Ittra Lill-Galatin
L-ITTRA LILL-GALATIN
Dwar Din l-Ittra
Sa mill-bidu ta’ din l-ittra lill-knejjes fir-reġjun tal-Galazja, Pawlu jagħmel żewġ ħwejjeġ ċari lill-qarrejja tiegħu: li hu appostlu tassew, u li l-messaġġ tiegħu huwa l-uniku messaġġ tassew (1:1-10). Dawn l-istqarrijiet kienu importanti ħafna, għaliex xi nies kienu qegħdin igħidu li Pawlu kien appostlu falz b’messaġġ falz.
Iżda Pawlu tabilħaqq kien appostlu tassew, u l-missjoni tiegħu għall-Ġentili kienet mogħtija lilu mill-Mulej u approvata mill-appostli f’Ġerusalemm (1:18—2:10). Pawlu saħansitra ikkorieġa lil l-appostlu Pietru, meta hu waqaf jiekol ma’ segwaċi Ġentili li ma kinux qegħdin jobdu l-Liġi ta’ Mosè (2:1-8).
Id-data lil hija tradizzjonalment aċċettata tal-kitba ta’ din l-Ittra hija is-sena 50 W.K. fl-għeluq tat-Tielet Vjaġġ Missjunaru ta’ Pawlu, waqt li hu kien f’Efesu, jew fil-Maċedonja, jew f’Korintu, ftit qabel ma hu kiteb l-Ittra lir-Rumani.
Il-fidi hija l-mod biex wieħed isalva. Pawlu jinsisti li dan kien diġa’ tassew ma’ Abraham, li kien irċieva l-wegħda ta’ Alla bil-fidi. U Pawlu ma jħalli l-ebda dubju xi tfisser il-fidi tiegħu stess,
“20Jiena imsallab ma’ Kristu; madankollu jien ngħix; imma mhux jien, imma Kristu jgħix fija: u l-ħajja li issa ngħix fil-ġisem ngħixha bil-fidi tal-Iben ta’ Alla, li ħabbni, u ta lilu nnifsu għalija” (Galatin 2:19b-20).
Ħarsa Ħafifa Lejn Din l-Ittra
• Appostlu tassew u l-Messaġġ tassew (1:1-10)• Alla Għażel lil Pawlu Biex Ikun Appostlu (1:11-24)
• Pawlu Jiddefendi l-Messaġġ Tiegħu (2:1-21)
• Il-Fidi u mhux il-Liġi Ssalva (3:1—4:31)
• Iggwidati bl-Ispirtu u bl-Imħabba (5:1—6:10)
• L-Aħħar Twissijiet (6:11-18)
Galatin 1
- Pawlu, appostlu, mhux mill-bnedmin, lanqas permezz tal-bniedem, imma permezz ta’ Ġesù Kristu, u ta’ Alla l-Missier, li qajmu minn bejn l-imwiet;
- U l-aħwa kollha li huma miegħi, lill-knejjes ta’ Galazja:
- Grazzja lilkom, u sliem mingħand Alla Missierna, u l-Mulej Ġesù Kristu.
- Li ta lilu nnifsu għal dnubietna, biex jeħlisna minn dan iż-żmien ħażin ta’ llum, skont ir-rieda ta’ Alla u Missierna:
- Li lilu tingħata l-glorja għal dejjem ta’ dejjem Amen.
- Jiena nistagħġeb bikom kif daqshekk malajr tbegħidtu minn min sejħilkom fil-grazzja ta’ Kristu u dortu lejn evanġelju differenti,
- Mhux għax hemm xi evanġelju ieħor, imma hemm xi wħud li qegħdin iħawdukom u jridu jaqilbu l-evanġelju ta’ Kristu.
- Imma mqar jekk aħna stess jew anġlu mis-sema jħabb-rilkom evanġelju ieħor li mhuwiex dak li ħabbarnielkom aħna, ikun misħut!
- Bħalma ġa għednielkom, u ntenni ngħidilkom issa: jekk xi ħadd iħabbrilkom evanġelju ieħor għajr dak li ġa rċevejtu, ikun misħut!
- Qiegħed infittex issa l-approvazzjoni tal-bnedmin, jew ta’ Alla? Jew infittex li nogħġob lill-bnedmin? għax jekk għadni rrid nogħġob lill-bnedmin, miniex qaddej ta’ Kristu.
- Dan ngħarrafkom, ħuti: l-Evanġelju li ħabbartilkom jiena mhuwiex evanġelju tal-bnedmin.
