għandna xejn, iżda għandna kollox.
  11. Ja Korintin, fommna miftuħ għalikom, qalbna miftuħa beraħ.
  12. M’hemmx nuqqas ta’ wisa’ għalikom fina, iżda hemm nuqqas ta’ wisa’ f’imħabbitkom.
  13. Issa roddulna l-istess, inkellimkom bħala tfal, iftħu qalbkom beraħ intom ukoll.
  14. La tintrabtux taħt madmad li mhux indaqs ma’ dawk li ma jemmnux: għax x’tisħib jista’ jkun hemm bejn il-ħaqq u l-ħażen?
  15. Imma x’armonija hemm bejn Kristu u Beljal? Jew x’għandu x‘jaqsam min jemmen ma’ min ma jemminx?
  16. U xi ftehim hemm bejn it-tempju t’Alla u l-idoli? Għax aħna t-tempju ta’ Alla ħaj; bħal ma qal Alla: Ngħammar fosthom, u nimxi fosthom, u nkun Alla tagħhom, u huma jkunu l-poplu tiegħi.
  17. Għalhekk oħorġu minn ġo fosthom, u nfirdu minnhom, igħid il-Mulej; u tmissu xejn imniġġes; u jien nilqagħkom.
  18. U nkun għalikom Missier, u intom tkunu għalija wlied, subien u bniet, igħid il-Mulej li jista’ kollox.

2 Korintin 7

  1. Mela billi għandna dawn il-wegħdiet, maħbubin, ħa nitnaddfu minn kull faħx tal-ġisem u tal-ispirtu, billi nipperfezz-jonaw il-qdusija tagħna fil-biża’ ta’ Alla.
  2. Ilqugħna; lil ħadd m’għamilna ħsara, lil ħadd ma ħassarna, minn ħadd ma ħadna vantaġġ minnu.
  3. Ma qigħedx ngħid dan biex nikkundannakom: għax diġà għidtilkom, li intom qegħdin f’qalbna biex immutu u ngħixu flimkien.
  4. Inkellimkom b’qalbi wisq qawwija; kbir hu l-ftaħir tiegħi bikom: mimli kollni faraġ, imfawwar bil-ferħ fit-tribulazzjoni kollha tagħna.
  5. Għax meta ġejna l-Maċedonja, ġisimna ma kellu l-ebda mistrieħ, iżda konna mħabbtin minn kull naħa; taqbid minn barra, minn ġewwa biżà.
  6. Madankollu Alla li jfarraġ lill-imgħakksin, farraġna bil-miġja ta’ Titu;
  7. U mhux bil-miġja tiegħu biss, imma wkoll bil-faraġ li bih kien imfarraġ fikom meta għarrafna bix-xewqa kbira tagħkom, bil-biki tagħkom, bil-ħeġġa tagħkom għalija; hekk li jien fraħt aktar.
  8. Għax għalkemm sewwidtilkom qalbkom bl-ittra, ma jisgħobbinix issa, għalkemm sogħobbini: għax nara li l-ittra sewditilkom qalbkom, għalkemm għal ftit.
  9. Issa nifraħ, mhux għax sewwidtu qalbkom, imma għax sewwidtu qalbkom biex indimtu: għax intom sewwidtu qalb-kom kif irid Alla, biex ma jkollkom l-ebda ħsara minna f’xejn.
  10. Għaliex is-swied il-qalb kif irid Alla jġib indiema għas-salvazzjoni, li wieħed ma jibdilux minnha: iżda s-swied il-qalb tad-dinja jġib il-mewt.
  11. Għax araw kif dan l-istess swied il-qalb kif irid Alla, liema ħerqa ġieb fikom, iva, liema ġustifikazzjoni, iva, liema għadab, iva, liema biżà, iva, liema xewqa kbira, iva, liema ħeġġa, iva, liema tagħdib! F’kollox urejtu lilkom infuskom li kontru bla ħtija f’dil-ħaġa.
  12. Mela, għalkemm ktibtilkom, għamiltu mhux minħabba min għamel il-ħsara, lanqas minħabba min sofra l-ħsara, imma biex il-ħerqa tagħna għalikom quddiem Alla tidher fostkom.
  13. Għalhekk aħna konna mfarrġin fil-faraġ tagħkom: iva, aħna fraħna wisq aktar bil-ferħ ta’ Titu, għax l-ispirtu tiegħu kien imserraħ minnkom ilkoll.
  14. Għax jekk ftaħart f’xi ħaġa fuqkom miegħu, ma nistħix; għax bħalma f’kull ħaġa għidnielkom il-verità, hekk ukoll il-ftaħir tagħna, li jien għamilt quddiem Titu, instab li kien verità.
  15. U l-imħabba tiegħu lejkom tiżdied, meta jiftakar fl-ubbidjenza tagħkom ilkoll, kif bil-biżà u t-tregħid ilqajtuh.
  16. Nifraħ mela li f’kollox għandi qalbi qawwija fikom.

