It-Tieni Ittra Lit-Tessalonikin
IT-TIENI ITTRA LIT-TESSALONIKIN
Dwar Din l-Ittra
Din l-ittra probabbilment kienet miktuba f’madwar is-sena 52 W.K., ftit ġimgħat, jew xhur, wara l-Ewwel Ittra. Fl-Ewwel Ittra Pawlu kien tkellem dwar il-Miġja tal-Mulej bħala li tkun għallarieda u mhux mistennija. F’din hu jispjega li din ma tkunx qabel ma sseħħ l-Apostasija.
Xi ħadd f’Tessalonikia stqarr li kellu ittra minn għand Pawlu, fejn kienet tgħid li l-Mulej diġa’ kien ġie lura (2:2). Imma Pawlu jwissi lill-knisja biex ma tkunx ingannata! Il-Mulej ma jerġax jiġi qabel “il-ħażin” ikun deher (2:3).
Pawlu jwissi wkoll dwar l-għażż (3:6-10), u jgħid lill-knisja biex tkun attenta kontra kull min jirrifjuta biex jobdi dak li hu kien kiteb f’din l-ittra.
L-ittra tagħlaq b’talba:
“16Issa l-Mulej tas-sliem jagħtikom hu nnifsu s-sliem dejjem u f’kollox. Ikun il-Mulej magħkom ilkoll”(3:16).
Ħarsa Ħafifa Lejn Din l-Ittra
• Tislijiet (1:1-2)• Ir-Ritorn tal-Mulej Iġib il-Ġustizzja (1:3-12)
• Il-Mulej Għadu Ma Ġiex (2:1-12)
• Kunu Fidili (2:13-17)
• Itolbu u Aħdmu (3:1-15)
• L-Aħħar Talba (4:21-23)
2 Tessalonikin 1
- Pawlu, u Silvanus, u Timotju, lill-knisja tat-Tessalonikin f’Alla Missierna u fil-Mulej Ġesù Kristu:
- Grazzja lilkom, u paċi, mingħand Alla Missierna u l-Mulej Ġesù Kristu.
- Għandna dejjem niżżu ħajr lil Alla għalikom, ħuti, kif inhu xieraq, biex il-fidi tagħkom tikber bis-sħiħ, u l-imħabba ta’ kull wieħed minnkom toktor lejn xulxin:
- Biex aħna nfusna niftaħru bikom fil-knejjes ta’ Alla għas-sabar u l-fidi tagħkom qalb il-persekuzzjonijiet kollha tagħkom u t-tribulazzjonijiet li intom issofru:
- Li hu prova ċara tal-ġudizzju ġust ta’ Alla, biex tkunu miżmumin bħala li jistħoqqilkom is-saltna ta’ Alla, li għaliha intom ukoll qegħdin issofru:
- Billi hi ħaġa ta’ ġustizzja quddiem Alla li jrodd it-taħbit lil dawk li jikkawżawlkom it-tribulazzjoni;
- U lilkom li qegħdin issofru, strieħu magħna, meta jidher il-Mulej Ġesù mis-sema ma’ l-anġli setgħana tiegħu,
- F’nar iħeġġeġ, u jitħallas minn dawk li ma jafux lil Alla, u ’l dawk li ma jobdux l-Evanġelju tal-Mulej tagħna Ġesù.
- Huma jkunu kkastigati bit-telfien ta’ dejjem, ’il bogħod minn wiċċ il-Mulej u mill-glorja tal-qawwa tiegħu.
- Meta jiġi biex ikun igglorifikat fil-qaddisin tiegħu, u biex jistagħġbu bih dawk kollha li jemmnu għax ix-xhieda tagħna fostkom kienet emmnuta f’dak il-jum.
- Għalhekk aħna wkoll dejjem nitolbu għalikom, biex Alla tagħna jżommkom bħala li jistħoqqilkom is-sejħa tagħ-kom, u biex iwettaq fikom bis-setgħa kull ħsieb tajjeb tat-tjieba tiegħu, u l-ħidma tal-fidi tagħkom.
- Biex isem il-Mulej tagħna Ġesù jkun igglorifikat fikom, u intom fih, skont il-grazzja ta’ Alla tagħna u tal-Mulej Ġesù Kristu.
2 Tessalonikin 2
- Issa nitolbukom, l-aħwa, fuq il-miġja tal-Mulej tagħna Ġesù Kristu, u l-ġmigħ tagħna flimkien miegħu,
- Li ma titqanqlux malajr f’moħħkom, jew titħawdu, la bl-ispirtu, la bil-kelma, u lanqas b’xi ittra, qishom ġejjin mingħandna bħallikieku l-jum ta’ Kristu wasal.
- Tħallux ’il min iqarraq bikom, b’ebda mod: għaliex jekk l-ewwel ma tiġix l-apostasija, u jkun irrivelat il-bniedem li ma jħarisx il-liġi, bin it-telfien;
- Li jmur kontra Alla, u jintrafa’ fuq kulma għandu l-isem ta’ Alla, jew li hu miqjum; biex bħal Alla joqgħod fit-tempju, billi juri lilu nnifsu li hu Alla.