- Għaliex jiena mhux mingħand bniedem irċevejtu jew tgħallimtu, imma permezz ta’ rivelazzjoni ta’ Ġesù Kristu.
- Għax intom smajtu x’kienet fl-imgħoddi l-imġiba tiegħi fir-reliġjon tal-Lhud, kif kont nippersegwita bla qjies il-knisja ta’ Alla, u nħarbatha:
- U kont imxejt ’il quddiem fir-reliġjon tal-Lhud aktar minn ħafna ta’ mpari fost ġensi, billi kont imħeġġeġ għall-aħħar għat-tradizzjonijiet ta’ missirijieti.
- Iżda meta għoġob ’l Alla, li firidni minn ġuf ommi, u sejjaħli bil-grazzja tiegħu.
- Biex igħarraf lil Ibnu fija, biex inxandru fost il-ġnus; minnufih la staqsejt lill-ġisem u lid-demm;
- U lanqas tlajt Ġerusalemm għand dawk li kienu appostli qabli; iżda mort l-Għarabja, u erġajt lura Damasku.
- Imbagħad wara tliet snin tlajt Ġerusalemm biex nara lil Pietru, u qgħadt miegħu ġimagħtejn.
- Iżda ma rajt lil ħadd aktar mill-appostli, barra minn Ġakbu ħu ’l Mulej.
- Issa l-ħwejjeġ li qiegħed niktbilkom, ara, quddiem Alla, miniex nigdeb.
- Wara li ġejt fl-inħawi tas-Sirja, u taċ-Ċiċilja;
- U ħadd ma kien jafni mill-wiċċ fil-knejjes tal-Lhudija li huma fi Kristu:
- Iżda kienu semgħu biss: Li dak li darba fl-imgħoddi kien jippersegwitana issa qiegħed ixandar il-fidi li darba kien iħarbat.
- U kienu jigglorifikaw lil Alla fija.
Galatin 2
- Imbagħad erbatax-il sena wara rġajt tlajt Ġerusalemm ma’ Barnaba, u ħadt ukoll miegħi lil Titu.
- U tlajt b’rivelazzjoni, u fissirtilhom l-evanġelju li nxandar fost il-Ġentili, imma privatament lil dawk li kienu l-aktar magħrufa, biex b’xi mod ma niġrix, jew inkun ġrejt, għal xejn.
- Imma lanqas Titu, li kien miegħi, għalkemm Grieg, ma kien imġiegħel ikun ċirkonċiż:
- U dan minħabba aħwa qarrieqa mdaħħlin minn taħt, li ndiehsu biex jitkixxfu l-libertà tagħna li għandna fi Kristu Ġesù, biex jitfgħuna fil-jasar:
- Li lilhom ma ċedejniex li noqogħdu għalihom, le, lan-qas għal ħin wieħed; biex il-verità tal-evanġelju tibqa’ ma-għkom.
- Iżda dawk li kienu jidhru li huma xi ħaġa, kienu x’kienu, ma jimpurtanix: Alla ma jħares lejn wiċċ ħadd: dawn, ngħid jien, li kienu jidhru li huma xi ħaġa, ma żiedu xejn għalija.
- Iżda għall-kuntrarju, meta raw li lili ngħata l-evanġelju għal dawk li ma kinux ċirkonċiżi, bħal ma ngħata lil Pietru l-evanġelju ta’ dawk li kienu ċirkonċiżi:
- Għax dak li ħadem b’Pietru għall-appostolat taċ-ċirkonċiżjoni, ħadem bija għall-Ġentili:
- U meta Ġakbu, Kefa, u Ġwanni, li kienu miżmumin bħala kolonni, għarfu l-grazzja li nagħtat lili, taw idhom il-leminija tas-sħubija, lili u lil Barnaba, ħalli aħna mmorru għand il-ġnus, u huma għand iċ-ċirkonċiżi.
- Biss huma riedu li aħna niftakru fil-foqra; ħaġa li wkoll kont nixtieq nagħmilha.
- Imma meta Pietru ġie Antijokja, żammejtlu f’wiċċu, għax kellu ħtija.
- Għax qabel ma ġew x’uħud minn għand Ġakbu, kiel mal-Ġentili: imma meta ġew twarrab u nfired, għax baża’ minn dawk taċ-ċirkonċiżjoni.
- U l-Lhud l-oħra kienu juru ħaġa b’oħra bħalu, li saħan-sitra wkoll Barnaba nġibed mill-wiri ta’ ħaġa b’oħra tagħhom.