2 Korintin 8

  1. Barra minn dan, ħuti, ngħarrafkom bil-grazzja ta’ Alla, li ngħatat lill-knejjes tal-Maċedonja;
  2. Kif waqt tiġrib kbir ta’ għali, il-ferħ u l-faqar bla qjies tagħhom kotru fil-għana tal-għoti mill-qalb tagħhom.
  3. Għaliex taw minn rajhom kemm setgħu, u nixhdulkom jien, aktar milli setgħu.
  4. Talbuna b’ħeġġa kbira din il-ġrajja, jiġifieri, li jissieħbu f’dan il-ministeru ta’ għajnuna lill-qaddisin.
  5. U dan għamlu huma, mhux kif ittamajna, iżda l-ewwel taw ruħhom lill-Mulej, imbagħad lilna bir-rieda ta’ Alla.
  6. U hekk tlabna lil Titu biex, bħal ma beda, hekk ukoll itemm dan ix-xogħol ta’ ħniena magħkom.
  7. Għalhekk, bħalma intom toktru f’kollox, fil-fidi, fit-taħdit, fil-għarfien, fil-ħerqa bla tarf, u fl-imħabba tagħkom għalina, araw li toktru wkoll f’dax-xogħol ta’ ħniena.
  8. Miniex nitkellem bi kmand, iżda biex permezz tal-ħerqa ta’ oħrajn nipprova s-sinċerità tal-imħabba tagħkom.
  9. Għax intom tafu l-grazzja tal-Mulej tagħna Ġesù Kristu, li, għalkemm kien għani, sar fqir minħabba fikom, sabiex intom tistagħnu permezz tal-faqar tiegħu.
  10. U f’dan nagħtikom il-parir tiegħi: għax jiswielkom, intom li sena ilu mhux biss li kontu bdejtu, imma kontu l-ewwel li ridtu tagħmlu dax-xogħol.
  11. Iżda issa temmu dak li bdejtu tagħmlu; biex bħal ma kien hemm ħeġġa li triduh, hekk ukoll ittemmuh skont ma tistgħu.
  12. Għax jekk ikun hemm l-ewwel rieda qawwija, din tkun milqugħa skont ma wieħed għandu, u mhux skont dak li m’għandux.
  13. Għax ma rridx ngħid li l-oħrajn għandhom ikunu megħjunin, u intom imgħobbijin:
  14. Iżda ndaqs; biex bħalissa ż-żejjed tagħkom ikun ta’ għajnuna għan-nieqes tagħhom; biex iż-żejjed tagħhom ikun ta’ għajnuna għan-nieqes tagħkom: biex tkunu daqs:
  15. Bħalma hu miktub: Min ġabar ħafna ma kellux żejjed: u min ġabar ftit ma kellux nieqes.
  16. Iżda ħajr lil Alla li ta f’qalb Titu l-istess ħeġġa għalikom
  17. Għax tassew hu laqa’ t-talb tagħna; u billi hu mħeġġeġ ħafna ġie għandkom minn rajh.
  18. U aħna bgħatna miegħu lil ħuna, li hu mfaħħar mill-knejjes kollha għall-ħidma tiegħu fl-evanġelju;
  19. U mhux dan biss, iżda kien ukoll magħżul mill-knejjes biex jivvjaġġa magħna f’dax-xogħol ta’ ħniena, li aħna qegħdin nagħmlu għall-glorja tal-Mulej, u biex nuru r-rieda tajba tagħna.
  20. U nfittxu li ħadd ma jagħtina ħtija minħabba dil-ġabra kbira merħija f’idejna:
  21. Billi rridu dak li hu tajjeb, mhux biss quddiem il-Mulej, iżda quddiem il-bnedmin ukoll.
  22. U bgħatna magħhom lil ħuna, li bosta drabi sibnieh imħeġġeġ f’ħafna ħwejjeġ, imma issa wisq aktar imħeġġeġ, minħabba l-fiduċja kbira li għandi fikom.
  23. Jekk xi ħadd jistaqsi fuq Titu, dan hu sieħbi u ħaddiem miegħi għalikom: jew jekk jistaqsu fuq l-aħwa tagħna, dawn huma mibgħutin mill-knejjes, glorja ta’ Kristu.
  24. Uruhom mela, quddiem il-knejjes, il-prova tal-imħabba tagħkom, u tal-ftaħir tagħna bikom.

