Ittra Lil-Lhud
L-ITTRA LIL-LHUD
Dwar Din l-Ittra
Din l-ittra ma ssemmix il-persuni li lilhom hija ndirizzata. Il-mod tal-kitba tagħha huwa bla dubju għal-Lhud, billi hija diskussjoni tar-Relazzjoni ta’ Kristu għas-Saċerdozju Levitku u s-Sagrifiċċji tat-Tempju. Din kontinwament tikkwota t-Testment il-Qadim biex tikkonferma l-affermazzjonijiet tagħha. Il-veduta tradizzjonali u li l-aktar hija aċċettat hija li din kienet in-dirizzata lill-Kristjani Lhud tal-Palestina, speċifikament dawk f’Ġerusalemm.
L-awtur tagħha mhuwiex magħruf għalkemm ħafna jattribwixxuha għal Pawlu. Il-veduta tradizzjonali, miżmuma ma-tul is-sekli, u li għadha miżmuma ħafna llum, hija li Pawlu huwa l-awtur tagħha.
Mingħajr dubju din kienet miktuba qabel il-qerda ta’ Ġerusalemm, li ġrat fis-sena 70 W.K. Jekk Pawlu kitibha, jidher probabbli li din kienet miktuba minn Ruma, fis-snin 61-63 W.K.
Din l-ittra għandha ħafna xi tgħid dwar l-importanza tal-fidi. Il-kittieb igħid li dak li Ġesù joffri jiġi biss bil-fidi. U din il-fidi tagħmel llis-segwaċi żguri ta’ dak li huma jittamaw għalih u tagħtihom prova tal-ħwejjeġ li ma jidhrux. Il-kittieb ifaħħar lin-nies fidili tal-passat (11:1-40) u tinkorraġixxi lil dawk biex jimxu wara Ġesù issa u jżommu għajnejhom fuqu u jiġru l-ġirja (12:1-3
Din l-ittra titkellem dwar l-importanza tal-ubbidjenza u li Ġesù hu:
“9U, billi kien magħmul perfett, sar għajn tas-salvazzjoni ta’ dejjem għal dawk kollha li jobduh” (Lhud 5:9).
Ħarsa Ħafifa Lejn Din l-Ittra
• Il-Kobor tal-Iben Ta’ Alla (1:1-4)• Ġesù Hu Akbar mill-Anġli (1:5—2:18)
• Ġesù Hu Akbar minn Mosè u Ġożwè (3:1—4:13)
• Ġesù Hu l-Qassis il-Kbir (4:14—7:28)
• Ġesù Jġib Ftehim Aħjar (8:1—9:22)
• Is-Sagrifiċċju ta’ Ġesù Huwa ta’ Darba u għal Kulħadd (9:23—10:31)
• Xi Wħud min-Nies ta’ Alla li Kellhom Fidi Kbira (11:1-40)
• Imxi Fuq l-Eżempju ta’ Ġesù (12:1—13:19)
• L-Aħħar Talb u Tislijiet (13:20-25)
Lhud 1
- Alla, li bosta drabi u b’ħafna manjieri kellem fl-imgħoddi lil missirijietna bil-profeti,
- F’dawn l-aħħar jiem kellimna b’Ibnu, li ħatru werriet tal-ħwejjeġ kollha, u li permezz tieghu wkoll għamel iż-żminijiet.
- Hu, li hu d-dija tal-glorja tiegħu, u x-xbieha perfetta tan-natura tiegħu, u li jżomm il-ħwejjeġ kollha bil-kelma tas-setgħa tiegħu, wara li bih innifsu naddaf dnubietna, qagħad bil-qiegħda fuq il-lemin tal-Maestà fil-għoli tas-smewwiet.
- U sar ħafna aħjar mill-anġli, billi b’wirt kiseb isem bil-wisq iżjed ogħla minnhom.
- Għax lil min mill-anġli xi darba qal: Int Ibni, illum jien nissiltek? U jarġa’: Inkunlu Missier, u hu jkunli Iben?
- U raġa’, meta ġieb lill-Ewwel imwieled fid-dinja, qal: Ħa jqimuh l-anġli kollha ta’ Alla.
- U għall-anġli qal: Jagħmel l-irjieħ l-anġli tiegħu, u ilsna tan-nar il-ministri tiegħu.
- Imma għal l-Iben igħid: It-Tron tiegħek, O Alla, għal dejjem ta’ dejjem, ix-xettru tal-ġustizzja hu x-xettru ta’ saltnatek.
- Int ħabbejt il-ġustizzja, u bgħadt il-ħażen; għalhekk Alla, Alla tiegħek, dilkek biż-żejt tal-ferħ aktar minn sħabek.
- U int, o Mulej, fil-bidu qegħidt is-sisien tal-art: u xogħol idejk huma s-smewwiet.
- Huma jintemmu; iżda int tibqa’; kollha jiqdiemu, bħal ma tagħmel libsa.
- U tkebbibhom bħal mantar, u jitbiddlu: u s-snin tiegħek ma jintemmux.
- Imma lil min mill-anġli qatt qal: Oqgħod fuq il-lemin tiegħi, sa ma nqiegħed l-għedewwa tiegħek b’mirfes riġlejk?
- Mhumiex kollha spirti qaddejja, mibgħutin biex jaqdu għall-ġid ta’ dawk li sa jirtu s-salvazzjoni?
Lhud 2
- Għalhekk għandna aktar u aktar nagħtu attenzjoni għal dak li smajna, li ma nitbiegħdux.
- Għax jekk il-kelma mxandra mill-anġli b’saħħitha, u kull ksur u diżubbidjenza ħadu ħlas ġust;
- Kif nistgħu neħilsuha aħna jekk inwarrbu salvazzjoni hekk kbira? Din hi salvazzjoni li ngħatat l-ewwel bil-fomm tal-Mulej stess, u mbagħad wassluha sħiħa lilna dawk li semugħ.
- Ma’ tagħhom Alla żied ix-xhieda tiegħu b’sinjali u għeġubijiet u ħafna opri setgħana, kif ukoll bid-doni tal-Ispirtu Qaddis mqassmin skont ir-rieda tiegħu stess.
- Għax hu ma qegħidx taħt l-anġli d-dinja li ġejja, li fuqha qegħdin nitkellmu.
- Imma wieħed x’imkien xehed, billi qal: X’inhu l-bnie-dem, biex tiftakar fih? Jew bin il-bniedem, biex tieħu ħsiebu?
- Inti għamiltu ftit anqas mill-anġli; int inkurunajtu bil-glorja u unur, u appuntajtu fuq l-opri ta’ jdejk:
- Kollox qegħidt inti taħt riġlejh. Għax ladarba ssuġġettajt kollox lilu, hu xejn ma ħalla li mhux issuġġettat lilu. Imma issa għadna ma narawx kollox issuġġettat lilu.
- Imma aħna naraw lil Ġesù, li kien magħmul ftit anqas mill-anġli talli bata l-mewt, inkurunat bil-glorja u l-ġieh; biex bil-grazzja ta’ Alla jduq il-mewt għal kulħadd.