- Iżda meta rajt li ma kinux jimxu dritt skont il-verità tal-evanġelju, għidt lil Pietru quddiemhom ilkoll: Jekk int, li int Lhudi, tgħix bħal ma jgħixu l-Ġentili, u mhux kif jagħmlu l-Lhud, għaliex iġġiegħel il-Ġentili jgħixu bħal ma jagħmlu l-Lhud?
- Aħna, li aħna Lhud mit-twelid, u mhux midinbin mill-Ġentili,
- Billi nafu li l-bniedem mhux iġġustifikat bl-opri tal-liġi, imma bil-fidi f’Ġesù Kristu, għalhekk aħna wkoll emminna f’Ġesù Kristu biex inkunu ġġustifikati bil-fidi fi Kristu, u mhux bl-opri tal-liġi: għax bl-opri tal-liġi ħadd ma jkun iġġustifikat.
- Iżda jekk, fil-waqt li nfittxu li nkunu ġġustifikati bi Kristu, aħna nfusna ninsabu wkoll midinbin, mela Kristu hu ministru tad-dnub? Ma jkun qatt!
- Għax jekk jien narġa’ nibni dawk il-ħwejjeġ li ġarraft, insir jien stess wieħed li jikser il-liġi.
- Għax jien permezz tal-liġi mitt għal-liġi, biex ngħix għal Alla.
- Jien imsallab ma’ Kristu; jien ngħix; imma mhux iżjed jien, imma Kristu jgħix fija: u l-ħajja li issa ngħix fil-ġisem ngħixha bil-fidi fl-Iben ta’ Alla, li ħabbni, u ta lilu nnifsu għalija.
- Ma nwarrabx il-grazzja ta’ Alla: għax jekk il-ħaqq jiġi mil-liġi, mela Kristu miet għal xejn.
Galatin 3
- Ja Galatin boloh, min saħħarkom, intom li quddiem għajnejkom Ġesù Kristu kien impinġi msallab?
- Dan biss irrid naf minn għandkom: Ħadtu l-Ispirtu bl-opri tal-liġi, jew għax smajtu l-fidi?
- Daqshekk intom boloh? Wara li bdejtu bl-Ispirtu, sirtu issa perfetti bil-ġisem?
- Batejtu dak kollu għal xejn? jekk tassew għadu għal xejn.
- Mela dak li jagħtikom l-Ispirtu, u jagħmel il-mirakli fostkom, jagħmel dan bl-opri tal-liġi, jew b’dak li smajtu fuq il-fidi?
- Bħalma Abraham emmen f’Alla, u dan kien magħdud lilu bħala ħaqq.
- Kunu afu mela, li dawk tal-fidi, dawk huma wlied Abraham.
- U l-Iskrittura, li rat minn qabel li Alla kellu jiġġustifika l-Ġentili permezz tal-fidi, ħabbret minn qabel lil Abraham: Fik jitbierku l-ġnus kollha.
- Hekk mela dawk li huma tal-fidi huma mberkin ma’ Abraham li emmen.
- Għax dawk kollha li jżommu ma’ l-opri tal-liġi huma taħt is-saħta: għax hu miktub: Misħut kull min ma jibqax iżomm sħiħ ma’ kull ħaġa miktuba fil-ktieb tal-liġi biex iħarisha.
- Imma li l-ebda bniedem ma hu ġġustifikat bil-liġi quddiem Alla, hu ċar; għax, il-ġust igħix bil-fidi.
- U l-liġi mhix tal-fidi: iżda, il-bniedem li jħarishom, igħix bihom.
- Kristu fdiena mis-saħta tal-liġi, billi sar saħta għalina: għax hu miktub: Misħut kull min ikun imdendel ma’ għuda.
- Biex il-barka t’Abraham tinżel fuq il-Ġentili f’Ġesù Kristu; biex aħna nieħdu permezz tal-fidi l-wegħda tal-Ispirtu.
- Ħuti, nitkellem bħala bniedem: Għalkemm testment ikun ta’ bniedem, ħadd ma jista’ jħassru, jew iżid miegħu, jekk ikun magħmul validu.
- Issa l-wegħdiet saru lil Abraham u lin-nisel tiegħu. L-Iskrittura ma tgħidx u lin-nislijiet, bħallikieku kienu ħafna, iżda bħallikieku wieħed: ‘lin-nisel tiegħek’, li hu Kristu.