2 Korintin 9

  1. Fuq il-ħidma għall-għajnuna tal-qaddisin, kollu żejjed għalija li niktbilkom:
  2. Għax jien naf li intom kontu lesti, u għalhekk niftaħar bikom ma’ dawk tal-Maċedonja, li Akaja kienet imhejjija sena ilu; u l-ħeġġa tagħkom qanqlet lil ħafna.
  3. Madankollu jien bgħatt l-aħwa, biex it-tifħir tagħna għa-likom ma jkunx fieragħ f’dil-ħaġa; biex, bħalma għidt, intom tkunu mhejjijin:
  4. Li ma jiġux dawk tal-Maċedonja miegħi u ma jsibukomx imhejjijin: u aħna, biex ma ngħidux, intom, nistħu minn dil-fiduċja sħiħa tal-ftaħir tagħna.
  5. Għalhekk ħsibt li hu meħtieġ li nitlob lill-aħwa, biex l-ewwel jiġu għandkom, u jhejju minn qabel il-għotja tagħkom, li biha kontu mgħarrfin minn qabel, biex din tkun imhejjija, bħala għotja, u mhux bħala xeħħa.
  6. Iżda dan ngħid jien: Min jiżra’ bil-għaks, bil-għaks ukoll jaħsad; u min jiżra’ bil-kotra, bil-kotra wkoll jaħsad.
  7. Ħa jagħti kull wieħed skont ma jidhirlu f’qalbu: mhux fuq qalbu, jew ta’ bil-fors: għax Alla jħobb lil min jagħti bil-ferħa.
  8. U Alla jista’ jkattar fikom kull grazzja; biex kulma taħtieġu, ikollkom iż-żejjed f’kull opra tajba:
  9. Bħalma hu miktub: Qassam; ta lill-foqra: il-ħaqq tiegħu jibqa’ għal dejjem.
  10. Issa min jagħti ż-żerriegħa lil dak li jiżra’ jagħti wkoll il-ħobż għal l-ikel tagħkom, u jkattar iż-żerriegħa miżrugħa tagħkom, u jżid il-frott tal-ħaqq tagħkom:
  11. Biex mogħnijin b’kull ġid, tkunu tistgħu tagħtu karità, li permezz tagħna tagħti radd il-ħajr lil Alla.
  12. Għax il-ministeru ta’ dan is-servizz mhux biss jaqdi l-ħtiġijiet tal-qaddisin, imma għandu wkoll kotra ta’ radd il-ħajr lil Alla:
  13. Waqt li bil-prova ta’ dan il-ministeru, huma jigglori-fikaw lil Alla talli qgħadtu għall-evanġelju ta’ Kristu, li intom tistqarru, u għall-għotjiet mill-qalb tagħkom għalihom, u għal kulħadd;
  14. U jitolbu għalikom bl-imħabba kbira li għandhom lej-kom, għal dil-grazzja kbira ta’ Alla fikom.
  15. Ħajr lil Alla għad-don tiegħu li ma jitfissirx bil-kliem.