- Għax kien jixraq li dak li l-ħwejjeġ kollha huma għalih, u li bih huma l-ħwejjeġ kollha, li jwassal ħafna wlied fil-glorja, biex jagħmel perfett permezz tat-tbatijiet lil awtur tas-salvazzjoni tagħhom.
- Għax sew dak li jqaddes u kemm dawk li huma mqaddsin huma kollha minn wieħed; għalhekk ma jistħix isejħilhom aħwa.
- Billi jgħid: Inxandar ismek lil ħuti, f’nofs il-knisja ngħannilek tifħir.
- U jarġa’: Nafda fih. U iżjed: Ara, jien u l-ulied li tani Alla.
- Mela billi l-ulied għandhom l-istess laħam u demm, hu wkoll ħa sehem minn dan l-istess demm u laħam, biex permezz tal-mewt jeqred lil dak li kellu l-ħakma tal-mewt, jiġifieri, ix-Xitan.
- U jeħles lil dawk li minħabba l-biża’ tal-mewt kienu suġġetti għall-jasar ħajjithom kollha.
- Għax żgur li mhux lill-anġli li hu jgħin; iżda hu jgħin lin-nisel ta’ Abraham.
- Għalhekk kien jaħtieġlu li f’kollox ikun magħmul bħall-aħwa, biex isir qassis il-kbir u ħanin u fidil fil-ħwejjeġ li għandhom x’jaqsmu ma’ Alla, biex iħallas għad-dnubiet tal-poplu.
- Għax billi hu nnifsu bata billi kien imġarrab, jista’ jgħin lil dawk li huma mġarrbin.
Lhud 3
- Għalhekk ħuti qaddisa, intom li għandkom sehem fis-sejħa tas-sema, aħsbu fuq l-appostlu u l-qassis il-kbir tal-istqarrija tagħna, Kristu Ġesù;
- Li kien fidil ma’ dak li ħatru, bħal ma kien ukoll Mosè fidil f’daru kollha.
- Għax dal-bniedem kien magħdud li jistħoqqlu aktar glorja minn Mosè, daqskemm dak li bena d-dar għandu iżjed ġieh mid-dar.
- Għax kull dar hi mibnija minn xi bniedem; imma dak li jibni kollox hu Alla.
- U Mosè tassew kien fidil f’daru kollha, bħala xhieda ta’ dawk il-ħwejjeġ li kellhom jingħadu wara;
- Imma Kristu hu bħala iben fuq daru stess; U daru hi aħna, jekk inżommu sħaħ sat-tmiem il-fiduċja tagħna u l-ftaħir tagħna fit-tama tagħna.
- Għalhekk bħal ma jgħid l-Ispirtu Qaddis: Jekk illum tisimgħu leħnu,
- La twebbsux qalbkom, bħal ma ġara fl-irvell, f’jum it-tiġrib fix-xagħri.
- Meta missirijietkom ġarrbuni, u ppruvawni, u raw l-opri tiegħi tul erbgħin sena.
- Għalhekk kont imgħaddab għal dik il-ġenerazzjoni, u għidt: Dejjem jiżbaljaw f’qalbhom; u ma għarfux triqati.
- Għalhekk ħlift fil-korla tiegħi: Ma jidħlux fil-mistrieħ tiegħi.
- Ħuti, araw li f’ebda wieħed minnkom ma jkun hemm qalb imħassra bin-nuqqas ta’ twemmin li jwassal għall-firda minn Alla l-ħaj.
- Imma agħmlu l-qalb lil xulxin kuljum — sakemm inkunu għadna nistgħu ngħidu “illum” — biex ħadd minnkom ma jiġġarraf mid-dnub u jwebbes qalbu.
- Għax aħna għandna sehem fi Kristu, jekk inżommu sħiħa sa l-aħħar it-tama li kellna fil-bidu.
- Jingħad fl-Iskrittura: Jekk illum tisimgħu leħnu, la twebbsux qalbkom bħal f’jum l-irvell.
- U min huma dawk li semgħu u qamu kontrih? Mhux dawk kollha li ħarġu mill-Eġittu bis-saħħa ta’ Mosè?
- U lil min stmerr għal erbgħin sena? Mhux lil dawk li dinbu, u li l-iġsma tagħhom waqgħu mejta fix-xagħri?
- U għal min ħalef li ma jidħlux fil-mistrieħ tiegħu, ħlief għal dawk li ma ridux jobdu?
- Hekk naraw li huma ma setgħux jidħlu minħabba fin-nuqqas ta’ twemmin tagħhom.
Lhud 4
- Ħa nibżgħu mela, li, waqt li baqagħlna l-wegħda li nidħlu fil-mistrieħ tiegħu, ma jkunx hemm xi ħadd minnkom li jidhirlu li baqa’ lura minnha.
- Għax sew lilna kien imxandar l-evanġelju, kemm ukoll lilhom; imma l-kelma mxandra ma swietilhomx, għax ma kinux magħqudin bil-fidi ma’ dawk li semgħu.
- Għax aħna li emminna nidħlu fil-mistrieħ bħal ma qal: Hekk ħlift f’għadbi: Ma jidħlux fil-mistrieħ tiegħi: għalkemm l-opri tiegħu kienu mitmuma sa mit-tisjis tad-dinja.
- Għax hu qal x’imkien hekk għas-seba’ jum: U strieħ Alla fis-seba’ jum mill-opri kollha tiegħu.
- U hawn ukoll mill-ġdid: Ma jidħlux fil-mistrieħ tiegħi.
- Billi ra mela li kien baqa’ li x’uħud jidħlu fih, u dawk li lilhom kien imxandar l-ewwel ma daħlux minħabba d-diżubbidjenza tagħhom:
- Mill-ġdid waqqaf jum, billi qal b’David, wara żmien twil: Illum, bħal ma ntqal qabel, illum jekk tisimgħu leħnu, la twebbsux qalbkom.
- Għax kieku Ġożwè tahom il-mistrieħ, ma kienx jitkellem wara fuq jum ieħor.
- Għalhekk baqa’ l-mistrieħ tas-Sibt għall-poplu ta’ Alla.
- Għax min daħal fil-mistrieħ ta’ Alla strieħ hu wkoll mix-xogħol tiegħu, bħal ma strieħ Alla minn tiegħu.
- Ħa nħabirku mela biex nidħlu f’dak il-mistrieħ, biex ħadd ma jaqa’ fuq l-istess eżempju ta’ diżubbidjenza.
- Għax ħajja hi l-kelma t’Alla, u qawwija, u taqta’ aktar minn xabla b’żewġt ixfar, u tinfed ukoll sa fejn tinfired ir-ruħ mill-ispirtu, u l-ġogi mill-mudullun, u tgħarbel il-ħsibijiet u l-fehmiet tal-qalb.
- Ma hemm xejn fil-ħolqien li ma jidhirx għalih, imma kollox hu għeri u mikxuf quddiem għajnejn dak li lilu rridu nagħtu kont.
- Mela meta aħna għandna l-qassis il-Kbir, li hu tassew kbir, qassis li daħal fis-smewwiet, Ġesù Bin Alla, ħa nżommu sħiħa l-fidi tagħna u nistqarruha.