- Ma tiftakrux, li, meta kont għandi magħkom, jien għidtilkom dawn il-ħwejjeġ?
- U issa intom tafu x’iżommu li ma jidhirx f’waqtu.
- Għax il-misterju tal-illegalità diġà qiegħed jaħdem: biss dak li qiegħed iżommu issa, hemm bżonn jitwarrab min-nofs.
- U mbagħad jinkixef dak il-Ħażin, li l-Mulej jeqirdu bin-nifs ta’ fommu, u jxejnu bid-dija tal-miġja tiegħu:
- Il-preżenza tal-ħażin tkun, skont il-ħidma ta’ Satana, bis-setgħa kollha, u sinjali, u għeġubijiet qarrieqa,
- U jinqeda b’kull xorta ta’ qerq u ħażen fuq dawk li huma kkundannati għall-qerda għax ma emmnux u ma ħabbewx u ma laqgħux il-verità biex ikunu salvati.
- Għalhekk Alla qed jibagħtilhom kontrihom qawwa qarrieqa biex jemmnu l-gideb,
- Ħalli b’hekk dawk kollha li ma jemmnux il-verità, imma jogħġobhom il-ħażen, ikunu kkundannati.
- Iżda aħna għandna dejjem niżżu ħajr lil Alla għalikom, ħuti maħbubin mill-Mulej, għax Alla mill-bidu għażilkom għas-salvazzjoni permezz tat-taqdis tal-Ispirtu Qaddis u bil-fidi fil-verità.
- Għal dan sejħilkom bl-evanġelju tagħna, biex tiksbu l-glorja tal-Mulej tagħna Ġesù Kristu.
- Għalhekk, ħuti, żommu sħiħ, u żommu t-tradizzjonijiet li tgħallimtu, sew bil-kliem, u kemm bl-ittra tagħna.
- Issa l-Mulej tagħna Ġesù Kristu nnifsu, u Alla, Missierna, li ħabbna, u tana faraġ ta’ dejjem, u tama tajba permezz tal-grazzja,
- Ifarrġulkom qalbkom, u jwettqukom f’kull kelma tajba u għemil.
2 Tessalonikin 3
- Mill-bqija, ħuti, itolbu għalina, biex il-kelma tal-Mulej tiġri l-ġirja tagħha, u tkun igglorifikata, kif inhi magħkom:
- U biex inkunu meħlusin minn bnedmin bla raġuni u ħżiena: għax mhux il-bnedmin kollha għandhom il-fidi.
- Imma l-Mulej, li hu fidil, iwettaqkom, u jħariskom mill-ħażen.
- U aħna għandna qalbna qawwija fil-Mulej għalikom, li intom tagħmlu u tibqgħu tagħmlu dawk il-ħwejjeġ li nordnaw-lkom.
- U l-Mulej imexxi ’l qalbkom lejn l-imħabba ta’ Alla, u lejn is-sabar ta’ Kristu.
- Issa nordnawlkom ħuti, f’isem il-Mulej Ġesù Kristu, li twarrbu lilkom infuskom minn kull wieħed mill-aħwa li qed jimxi fil-għażż, u mhux skont it-tradizzjoni li rċevejtu minn għandna.
- Għax intom stess tafu kif għandkom timxu bħalna: għax aħna qatt ma tgħażżinna fostkom;
- Lanqas qatt ma kilna l-ħobż ta’ ħadd b’xejn; imma bix-xogħol u t-taħbit naħdmu lejl u nhar, biex ma nkunux ta’ tagħbija għal ħadd minnkom:
- Mhux għax m’għandniex setgħa, imma biex nagħmlu lilna nfusna eżempju għalikom biex tkunu bħalna.
- Għax ukoll meta konna magħkom, ordnajnielkom dan: li jekk xi ħadd ma jridx jaħdem, lanqas m’għandu jiekol.
- Għax smajna li hemm x’uħud fostkom li jgħixu fil-għażż, li ma jridux jaħdmu, imma li moħħhom fin-nies.
- Issa dawk li huma bħal dawn aħna nordnawlhom u nwissuhom fil-Mulej Ġesù Kristu, biex jaħdmu bil-kwiet, u jieklu ħobżhom.
- Iżda intom, ħuti, tgħajjewx tagħmlu l-ġid.
- U jekk xi bniedem ma jismax minn kliemna b’din l-epistola, araw min hu dan il-bniedem, u la tagħmluhiex miegħu, biex jistħi.
- Biss la tqisuhx bħala għadu, iżda wissuh bħala wieħed mill-aħwa.
- Issa l-Mulej tas-sliem jagħtikom hu nnifsu s-sliem dejjem u f’kollox. Ikun il-Mulej magħkom ilkoll.
- It-tislija b’idi stess; Pawlu: dan hu s-sinjal f’kull epistola: hekk nikteb.
- Il-grazzja tal-Mulej tagħna Gesù Kristu tkun magħkom ilkoll. Amen.