2 Korintin 10

  1. Issa jien Pawlu nnifsi nitlobkom bil-ħniena f’ġieh il-ħlewwa u t-tjieba ta’ Kristu, jien li jien umli meta wiċċ imb’ wiċċ magħkom, iżda kuraġġuż lejkom meta miniex magħkom:
  2. Iva, nitlobkom bil-ħniena, li meta nkun fostkom, ma jkollix għalfejn nagħmel din l-arja, bil-qawwa li biha bi ħsiebni nkun sod ma’ x’uħud, li jaħsbu li aħna nimxu skont il-ġisem.
  3. Tassew li aħna ngħixu skont il-ġisem, imma ma nissarawx skont il-ġisem;
  4. Għax l-armi tat-taqbid tagħna m’humiex tal-ġisem; iżda għandhom il-qawwa ta’ Alla biex iġarrfu l-fortizzi.
  5. Billi nwaqqgħu l-argumenti, u kull kburija li tgħolli lilha nfisha kontra t-tagħrif ta’ Alla u njassru kull ħsieb għall-ubbidjenza lil Kristu.
  6. U mhejjijin biex inrażżnu kull diżubbidjenza, meta l-ubbidjenza tagħkom tkun sħiħa.
  7. Tħarsu lejn il-ħwejjeġ kif jidhru minn barra? Jekk wieħed jemmen fih innifsu li hu ta’ Kristu, ħa jarġa’ jaħseb fih innifsu, li, bħalma hu ta’ Kristu, hekk aħna wkoll ta’ Kristu.
  8. Għax għalhekk jien niftaħar xi ftit iżżejjed bis-setgħa tagħna, li tana l-Mulej għall-bini, u mhux għat-tiġrif tagħkom, ma nistħix:
  9. Biex ma nidhirx qisni qiegħed inwerwirkom bl-ittri.
  10. Għax l-ittri tiegħu, hemm min igħid, huma tqal u qawwijin; iżda d-dehra tal-persuna tiegħu hi dgħajfa, u kliemu ta’ min imaqdru.
  11. Ħa jifhem min jaħseb dan, li, bħalma aħna fil-kliem bl-ittri meta ma nkunux hemm, hekk inkunu wkoll bl-għemil meta nkunu hemm.
  12. Għax aħna m’għandniex il-ħila nqisu jew inqabblu lilna nfusna ma’ x’uħud li jirrikmandaw lilhom infushom: iżda billi huma jkejlu lilhom infushom bihom infushom, u jqabblu lilhom infushom magħhom infushom, mhumiex għorrief.
  13. Imma aħna ma niftaħrux bi ħwejjeġ li huma akbar mill-qjies tagħna; imma skont il-qjies tar-regola li Alla tana, qjies li naslu wkoll sa għandkom.
  14. Għax aħna ma noħorġux lilna nfusna barra mill-qjies tagħna, qisu qatt ma wasalna sa għandkom: għax aħna wasalna sa għandkom ukoll billi xandarna l-evanġelju ta’ Kristu:
  15. U ma niftaħrux b’dak li hu barra mill-qjies tagħna, jiġifieri, minn fuq ix-xogħol ta’ ħaddieħor; imma għandna t-tama, meta tiżdied il-fidi tagħkom, li nikbru wisq bikom skont ir-regola tagħna,
  16. Billi nxandru l-evanġelju ’l hemm minnkom, u mhux niftaħru bix-xogħol ta’ ħaddieħor lest għal idejna.
  17. Iżda jekk xi ħadd jiftaħar, ħa jiftaħar fil-Mulej.
  18. Għax mhux min jiftaħar bih innifsu jkun approvat, imma min ikun imfaħħar mill-Mulej.