- Għax aħna ma għandniex qassis il-kbir li ma jistax jagħder id-dgħufija tagħna, imma għandna wieħed li kien imġarrab bħalna f’kollox, minbarra fid-dnub.
- Ħa nersqu mela bla biża’ lejn it-tron kbir tal-grazzja, biex naqligħu ħniena, u nsibu grazzja ta’ għajnuna fil-bżonnijiet tagħna.
Lhud 5
- Għax kull qassis il-kbir meħud minn fost il-bnedmin hu mqiegħed għall-bnedmin f’dak li għandu x’jaqsam ma’ Alla, biex joffri sew għotjiet u kemm sagrifiċċji għad-dnubiet.
- Li jkun jaf jagħder lil dawk li ma jafux, u lil dawk li jiżbaljaw; għax hu nnifsu wkoll imdawwar bid-dgħufija.
- U minħabba f’dan għandu joffri sagrifiċċji għad-dnu-biet, sew għall-poplu u kemm għalih innifsu.
- U l-ebda bniedem ma jieħu dal-ġieh għalih innifsu, iżda min hu msejjaħ minn Alla, bħal ma kien Aron.
- Hekk ukoll Kristu ma gglorifikax lilu nnifsu biex isir qassis il-kbir; imma dak li qallu: Int ibni, illum nissiltek.
- Bħal ma qal band’oħra: Inti qassis għal dejjem skont l-ordni ta’ Melkisedek.
- Hu, fil-jiem tal-ġisem tiegħu, meta offra talb u suppliki b’għajat qawwi u dmugħ lil dak li sata’ jsalvah bil-mewt, kien mismugħ minħabba t-tjieba tiegħu;
- Għalkemm li kien Iben, tgħallem l-ubbidjenza minn dawk il-ħwejjeġ li bata.
- U, billi kien magħmul perfett, sar is-sors tas-salvazzjoni eterna għal dawk kollha li jobduh.
- Imsejjaħ minn Alla bħala qassis il-kbir skont l-ordni ta’ Melkisedek.
- Li fuqu għandna ħafna ħwejjeġ xi ngħidu, u tqal biex jitfissru, billi sirtu tqal biex tisimgħu.
- Għax għalkemm imisskom sa daż-żmien sirtu għalliema, taħtieġu li xi ħadd jarġa’ jgħallimkom mill-ġdid x’inhuma l-ewwel prinċipji tal-orakli ta’ Alla; u sirtu hekk li taħtieġu l-ħalib, u mhux ikel solidu.
- Għax kull min għadu tal-ħalib għad m’għandux esperjenza tal-kelma tal-ġustizzja: għax għadu tarbija.
- Imma l-ikel solidu hu għal dawk li mmaturaw: għal dawk li kienu mħarrġin biex permezz tas-sensi tagħhom jiddistingwu bejn it-tajjeb u l-ħażin.
Lhud 6
- Għalhekk ħalli nħallu d-duttrina elementari ta’ Kristu, u ngħaddu għall-maturità; bla ma nerġgħu nqiegħdu pedament ta’ indiema minn opri mejta, u fidi f’Alla.
- U ta’ struzzjoni dwar ħasil, it-tqegħid tal-idejn, il-qawmien tal-mejtin, u l-ġudizzju etern.
- U dan aħna nagħmluh, jekk Alla jippermetti.
- Għax hu impossibbli li treġġa’ lura għal l-indiema lil dawk li, wara li darba sfaw imdawla;
- Wara li daqu d-don tas-sema, u qasmu fl-Ispirtu Qaddis; wara li daqu t-tjubija tal-kelma ta’ Alla u l-qawwiet taż-żmien li għad irid jiġi,
- Imbagħad reġgħu lura waqgħu; għaliex dawn, bl-istess imġiba tagħhom, isallbu lil l-Iben ta’ Alla u jwaqqgħuh għat-tmaqdir.
- Għax l-art tixrob ix-xita li ta’ spiss taqa’ fuqha, u trodd ħxejjex tajba għal dawk li minnhom tinħadem, ikollha l-barka minn Alla.
- Iżda dik li tagħmel xewk u għolliq hi mwarrba, u qrib li tkun misħuta; it-tmiem tagħha hu li tinħaraq.
- Imma, maħbubin, aħna żguri minnkom minn ħwejjeġ aħjar, u li għandhom x’jaqsmu mas-salvazzjoni, għalkemm qegħdin nitkellmu hekk.
- Għax Alla mhux bla ġustizzja biex jinsa x-xogħol tagħkom u l-imħabba li wrejtu għal ismu, bil-qadi li qdejtu, u li għadkom taqdu, lill-qaddisin.
- U aħna nixtiequ li kull wieħed minnkom juri sa l-aħħar l-istess premura biex ikollu l-assigurazzjoni sħiħa tat-tama sat-tmiem.
- Biex ma titgħażżnux, imma timitaw lil dawk li permezz tal-fidi u s-sabar jirtu l-wegħdi.
- Għax meta Alla għamel wegħda lil Abraham, billi ma satax jaħlef b’wieħed akbar, ħalef bih innifsu.
- Billi qal: Ċertament li jien inbierkek, u nimmultiplikak u narġa’ nim-multiplikak.
- U hekk, wara li bis-sabar qagħad jistenna, qala’ l-wegħda.
- Għax il-bnedmin jaħilfu bl-akbar: u għalihom il-ħalfa bħala rabta hi t-tmiem ta’ kull argument.
- Għalhekk Alla, billi ried juri aktar bil-qawwa lill-werrieta tal-wegħda li l-fehma tiegħu ma titbiddilx, wettaqha b’ħalfa:
- Biex b’żewġ ħwejjeġ li ma jitbiddlux, li fihom ma jistax ikun li Alla jigdeb, aħna jkollna faraġ qawwi, aħna li ħrabna għall-kenn biex naqbdu mat-tama mqiegħda quddiemna;
- Tama li għandna bħala ankra tar-ruħ, sew żgura u kemm qawwija, u li tidħol ’il ġewwa mill-velu.
- Fejn daħal għalina bħala ħabbâr, Ġesù, li sar qassis il-kbir għal dejjem, skont l-ordni ta’ Melkisedek.
Lhud 7
- Għax dan Melkisedek, sultan ta’ Salem, qassis ta’ Alla l-Għoli, iltaqa’ ma’ Abraham hu u rieġa’ lura wara li qered lis-slaten, u bierku.
- U li lilu wkoll Abraham ta l-għexur minn kollox; u li ismu jfisser l-ewwel Sultan tal-ġustizzja, imbagħad ukoll Sultan ta’ Salem, jiġifieri, Sultan tas-sliem.
- Bla missier, bla omm, bla nisel, u li la għandu bidu ta’ jiem, u lanqas tmiem ta’ ħajja; imma magħmul jixbaħ lil bin Alla; jibqa’ qassis għal dejjem.
- Araw issa kemm kien kbir dan, li lilu Abraham il-patrijarka tah l-għexur mill-aħjar tal-priża.