- U jien ngħid dan: Li liġi, li ġiet erba’ mija u tletin sena wara, ma tistax tħassar patt, magħmul kif imiss minn Alla, b’mod li ġġib fix-xejn il-wegħda.
- Għax jekk il-wirt hu mil-liġi mhux iżjed mill-wegħda; imma bil-wegħda tah Alla lil Abraham.
- Għalfejn il-Liġi, mela? Kienet żieda li saret minħabba fid-dnub, sakemm ikun ġie n-nisel li għalih saret il-wegħda, li kienet imxandra mill-anġli permezz ta’ medjatur.
- Issa medjatur mhuwiex ta’ wieħed, iżda Alla hu wieħed.
- Il-liġi mela hi kontra l-wegħdiet ta’ Alla? Ma jkun qatt! għax kieku ngħatat ligi li tista’ tagħti l-ħajja, tassew li l-ġustizzja kienet tkun mil-liġi.
- Imma l-iskrittura għalqet kollox taħt id-dnub, biex il-wegħda, bil-fidi f’Ġesù Kristu, tkun tista’ tingħata lil dawk li jemmnu.
- Imma qabel ma ġiet il-fidi, aħna konna miżmumin taħt il-ħarsien tal-liġi, magħluqin għall-fidi li kellha tkun rivelata.
- Il-liġi, mela, kienet il-gwida tagħna sakemm Kristu ġie, biex inkunu ġġustifikati permezz tal-fidi.
- Issa li l-fidi ġiet, ma naħtiġux aktar min imexxina.
- Għax intom ilkoll ulied Alla permezz tal-fidi fi Kristu Ġesù.
- Għax intom ilkoll li tgħammidtu fi Kristu lbistu ’l Kristu.
- Issa ma hemmx iżjed Lhudi u anqas Grieg, ma hemmx ilsir u anqas ħieles, ma hemmx raġel u anqas mara; għax intom ilkoll ħaġa waħda fi Kristu Ġesù.
- Imma jekk intom ta’ Kristu, intom ukoll nisel Abraham, werrieta skont il-wegħda.
Galatin 4
- Issa jien ngħid: Li l-werriet, kemm idum tifel, ma jkun differenti xejn mill-qaddej, għalkemm hu sid ta’ kollox;
- Imma hu taħt it-tuturi u l-prokuraturi saż-żmien magħ-żul mill-missier.
- Hekk aħna wkoll, meta konna għadna tfal, konna mjas-srin taħt l-elementi tad-dinja:
- Iżda meta waslet il-milja taż-żmien, Alla bagħat lil Ibnu, li sar minn mara, imwieled taħt il-liġi,
- Biex jifdi lil dawk li kienu taħt il-liġi, u biex insiru wlied adottivi.
- U billi intom ulied, Alla bagħat l-Ispirtu ta’ Ibnu f’qalb-kom, tgħajtu: Abba, Missier.
- Għalhekk m’għadikx aktar qaddej, imma iben: u jekk iben, werriet ukoll ta’ Alla permezz ta’ Kristu.
- Imma dak iż-żmien, meta ma kontux tafu lil Alla, kontu taqdu lil dak li min-natura m’humiex allat.
- Imma issa, wara li għaraftu lil Alla, jew pjuttost magħ-rufin minn Alla, kif terġgħu dduru lejn dawk l-elementi bla saħ-ħa u bla siwi, li taħthom tixtiequ terġgħu tkunu fil-jasar?
- Intom tħarsu jiem, u xhur, u staġuni, u snin.
- Nibża’ minħabba fikom, li tħabatt fostkom għal xejn.
- Ħuti, nitlobkom bil-ħniena, kunu bħali, għax jien bħal-kom; intom ma għamiltuli l-ebda deni.
- Tafu li minħabba marda tal-ġisem xandartilkom l-ewwel darba l-evanġelju.
- U intom ma maqdartux, u lanqas stmerrejtu t-tiġrib tiegħi li kien f’ġismi; imma lqajtuni bħala anġlu ta’ Alla, bħala Kristu Ġesù.
- Fejn hu mela l-ferħ tagħkom? Jien xhud, li, kieku kien jista’ jkun, kontu taqilgħu għajnejkom stess, u tagħtuhomli.
- Mela sirt għadu tagħkom għax qiegħed ngħidilkom il-verità?
- Huma żelużi għalikom, iżda mhux onestament; iridu jifirdukom minna, biex titħeġġu għalihom.
- Iżda tajjeb li titħeġġu dejjem għall-ġid, u mhux biss meta nkunu magħkom.