2 Korintin 11

  1. Mhux li kontu taħmlu ftit il-bluha tiegħi: iva, tassew, aħmluni.
  2. Għax jien ngħir għalikom b’għira t’Alla: għax għarrastkom ma’ raġel wieħed, biex nippreżentakom bħala xebba verġ-ni lil Kristu.
  3. Imma nibża’, li b’xi mezz, bħalma s-serp qarraq b’Eva permezz tal-qerq tiegħu, hekk hekk l-imħuh tagħkom ikunu mħassra mis-sempliċità u s-safa li hija fi Kristu.
  4. Għax jekk jiġi wieħed ixandrilkom Ġesù ieħor, li aħna ma xandarniex; jew jekk tieħdu spirtu ieħor, li intom ma ħadtux, jew evanġelju ieħor, li ma lqajtux, intom togħqodu faċilment għalih.
  5. Għax jien jidhirli li ma jien xejn anqas mill-akbar appostli.
  6. Imma għalkemm jien goff fi kliemi, miniex hekk fil-għarfien; imma b’kull mod urejniekom x’aħna f’kollox.
  7. Għandi ħtija mela li ċekkint lili nnifsi biex togħlew intom, billi xandartilkom l-evanġelju ta’ Alla b’xejn?
  8. Sraqt knejjes oħra billi ħadt minn għandhom ħlas, biex inkun nista’ naqdikhom.
  9. U meta kont fostkom, u kont fil-bżonn, ħadd ma ħallas għalija: għax għal dak li kien jinħtieġli ħasbuli l-aħwa li ġew mill-Maċedonja: u f’kollox żammejt ruħi lura li ma nkunx ta’ tagħbija għalikom, u hekk nibqa’ nżomm ruħi.
  10. Billi l-verità ta’ Kristu hi fija ħadd ma jwaqqafni minn dal-ftaħir fl-inħawi tal-Akaja.
  11. Għaliex? Għax ma nħobbkomx? Alla jaf.
  12. Imma dak li nagħmel, nibqa’ nagħmlu, biex naqta’ l-okkażjoni lil dawk li jfittxu l-okkażjoni; biex f’dak li jiftaħru bih jinstabu wkoll bħalna.
  13. Għax nies bħal dawn huma appostli foloz, ħaddiema qarrieqa, billi jbiddlu lilhom infushom f’appostli ta’ Kristu.
  14. Mhux għaġeb, għax Satana stess jitbiddel f’anġlu tad-dawl.
  15. Mhix ħaġa kbira mela, jekk il-qaddejja tiegħu jitbidd-lulek bħallikieku kienu ministri tal-ġustizzja. Iżda tmiemhom ikun skont l-opri tagħhom.
  16. Narġa’ ngħid: Ħalli ħadd ma jaħsibni iblah; iżda jekk tqisuni iblah, ilqgħuni bħala iblah, biex niftaħar ftit bija nnifsi.
  17. Dak li ngħid, ma ngħidux skont il-Mulej, imma bħal iblah, b’rasi mimlija li niftaħar.
  18. Billi ħafna jiftaħru skont il-ġisem, irrid niftaħar jien ukoll.
  19. Għax intom tissaportu bil-qalb it-tajba lill-boloh, billi intom għorrief.
  20. Għax intom tissaportu, jekk xi ħadd ijassarkom, jekk xi ħadd jiblagħkom, jekk xi ħadd jeħdilkom, jekk xi ħadd jitkabbar bih innifsu, jekk xi ħadd jagħtikom bil-ħarta.
  21. Ngħidu b’għajb tagħna, qisu konna bla ħila. Madan-kollu, f’dak kollu li wieħed jidhirlu li hu qawwi, nitkellmu ta’ iblah, jien qawwi wkoll.
  22. Huma Ebrej? Jien ukoll. Huma Iżraelin? Jien ukoll. Huma nisel Abraham? Jien ukoll.
  23. Qaddejja ta’ Kristu? Nitkellem ta’ iblah; Jien aktar: fit-taħbit akbar minnhom, fis-swat wisq aktar, fil-ħabs aktar ta’ spiss, fil-mewt bosta drabi.
  24. Mil-Lhud ħames darbiet qlajt l-erbgħin daqqa neqsin waħda;
  25. Tliet darbiet tawni s-swat bil-virga; darb’oħra ħaġġruni. Tliet darbiet rajt il-għarqa; għaddejt lejl u jum fil-fond.
  26. Għamilt safar bla għadd; sibt ruħi f’perikli ta’ xmajjar, perikli mill-ħallelin, perikli min-nies ta’ ġensi, perikli mill-pagani, perikli fl-ibliet, perikli f’postijiet deżolati, perikli mill-aħwa qar-rieqa.
  27. Taħbit u xogħol iebes; kemm-il darba kelli ngħaddi sah-riet bla rqad, bil-ġuħ u bil-għatx; kemm-il darba kelli ngħaddi fis-sawn, fil-ksieħ u mikxuf!
  28. U, biex ma nsemmix ħwejjeġ oħra, dak il-ħafna ġej u sejjer tan-nies ta’ kuljum għandi, u l-ħsieb tal-knejjes kollha!
  29. Min hu dgħajjef u miniex dgħajjef jien? Min hu kkaw-żat li jaqa’ u jien ma nħossnix inbaqbaq?
  30. Jekk għandi niftaħar, niftaħar b’dak li hu dgħajjef fija.
  31. Alla u Missier tal-Mulej Ġesù, li hu mbierek għall-dejjem, jaf li miniex nigdeb.
  32. F’Damasku l-gvernatur taħt is-sultan Areta għasses il-belt tad-Damaxeni billi ried jaqbadni:
  33. U kont imniżżel minn tieqa mal-ħajt ġo ġewlaq, u ħrabt minn idejh.