- U tassew dawk li huma wlied Levi, li jieħdu s-saċerdozju, għandhom il-jedd jieħdu l-għexur mingħand il-poplu skont il-liġi, jiġifieri, mingħand ħuthom, għalkemm ħarġu minn ġenbejn Abraham:
- Imma dak li n-nisel tiegħu mhux magħdud minnhom ħa l-għexur mingħand Abraham, u bierek lil dak li kellu l-wegħdiet.
- Mingħajr ebda kontradizzjoni, l-iżgħar jitbierek mill-akbar.
- Verament, hawn huma bnedmin li jmutu li jieħdu l-għexur; iżda hemm jeħodhom wieħed, li fuqu hemm xhieda li għadu ħaj.
- U biex ngħid hekk, Levi wkoll, li ħa l-għexur, ħallas l-għexur f’Abraham.
- Għax kien għadu f’ġenbejn missieru, meta Melkisedek iltaqa’ miegħu.
- Jekk mela l-perfezzjoni seħħet bis-saċerdozju ta’ Levi (għax taħtu l-poplu ħa l-liġi,) xi ħtieġa aktar kien hemm li jqum qassis ieħor skont l-ordni ta’ Melkisedek, u li ma kienx im-sejjaħ skont l-ordni ta’ Aron?
- Għax billi tbiddel is-saċerdozju, hemm il-bżonn ta’ tibdil ukoll fil-liġi.
- Għax dak li fuqu jingħadu dawn il-ħwejjeġ kien minn ta’ tribù ieħor, li ħadd minnu ma kien jersaq lejn l-artal.
- Jidher ċar li minn Ġuda ħareġ il-Mulej tagħna; u fuq dan it-tribù Mosè ma qal xejn dwar is-saċerdozju.
- U dan hu wisq aktar ċar; għax laħaq qassis ieħor li jixbaħ lil Melkisedek,
- Li sar, mhux skont il-liġi ta’ kmandamenti tal-ġisem, imma skont is-setgħa ta’ ħajja bla tmiem.
- Għax hu jixhed: Int qassis għal dejjem skont l-ordni ta’ Melkisedek.
- Għax tassew il-kmandament ta’ qabel jitħassar, minħabba n-nuqqas ta’ saħħa u ta’ ħtieġa tiegħu.
- Għax il-liġi m’għamlet xejn perfett, iżda d-dħul ta’ tama aħjar għamel: b’din it-tama nersqu lejn Alla.
- Billi ma kienx mingħajr ħalfa li sar qassis:
- Għax dawk il-qassisin saru mingħajr ħalfa; imma dan b’ħalfa ta’ dak li qallu: Ħalef il-Mulej, u ma jisgħobbihx; Int qassis għal dejjem.
- B’dan Ġesù sar rahan ta’ rabta aħjar.
- U dawk tassew saru qassisin b’għadd kbir, għax ma set-għux jibqgħu minħabba l-mewt:
- Imma Ġesù billi jibqa’ għal dejjem, għandu saċerdozju li ma jintemm qatt.
- Għalhekk ukoll huwa jista’ jsalva għal kollox lil dawk li bih jersqu lejn Alla, ladarba hu jibqa’ għal dejjem ħaj biex jid-ħol għalihom.
- Għax kien jaqblilna jkollna qassis kbir bħal dan, li hu qaddis, ma jagħmel ebda ħsara, bla għajb, mifrud mill-midinbin, u mgħolli aktar ’il fuq mis-smewwiet.
- Li m’għandux bżonn, bħall-qassisin il-kbar l-oħra, joffri kuljum is-sagrifiċċju, l-ewwel għad-dnubiet tiegħu stess, imbagħad għad-dnubiet tal-poplu. Dan hu għamlu darba għal dejjem, meta offra lilu nnifsu.
- Għax il-liġi tagħmel qassisin il-kbar, bnedmin li huma dgħajfa; imma l-kelma tal-ħalfa, li ġiet wara l-liġi, tagħmel l-Iben, li hu magħmul perfett għal dejjem.
Lhud 8
- Issa l-qofol ta’ dak li għidna hu dan: Għandna qassis hekk kbir, wieħed li qiegħed in-naħa tal-lemin tat-tron tal-Maestà fis-smewwiet;
- Ministru tas-santwarju, u tat-tabernaklu veru, li waqqfu l-Mulej, u mhux il-bniedem.
- Għax kull qassis il-kbir hu magħmul biex joffri għotjiet u sagrifiċċji: għalhekk jaħtieġ li dal-bniedem ikollu wkoll xi ħaġa x’joffri.
- Għax kieku kien fuq l-art, ma kien ikun qassis xejn, billi hemm qassisin li joffru għotjiet skont il-liġi.
- Li jservu bħala eżempju u dell ta’ ħwejjeġ tas-sema, bħal ma kien imwissi Mosè minn Alla meta kien sa jibda jagħmel it-tabernaklu; għax, Ara, hu qal, li tagħmel kollox skont il-mudell li kien muri lilek fuq il-muntanja.
- Imma issa qala’ ministeru li hu wisq aktar eċċellenti, daqskemm ukoll hu l-medjatur ta’ rabta aħjar, li kienet mibnija fuq wegħdiet aħjar.
- Għax jekk dik l-ewwel rabta kienet bla għajb, ma kinex jitfittex imkien għat-tieni.
- Għax billi sab xi jgħid fuqhom, qal: Ara, il-jiem jiġu, qal il-Mulej, meta nagħmel rabta ġdida mad-dar ta’ Iżrael u mad-dar ta’ Ġuda:
- Mhux skont ir-rabta li għamilt ma’ missirijiethom fil-jum meta qbadthom minn idhom biex noħroġhom minn art l-Eġittu; għax ma baqgħux iżommu mar-rabta tiegħi, u jien tlaqthom, igħid il-Mulej.
- Għax din hi r-rabta li nagħmel mad-dar ta’ Iżrael wara dawk il-jiem, igħid il-Mulej: inqiegħed il-liġijiet tiegħi f’moħħhom, u niktibhomlhom f’qalbhom: u nkun għalihom Alla, u għalija jkunu poplu:
- U ma jgħallmux aktar wieħed lil għajru, u kull bniedem lil ħuh, billi jgħidu: Agħraf il-Mulej: għax kollha jagħrfuni, miż-żgħir sal-kbir.
- Għax inkun ħanin mal-ħażen tagħhom, u dnubiethom ma niftakarx iżjed.
- Meta tkellem minn patt ġdid, wera li dak ta’ qabel kien qadim. Issa dak li jiqdiem u jixjieħ ikun wasal biex jispiċċa.
Lhud 9
- Tassew l-ewwel rabta kellha wkoll il-ħtiġijiet ġusti tas-servizz sagru, u l-post il-qaddis tad-dinja.
- Għax kien hemm Tinda, dik ta’ quddiem, li fiha kien hemm is-sieq tal-lampa u l-mejda tal-ħobż tal-preżenza quddiem il-Mulej; din it-tinda kienet tissejjaħ “il-(Post) Qaddis”.
- U wara t-tieni velu, kien hemm tinda oħra, li kienet tissejjaħ “il-Qaddis tal-Qaddisin.”