2 Korintin 12

  1. Tassew, ma jixraqx li niftaħar. Niġi għall-viżjonijiet, u rivelazzjonijiet tal-Mulej.
  2. Naf jien wieħed fi Kristu li, erbatax-il sena ilu, (jekk fil-ġisem, ma nistax ngħid; jew barra mill-ġisem, ma nistax ngħid: Alla jaf;) li kien maħtuf sat-tielet sema.
  3. U naf li dal-bniedem kien meħud fil-ġenna — jekk hux fil-ġisem jew mingħajr il-ġisem jien ma nafx, dan Alla jafu,
  4. Kien maħtuf sas-smewwiet, u sama’ kliem li ma jistax jingħad, u li ma jiswiex li wieħed itenni.
  5. Bi bniedem bħal dan niftaħar: imma bija nnifsi ma niftaħarx, ħlief bid-dgħufijiet tiegħi.
  6. Għax għalkemm nixtieq niftaħar, ma nkunx iblah; għax inkun ngħid il-verità: imma issa nżomm ruħi lura, biex ħadd ma jżommni b’akbar milli jara li jien, jew li jisma’ minni.
  7. U biex ma nintefaħx wisq minħabba l-kobor tar-rivelazzjonijiet, ingħatatli xewka f’ġismi, anġlu ta’ Satana biex jagħtini bil-ħarta, biex ma nitkabbarx.
  8. Fuq hekk tliet darbiet tlabt il-Mulej biex hi titbiegħed minni.
  9. Iżda hu weġibni: Biżżejjed għalik il-grazzja tiegħi; għax il-qawwa tiegħi hija magħmula perfetta fid-dgħjufija.
  10. Għalhekk nieħu pjaċir bid-dgħjufijiet tiegħi, bl-insulti, bil-għaks, bil-persekuzzjonijiet bid-dwejjaq minħabba Kristu: għax kull meta jien dgħajjef, inkun qawwi.
  11. Sirt iblah bil-ftaħir; intom ġegħiltuni: għax kien imissni nkun irrikmandat minnkom: għax f’xejn ma jien inqas mill-appostli l-kbar, għalkemm jien ma jien xejn.
  12. Tassew, is-sinjali ta’ appostlu saru fostkom bis-sabar kollu, f’sinjali, u għeġubijiet, u b’opri setgħana.
  13. Għax fiex intom inqas mill-knejjes l-oħra, ħlief li jien ma kontx piż għalikom? Aħfruli dad-deni.
  14. Araw, għat-tielet darba jien lest biex niġi għandkom; u ma nkunux piż għalikom: għax jien ma nfittixx dak li hu tagħkom, imma lilkom: għax l-ulied m’għandhomx ifaddlu għall-ġenituri, imma l-ġenituri għall-ulied.
  15. U jien bil-qalb kollha nonfoq u nintefaq għalikom; għalkemm aktar ma nħobbkom, anqas inkun maħbub.
  16. Tajjeb; jien ma għabbejtkomx: madankollu, ta’ ħażin li jien, lgħabtkom.
  17. Jaqaw qlajt minn fuqkom b’xi wieħed minn dawk li bgħatt għandkom?
  18. Tlabt lil Titu, u bgħatt miegħu wieħed mill-aħwa. Jaqaw Titu qala’ minn fuqkom? Ma mxejniex aħna bi spirtu wieħed? Ma mxejniex aħna fl-istess passi?
  19. Intom ħsibtu daż-żmien kollu li aħna rridu niddefendu ruħna magħkom. Quddiem Alla, fi Kristu, nitkellmu aħna; kollox nagħmlu maħbubin tiegħi għall-ġid tagħkom.
  20. Għax nibża’, li meta niġi, ma nsibkomx kif irrid; u intom issibuni kif ma tridux; u li jkun hemm tilwim, għira, għadab, ġlied, tqassis, qlajja’, tkabbir, taħwid:
  21. U nibża’ wkoll li, meta narġa’ niġi, Alla tiegħi jumiljani fostkom, u jkolli nibki għal ħafna minn dawk li dinbu qabel, u li ma nidmux mill-faħx u l-fornikazzjoni u t-tbaħrid li għamlu.