- F’din kien hemm l-artal tad-deheb għal l-inċens, u l-arka tal-patt, miksija minn kull naħa bid-deheb bil-manna, il-virga ta’ Aron li minnha kien ħareġ il-ward, u t-twavel tal-patt.
- U fuqha l-kerubini tal-glorja kienu jdellu l-għatu propizjatorju tagħha; u li fuqhom issa ma nistgħux nitkellmu ħaġa ħaġa.
- Issa wara kollox kien jitqassam hekk, il-qassisin kienu jidħlu dejjem fl-ewwel tinda, biex jagħmlu s-servizz ta’ Alla.
- Iżda fit-tieni waħda kien jidħol il-qassis il-kbir waħdu darba fis-sena, mhux mingħajr demm, li kien joffri għalih innifsu, u għad-dnubiet tal-injoranza tal-poplu:
- B’dan l-Ispirtu Qaddis kien juri, li t-triq tas-santwarju kienet għadha mhix miftuħa, waqt li l-ewwel tinda kienet għadha wieqfa:
- Din kienet tixbiha għaż-żmien preżenti; u li fiha kienu jkunu offruti sew għotjiet u kemm sagrifiċċji, li ma kinux jistgħu jagħmlu perfett lil dak li kien jagħti qima, għal dik li hi kuxjenza;
- Billi dawn kellhom x’jaqsmu biss ma’ ikel u xorb, u ħafna ħasil, u regolamenti tal-ġisem, imposti fuqhom sa ma jasal żmien it-tibdil.
- Imma Kristu ġie bħala l-qassis il-kbir tal-ġid li ġa gie. Hu daħal minn tinda aqwa u aktar perfetta li mhijiex maħduma b’idejn il-bnedmin, jiġifieri mhijiex ħolqien ta’ din l-art;
- Hu daħal darba għal dejjem fis-Santwarju, mhux bis-saħħa tad-demm tal-mogħoż u tal-għoġiela, imma bis-saħħa ta’ demmu stess, u hekk kiseb fidwa għal dejjem.
- Jekk id-demm tal-mogħoż u tal-gniedes u l-irmied tal-għoġiela mraxxax fuq dawk li huma mniġġsa jista’ jqaddishom billi jagħtihom l-indafa tal-ġisem.
- Kemm aktar id-demm ta’ Kristu, li permezz tal-Ispirtu etern offra lilu nnifsu bla għajb ’l Alla, inaddaf il-kuxjenza tagħna minn opri mejta, biex taqdu ’l Alla l-ħaj?
- U għalhekk hu l-medjatur tar-rabta l-ġdida, biex permezz tal-mewt, li ndaħlet għall-fidwa tal-ħtijiet li saru taħt l-ewwel rabta, dawk li huma msejħin jieħdu l-wegħda tal-wirt ta’ dejjem.
- Għax fejn hemm testment, jaħtieġ ukoll tidħol il-mewt ta’ min għamel it-testment.
- Għax testment igħodd wara li l-bnedmin imutu: inkella m’għandux saħħa kemm idum ħaj min għamel it-testment.
- Għalhekk lanqas l-ewwel rabta ma kienet inawgurata mingħajr demm.
- Għax wara li Mosè nieda kull kmandament lill-poplu skont il-liġi, ħa d-demm tal-għoġġiela u tal-bdabad, ma’ l-ilma, u suf aħmar skarlat, u żuf, u raxx sew il-ktieb, u kemm il-poplu kollu,
- U qal: Dan hu d-demm tar-rabta li ordna Alla għalikom.
- Barra minn dan raxx bid-demm sew it-tinda, u kemm il-għodod kollha tal-ministeru.
- U kważi kollox jissaffa bid-demm skont il-liġi; u bla tixrid ta’ demm m’hemmx maħfra.
- Għalhekk mela kien meħtieġ li x-xbihat tal-ħwejjeġ tas-sema jissaffew b’dawn; iżda l-ħwejjeġ tas-sema nfushom b’sagrifiċċji aħjar minn dawn.
- Għax Kristu ma daħalx f’santwarju magħmul b’idejn il-bnedmin, li hu biss xbieha tas-santwarju veru, imma daħal fis-sema stess, biex issa jidher għalina quddiem Alla.
- U daħal hemm mhux biex minn żmien għal żmien joffri lilu nnifsu bħalma l-qassis il-kbir jidħol kull sena fis-santwarju biex joffri demm ħaddieħor.
- Għax kieku kien ikollu jbati ta’ spiss mit-tisjis tad-dinja: iżda issa deher darba fl-aħħar taż-żminijiet biex iħassar id-dnub bis-sagrifiċċju tiegħu nnifsu.
- U kif inhu miktub għall-bnedmin li għandhom imutu darba biss, u wara dan isir il-ġudizzju,
- Hekk ukoll Kristu, kien offrut darba biss biex jitgħabba bid-dnubiet ta’ ħafna, jerġa’ jidher għat-tieni, mhux biex ineħħi d-dnubiet, imma għas-salvazzjoni ta’ dawk li qegħdin jistennewh bil-ħerqa.
Lhud 10
- Għax billi l-Liġi għandha d-dell tal-ħwejjeġ tajba li għandhom jiġu, u mhux ix-xbieha tal-ħwejjeġ infushom, ma tista’ qatt bl-istess sagrifiċċji, li joffru minn sena għal sena, blatista’ qatt bl-istess sagrifiċċji, li joffru minn sena għal sena, bla ma jaqtgħu xejn, tagħmel perfetti lil dawk li jersqu.
- Għax kieku ma kinux jieqfu li jkunu offruti, ladarba dawk li jagħmlu das-servizz, wara li darba tnaddfu, m’għandhomx aktar kuxjenza tad-dnubiet?
- Iżda f’dawk is-sagrifiċċji hemm kull sena tifkira mill-ġdid tad-dnubiet.
- Għax ma jistax ikun lid-demm tal-gniedes u tal-mogħoż ineħħi d-dnubiet.
- Għalhekk meta daħal fid-dinja, qal: Int ma ridtx sagrifiċċji u offerti, iżda ġisem hejjetli,
- Int ma għoġbukx offerti maħruqin u sagrifiċċji għad-dnub.
- Imbagħad għidt jien: Hawn jien, ġej, o Alla! Biex nagħ-mel ir-rieda tiegħek, kif inhu miktub fuqi fit-titlu tar-romblu tal-ktieb.
- L-ewwel qal: Int ma ridtx u lanqas għoġbuk sagrifiċċji u offerti, u offerti maħruqin, u sagrifiċċji għad-dnub, li huma offruti skont il-liġi:
- Imbagħad qal: Hawn jien; ġej, O Alla! Biex nagħmel ir-rieda tiegħek. Hu neħħa tal-ewwel, biex jistabbilixxi t-tieni.
- Bis-saħħa ta’ dir-rieda aħna tqaddisna bl-offerta tal-ġisem ta’ Ġesù Kristu darba għal dejjem.
- U kull qassis wieqaf kuljum iservi u joffri bosta drabi l-istess sagrifiċċji, li ma jistgħu qatt ineħħu d-dnubiet:
- Iżda dan, wara li offra sagrifiċċju wieħed għad-dnubiet għal dejjem, qagħad bil-qiegħda fuq il-lemin ta’ Alla:
- Minn fejn qiegħed jistenna sa ma l-għedewwa tiegħu jitqiegħdu b’mirfes taħt riġlejh.
- Għax hu b’offerta waħda għamel perfetti għal dejjem lil dawk li huwa jqaddes.
- U dan, iżda, jixhdulna wkoll l-Ispirtu Qaddis: għax wara dan kien qal qabel:
- Din hi r-rabta li nagħmel magħhom wara dawk il-jiem, igħid il-Mulej: Inqiegħed il-liġijiet tiegħi f’qalbhom, u f’moħħhom niktibhomlhom;
- U fi dnubiethom u ħtijiethom ma niftakarx aktar.
- Issa fejn hemm il-maħfra ta’ dawn, mhemmx iżjed offerti għad-dnub.
- Mela, ħuti, billi għandna l-ħila li nidħlu fil-post l-aktar qaddis bid-demm ta’ Ġesù,
- Bi triq ġdida u ħajja, li hu fetaħ għalina, minn ġol-velu, jiġifieri ġismu;
- U billi għandna qassis il-kbir fuq id-dar ta’ Alla;
- Ħa nersqu b’qalb sinċiera f’assigurazzjoni sħiħa tal-fidi, bi qlubna mnaddfin minn kuxjenza ħażina, u ġisimna maħsul b’ilma nadif.
- Ħa nżommu sħiħ l-istqarrija tat-tama tagħna mingħajr ma nbiddlu fehmitna; (għax fidil hu dak li wiegħed).
- U ħa nieħdu ħsieb xulxin biex nitħeġġu fl-imħabba u fl-opri tajba;
- Bla ma nonqsu li niltaqgħu flimkien, bħalma hi d-drawwa ta’ x’uħud; iżda għamlu l-qalb lil xulxin: u l-aktar meta taraw riesaq il-jum.
- Għax jekk wara li ħadna t-tagħrif sħiħ tal-verità nidinbu minn rajna, ma hemmx sagrifiċċju ieħor għad-dnub xi jsir.
- Jibqalna biss li nistennew bil-biża’ l-ġudizzju u l-ħuġġieġa nar li teqred l-għedewwa ta’ Alla.
- Dak li żeblaħ il-liġi ta’ Mosè miet bla ħniena fuq ix-xhieda ta’ tnejn jew tlieta:
- Kemm kastig aktar aħrax, jidhrilkom intom, ikun ħaqqu min jitfa’ taħt saqajh l-Iben ta’ Alla, u jqis id-demm tar-rabta, li bih tqaddes, bħala ħaġa mhix qaddisa, u joffendi lill-Ispirtu tal-grazzja?
- Għax aħna nafu lil dak li qal: Għalija l-vendetta; jien inħallas, qal il-Mulej. U raġa’: Il-Mulej jagħmel ħaqq mill-poplu tiegħu.
- Hi ħaġa tal-biża’ li wieħed jaqa’ f’idejn Alla l-ħaj.
- Imma ftakru fil-jiem ta’ dari, li fihom, wara li kontu mdawlin, sofrejtu taqbida kbira ta’ tbatijiet;
- Xi drabi, kontu magħmulin bħal wirja sewwa bit-tagħjir u kemm bit-tribulazzjonijiet; u xi drabi, mseħbin ma’ dawk li kienu fl-istess qagħda tagħkom.
- Għax intom kellkom ħniena minni meta kont marbut fil-ktajjen, u lqajtu bil-ferħa s-serq ta’ ġidkom, billi tafu fikom infuskom li għandkom ġid aħjar u li jibqa’.
- La tarmux mela l-fiduċja tagħkom, li għandha ħlas kbir.
- Għax intom taħtieġu li tissaportu, biex wara li tkunu għamiltu r-rieda ta’ Alla, taqilgħu l-wegħda.
- Għax ftit ieħor, ftit ħafna, u dak li għandu jiġi jasal, u ma jiddawwarx.
- Issa l-ġust igħix bil-fidi: imma jekk wieħed jarġa’ lura, ruħi ma titgħaxxaqx bih.
- Imma aħna m’aħniex minn dawk li jerġgħu lura għat-telfien; imma minn dawk li jemmnu fis-salvazzjoni tar-ruħ.
Lhud 11
- Issa l-fidi hi l-assigurazzjoni tal-ħwejjeġ li nittamaw fihom, il-konvinzjoni tal-ħwejjeġ li ma jidhrux.
- Għax biha kellhom xhieda tajba n-nies ta’ dari.
- Bil-fidi aħna nifhmu li ż-żminijiet saru bil-kelma ta’ Alla; għalhekk il-ħwejjeġ li jidhru ma sarux minn ħwejjeġ li ma jidhrux.
- Bil-fidi Abel offra lil Alla sagrifiċċju aħjar minn ta’ Kajjin; biha kiseb xhieda li kien raġel sewwa, billi xehidlu Alla għall-għotjiet tiegħu: u biha għalkemm mejjet għadu jitkellem.
- Bil-fidi Ħenok kien meħud biex ma jarax il-mewt; u ma nstabx, għax Alla ħadu; għax qabel ma kien meħud kellu din ix-xhieda, li għoġob lil Alla.
- U mingħajr fidi huwa impossibbli li togħġob lilu; għax min jersaq qrib lejn Alla jeħtieġ li jemmen li Alla hu, u li hu jagħti l-ħlas xieraq lil dawk li jfittxuh.
- Bil-fidi Noè, mgħarraf minn Alla fuq ħwejjeġ li kienu għadhom ma dehrux, imqanqal bil-biża’, lesta arka biex isalva lil daru, u li biha ikkundanna d-dinja, u sar werriet tal-ġustizzja li tiġi bil-fidi.
- Bil-fidi Abraham, meta kien imsejjaħ biex imur f’art li kien sa jieħu wara b’wirt, obda; u telaq, bla ma kien jaf fejn kien sejjer.
- Bil-fidi hu għammar fl-art tal-wegħda, bħala f’art barra-nija, jgħix fit-tined ma’ Iżakk u ma’ Ġakobb, werrieta miegħu tal-istess wegħda:
- Għax hu kien jistenna belt li għandha s-sisien, li l-bennej u l-imgħallem tagħha hu Alla.
- Bil-fidi wkoll Sara rċeviet qawwa li toħroġ tqila, u wildet tarbija meta kienet imdaħħla fiż-żmien, għax emmnet li min wiegħed iżomm kelmtu.
- Għalhekk minn wieħed waħdu, li kien diġa’ qisu mejjet, twieldu wlied daqs il-kwiekeb tas-sema fil-kotra, u bla għadd bħar-ramel li hemm ma’ xatt il-baħar.
- Dawn kollha mietu fil-fidi, bla ma qalgħu l-wegħdiet, iżda rawhom mill-bogħod, u emmnuhom, u sellmulhom, u stqarru li kienu barranin u stranġieri fuq l-art.
- Għax dawk li jgħidu ħwejjeġ bħal dawn juru bid-dieher li qegħdin ifittxu pajjiż għalihom.