2 Korintin 13

  1. Din hi t-tielet darba li ġej għandkom. Bil-fomm ta’ żewġ xhieda jew tlieta titwettaq kull kelma.
  2. Għidtilkom minn qabel, u ngħidulkom minn qabel, bħal meta kont magħkom it-tieni darba; u billi miniex hemm issa qiegħed nikteb lill-midinba ta’ dari, u lill-oħrajn kollha, li, jekk narġa’ niġi, ma naħfirhiex:
  3. La darba tfittxu prova li Kristu jitkellem fija, hu li mhux dgħajjef għalikom, imma qawwi fikom.
  4. Għax għalkemm kien imsallab minħabba d-dgħufija, hu jgħix bis-setgħa ta’ Alla. Għax aħna wkoll dgħajfin fih, imma għad ingħixu miegħu bis-segħta ta’ Alla għalikom.
  5. Għarblu lilkom infuskom jekk intomx fil-fidi; ġarrbu lilkom infuskom. Jew ma tafux intom li Kristu Ġesù jinsab fikom? Jekk imbagħad intom ma ħżintux għal l-aħħar!
  6. Nittama li intom tafu li aħna m’aħniex ħżiena għal l-aħħar.
  7. Nitolbu lil Alla li ma tagħmlu ebda deni, mhux biex aħna nidhru approvati, iżda biex intom tagħmlu t-tajjeb; imqar jekk aħna nitqiesu bla setgħa.
  8. Għax ma nistgħu nagħmlu xejn kontra l-verità, iżda għall-verità.
  9. Għax aħna nifirħu kull meta aħna nkunu dgħajfa, u intom setgħana. Dan kollu nitolbuh, jiġifieri, li intom tkunu perfetti.
  10. Għalhekk qiegħed niktbilkom dawn meta miniex hemm, biex meta nkun fostkom ma ninqediex bl-aħrax, skont is-setgħa li tani l-Mulej għall-ġid, u mhux għall-ħsara.
  11. Fl-aħħarnett, ħuti, ifirħu. Kunu perfetti, qawwu qalbkom, kunu fehma waħda, għixu fis-sliem; u Alla tal-imħabba u tas-sliem ikun magħkom.
  12. Sellmu ’l xulxin b’bewsa qaddisa.
  13. Il-qaddisin kollha jsellmulkom.
  14. Il-grazzja tal-Mulej Ġesù Kristu, u l-imħabba t’Alla, u x-xirka tal-Ispirtu Qaddis, ikunu magħkom ilkoll. Amen.