- U tassew, kieku bagħqu jiftakru f’dak il-pajjiż li ħarġu minnu, kien ikollhom żmien biżżejjed li jerġgħu lura.
- Imma issa huma jixtiequ pajjiż aħjar, jiġifieri, dak tas-sema. Għalhekk Alla ma jistmellx jissejjaħ Alla tagħhom, għax hejja belt għalihom.
- Kienet il-fidi li ġiegħlet lil Abraham joffri ’l Iżakk meta Alla ġarrbu; u kien se joffri lil l-uniku mnissel sewwasew dak li kien ħa l-wegħdiet.
- Li fuqu ntqal: Minn Iżakk int ikollok nisel.
- Billi kien jaħseb li Alla kien jista’ jqajmu, imqar minn bejn l-imwiet; minn fejn ukoll raġa; ħadu, u dan kien bħala tixbiha.
- Bil-fidi bierek Iżakk lil Ġakobb u lil Għesaw għal dak ġej.
- Bil-fidi Ġakobb, hu u qiegħed imut, bierek ukoll lil kull wieħed minn ulied Ġużeppi; u ta qima, milwi fuq ras il-ħatar tiegħu.
- Bil-fidi Ġużeppi, hu u qiegħed imut, tkellem fuq it-tluq ta’ wlied Iżrael; u ta ordni fuq il-għadam tiegħu.
- Bil-fidi Mosè, meta twieled, kien moħbi għal tliet xhur mill-ġenituri tiegħu, għax raw li kien tarbija sabiħa; u ma beż-għux mill-ordni tas-sultan.
- Bil-fidi Mosè, meta kiber, ċaħad milli jissejjaħ bin bint Fargħun:
- Pjuttost għażel għalih innifsu li jkun ittrattat ħażin għall-poplu ta’ Alla, milli jgawdi għal żmien appuntat il-pjaċiri tad-dnub;
- U qies il-għajb ta’ Kristu bħala għana aqwa mit-teżori tal-Eġittu; għax hu kien iħares lejn il-ħlas.
- Bil-fidi ħalla l-Eġittu, bla ma baża’ mill-għadab tas-sultan: għax hu żamm sħiħ, daqs li kieku qiegħed jarah dak li ma jidhirx.
- Bil-fidi għamel il-għid, u t-traxxix tad-demm, biex il-qerried tal-ewwel imwielda ma jmissx lil dawk ta’ wlied Iżrael.
- Bil-fidi qasmu l-baħar l-Aħmar qishom fuq art niexfa: iżda meta l-Eġizzjani qabdu jagħmlu l-istess għerqu.
- Bil-fidi waqgħu l-ħitan ta’ Ġeriko, wara li kienu mdaw-rin għal sebat ijiem.
- Bil-fidi Raħab il-mara tad-dnub ma ntilfitx ma’ dawk li ma emmnux, meta laqgħet l-ispjuni bis-sliem.
- U xi ngħid iżjed? Għax żmien m’għandiex biex insem-mi fuq Gedgħod, u fuq Barak, u fuq Sansun, u fuq Ġefte, u fuq David ukoll, u Samwel, u l-profeti:
- Li bis-saħħa tal-fidi ħakmu saltniet, għamlu l-ġustizzja, qalgħu wegħdiet, saddew ħluq l-iljuni.
- Tfew il-qawwa tan-nar, ħelsu minn xifer ix-xabla, minn dgħajfin saru b’saħħithom, saru qalbenin fil-gwerra, u ħarbtu l-armati tal-barranin.
- Xi nisa ħadu l-mejtin tagħhom imqajmin mill-ġdid għall-ħajja: oħrajn qatluhom bid-daqqiet, u ma ridux il-ħelsien; biex jaqilgħu qawmien aħjar:
- U oħrajn kellhom it-tiġrib ta’ żebliħ kiefer u ta’ swat, iva, u tal-ktajjen ukoll, u tal-ħabs:
- Kienu mħaġġra, imħanxra min-nofs, imġarrba, maqtula bix-xabla: iġġerrew lebsin ġlud tan-ngħaġ u tal-mogħoż; fil-bżonn, imnikktin, maħqurin;
- Huma, li ma kinux jixirqu lid-dinja: iġġerrew fid-deżerti, u fuq il-muntanji, u fil-għerien, u fil-grotti tal-art.
- U dawn kollha, għad li qalgħu xhieda tajba bis-saħħa tal-fidi tagħhom, ma kisbux dak li kien imwiegħed,
- Billi Alla rafa’ xi ħaġa aħjar għalina, bil-ħsieb li huma ma jaslux għall-perfezzjoni mingħajrna.
Lhud 12
- Għalhekk mela aħna, billi qegħdin naraw ukoll kif aħna mdawrin bi sħaba hekk kbira ta’ xhud, ħa nwarrbu kull piż, u d-dnub li tant malajr ifixkilna, u ħa niġru bis-sabar il-ġirja li għandna quddiemna,
- Inżommu għajnejna merfugħa lejn Ġesù, il-mexxej l-awtur u l-perfezzjonatur tal-fidi tagħna, hu li, flok il-hena li kellu quddiemu, qagħad għas-salib bla xejn ma qies il-għajb tiegħu, u issa qiegħed fuq in-naħa tal-lemin tat-tron ta’ Alla.
- Aħsbu mela fih, li qagħad għal oppożizzjoni hekk kbira min-naħa tal-midinbin, biex ma tegħjewx jew taqtgħu qalbkom.
- S’issa fit-taqbida tagħkom kontra d-dnub għadkom ma rreżistejtux tal-punt li xxerrdu demmkom.
- U nsejtu intom it-twiddib li jindirizzakom bħala wlied? Ibni, la żżeblaħx id-dixxiplina tal-Mulej, u lanqas taqta’ qalbek meta tkun imċanfar minnu.
- Għax min il-Mulej iħobb jiddixxiplinah; u jċanfar severament lil kull iben li jilqa’.
- Jekk intom issofru d-dixxiplina, Alla jimxi magħkom bħala wliedu; għax liema hu l-iben li missieru ma jiddixxiplinahx?
- Imma jekk tkunu bla dixxiplina, li kulħadd għandu minnha, intom mela tkunu qieskom tfal ta’ ħaddieħor, u mhux ulied.
- Barra minn dan, aħna kellna wkoll missirijietna skont il-ġisem; kienu jiddixxiplinawna, u aħna konna nweġġhuhom. Mela kemm aktar għandna noqogħdu taħt il-Missier tal-ispirti, biex ikollna l-ħajja.
- Għax dawn tassew kienu jiddixxiplinawna għal ftit jiem skont kif kien jogħġobhom; imma hu għall-ġid tagħna, biex nixxierku fil-qdusija tiegħu.
- Issa l-ebda dixxiplina ma tidher dak il-ħin ħaġa ta’ ferħ, imma ta’ niket: madankollu wara trodd frott ta’ sliem u ta’ ġustizzja lil dawk li jkunu tħarrġu biha.
- Għalhekk erfgħu ’l fuq l-idejn merħija tagħkom, u l-irkupptejn debboli tagħkom;
- U agħmlu mogħdijiet dritti għal riġlejkom, biex iz-zopp ma jitwarrabx mit-triq; imma ħalluh pjuttost ifiq.
- Fittxu s-sliem ma’ kulħadd, u l-qdusija, li mingħajrha l-ebda bniedem ma jara l-Mulej:
- U iftħu għajnejkom li ħadd ma jibqa’ lura mill-grazzja ta’ Alla; u li l-ebda għerq ta’ mrar ma jarmi u jħabbatkom, u b’hekk jitniġġsu ħafna;
- Li ma jkun hemm ebda wieħed fornikatur, jew li jkasbar ħwejjeġ qaddisa, bħal Għesaw, li għal ikla waħda, biegħ id-dritt tiegħu bħala l-ewwel imwieled.
- Għax intom tafu kif wara, meta ried jiret il-barka, kien imwarrab; għax ma sabx lok għall-indiema, għalkemm fittixha tajjeb bid-dmugħ.
- Għax intom ma rsaqtux lejn muntanja li tista’ tmissha, u li tħeġġeġ bin-nar, lanqas lejn swied, u dlam, u rwiefen,
- U lejn daqq ta’ tromba, u leħen ta’ kliem; leħen li dawk li semgħuh talbu li ma jkellimhomx aktar:
- Għax ma felħux għal dak li kien ordnat: U mqar jekk bhima tmiss il-muntanja, tkun imħaġġra, jew minfuda bi vleġġa:
- U hekk tal-biża’ kienet id-dehra, li Mosè qal: Jien im-bażża’ wisq u mriegħed:
- Imma intom ersaqtu lejn il-muntanja ta’ Sijon, u lejn il-belt ta’ Alla l-ħaj, Ġerusalemm tas-sema, u lejn numru bla għadd ta’ anġli,
- Lejn il-ġemgħa tal-ulied il-kbar, li huma miktubin fis-smewwiet, u lejn Alla l-Imħallef ta’ kulħadd, u lejn l-ispirti tal-ġusti li saru perfetti,
- U lejn Ġesù l-medjatur ta’ rabta ġdida, u lejn id-demm tat-traxxix, li jgħid ħwejjeġ aħjar mid-demm ta’ Abel.
- Qisu li tisimgħu minn dak li jkellimkom. Għax jekk dawk li ma semgħux minn dak li kellimhom fuq l-art ma ħelsuhiex, aktar u aktar ma neħilsuhiex aħna, jekk indawru dahrna lejn dak li jitkellem mis-sema:
- U li leħnu darba heżżeż l-art: imma issa wiegħed, billi qal: Darb’oħra nheżżeż mhux biss l-art, imma s-sema wkoll.
- U dil-kelma, Darb’oħra, tfisser it-tneħħija ta’ dawk il-ħwejjeġ li jitheżżu, jiġifieri ta’ dawk li maħluqa, biex jibqgħu dawk li ma jistgħux jitheżżu.
- Għalhekk, ħalli nkunu grati talli rċevejna saltna li ma tistax tkun imheżża, u ħa noffru lil Alla qima aċċettabbli, b’riverenza u bil-biża’.
- Għax Alla tagħna hu nar li jeqred.
Lhud 13
- Ħa tibqa’ l-imħabba tal-aħwa.
- La tinsewx tilqgħu l-barranin: għax bla ma kienu jafu x’uħud minnkom laqgħu anġli.
- Ftakru f’dawk li huma l-ħabs, qiskom marbutin magħ-hom; u f’dawk li huma maħqurin qiskom intom stess magħhom fil-ġisem.
- Ħa jkun imweġġah iż-żwieġ f’kollox, u s-sodda taż-żwieġ ħa tkun bla tebgħa; iżda Alla jagħmel ġudizzju mill-fornikaturi u mill-adulteri.
- Qisu li ħajjitkom tkun bla regħba; u kunu kuntenti b’dak li għandkom: għax hu qal: Ma nħallik qatt, u lanqas nitilqek.
- Biex hekk ikollna l-ħila ngħidu: Il-Mulej l-għajnuna tiegħi, u ma nibżax x’jista’ jagħmilli bniedem.
- Ftakru fil-mexxejja tagħkom, li xandrulkom il-kelma ta’ Alla: ikkunsidraw ir-riżultat tal-mod tal-ħajja tagħhom, u imitaw il-fidi tagħhom.
- Ġesù Kristu l-bieraħ, u llum, hu l-istess, u għal dejjem.
- La tkunux imkaxkrin minn tagħlim differenti u stramb. Għax hi ħaġa sewwa li l-qalb titwettaq bil-grazzja; u mhux bl-ikel, li ma swielhomx lil dawk li nqdew bih.
- Aħna għandna Artal, li minnu ma għandhomx awtorità jieklu dawk li jservu fit-tinda.
- Għax l-iġsma ta’ dawk il-bhejjem, li demmhom jinġieb fis-santwarju mill-qassis il-kbir bħala sagrifiċċju għad-dnub, jinħarqu barra mill-kamp.
- Għalhekk Ġesù wkoll, biex iqaddes lill-poplu b’demmu stess, bata barra mill-bieb.
- Għalhekk ħa noħorġu lejh barra mill-kamp, u nerfgħu l-għajb tiegħu fuqna.
- Għax hawn ma għandniex belt li tibqa’, imma nfittxu l-oħra li għad trid tiġi.
- Permezz tiegħu mela, ħa noffru kontinwament sagrifiċċju ta’ tifħir lil Alla, jiġifieri, il-frott ta’ xofftejna li jiżżuħajr lil ismu.
- La titraskurawx milli tagħmlu l-ġid u taqsmu ma’ xulxin: għax b’sagrifiċċji bħal dawn jitgħaxxaq Alla.
- Obdu lill-mexxejja tagħkom, u oqogħdu taħthom; għax huma jgħassu għal ruħkom, billi jridu jagħtu kont tagħhom; biex jagħmlu dan bil-ferħ, u mhux bit-tnehid: għax dan ma jiswielkomx.
- Itolbu għalina: għax aħna nemmnu li għandna kuxjenza tajba, billi rridu ngħixu onestament f’kollox.
- Imma jien aktar u aktar nitlobkom biex tagħmlu dan, biex nerġa’ nkun magħkom mill-aktar fis.
- Issa Alla tal-paċi, li qajjem minn bejn l-imwiet lill-Mulej tagħna Ġesù, dak ir-ragħaj il-kbir tan-ngħaġ, bid-demm tar-rabta ta’ dejjem,
- Iwettaqkom b’kull għemil tajjeb biex tagħmlu r-rieda tiegħu; u jagħmel fikom dak li jogħġob lilu b’Ġesù Kristu; li lilu tingħata l-glorja għal dejjem ta’ dejjem. Amen.
- U nitlobkom, ħuti, ilqgħu tajjeb il-kelma ta’ inkoraġġiment: ktibtilkom ittra fi ftit kliem.
- Kunu afu li ħuna Timotju kien meħlus: jekk jiġi ma jdumx, niġi narakom miegħu.
- Sellu għall-mexxejja tagħkom kollha, u l-qaddisin kollha. Dawk li huma mill-Italja jsellu għalikom.
- Il-grazzja tkun magħkom ilkoll. Amen.