- Uliedi ċkejknin, li għalikom inħoss mill-ġdid l-uġigħ tal-ħlas sakemm Kristu jissawwar fikom,
- Nixtieq inkun magħkom bħalissa, u nbiddel leħni; għax jien inħossni mħawwad bikom.
- Għiduli, intom li tixtiequ toqogħdu taħt il-liġi, ma tisim-għux mil-liġi?
- Għax hu miktub, li Abraham kellu żewġ ulied, wieħed mill-qaddejja, u l-ieħor mill-ħielsa.
- Imma dak li kien bin il-qaddejja twieled skont il-ġisem; u bin il-ħielsa skont il-wegħda.
- U dawn il-ħwejjeġ huma tixbiha: Għax dawn huma żewġ rabtiet; waħda mill-muntanja Sinaj, li tiled għall-jasar, u din hi Ħagar.
- Għax din Ħagar hi l-muntanja Sinaj fl-Għarabja u taqbel ma’ Ġerusalemm ta’ llum, u hi mjassra ma’ wliedha.
- Imma Ġerusalemm ta’ fuq hi ħielsa, u hi ommna lkoll.
- Għax hu miktub: Ifraħ, ja ħawlija li ma tilidx; infexx għajjat, int li ma tħossx l-uġigħ tal-ħlas: għax il-mara mitluqa, kellha wisq aktar ulied minn dik li għandha żewġha.
- Issa ħuti, aħna wlied il-wegħda, bħal ma kien Iżakk.
- Imma bħalma dak iż-żmien dak li kien imwieled skont il-ġisem ippersegwita ’l dak li kien imwieled skont l-Ispirtu, hekk hu issa wkoll.
- Iżda xi tgħid l-iskrittura? Keċċi ’l barra l-ilsira u ’l binha: għax bin l-ilsira ma jiritx ma’ bin il-ħielsa.
- Għalhekk, ħuti, m’aħniex ulied l-ilsira, iżda wlied il-ħielsa.
Galatin 5
- Għall-ħelsien Kristu għamilna ħielsa, Żommu sħiħ, mela, u terġgħux tinqabdu fil-madmad tal-jasar.
- Ara, jiena Pawlu ngħidilkom, li jekk tkunu ċirkonċiżi, Kristu ma jiswielkom xejn.
- Għax nixhed mill-ġdid lil kull raġel li jagħmel iċ-ċir-konċiżjoni, li hu obligat biex iħares il-liġi kollha.
- Lilkom, li intom iġġustifikati bil-liġi, intom maqtugħa minn Kristu, intom waqajtu mill-grazzja.
- Għax aħna fl-Ispirtu, bil-fidi nistennew it-tama tal-ġustizzja.
- Għax fi Kristu Ġesù la ċ-ċirkonċiżjoni ma tgħodd xejn, u lanqas in-nuqqas ta’ ċirkonċiżjoni; imma l-fidi li taħdem bl-imħabba.
- Ġrejtu tajjeb: min fixkilkom biex ma tobdux il-verità?
- Din il-fehma mhix ġejja minn dak li jsejħilkom.]
- Ftit ħmira ttalla’ l-għaġna kollha.
- Għandi tama qawwija fikom fil-Mulej, li ma taħsbuhiex xort’oħra; imma min qiegħed iħawwadkom, hu min hu, jarfa’ l-kundanna tiegħu.
- Imma jien, ħuti, jekk għadni nxandar iċ-ċirkonċiżjoni, għaliex għadni ppersegwitat? Mela ma għadux jiswa l-iskandlu tas-salib?
- Li kieku jqattgħu ġisimhom dawk li jħawdukom!
- Għax intom, kontu msejħin għall-ħelsien, ħuti, biss la tużawx dan il-ħelsien bħala okkażjoni għall-ġisem, iżda bl-imħabba aqdu lil xulxin.
- Għax il-liġi kollha hi miġbura f’kelma waħda, li hi din: Ħobb lil għajrek bħalek innifsek.
- Imma jekk tigdmu u tibilgħu lil xulxin, araw li ma tin-temmux minn xulxin.
- Dan mela ngħid jien: Imxu fl-Ispirtu, u intom ma twett-qux ix-xewqat ħżiena tal-ġisem.
- Għax il-ġisem għandu xewqat kontra l-Ispirtu, u l-Ispirtu kontra l-ġisem; u dawn huma kontra xulxin: biex hekk ma tkunux tistgħu tagħmlu li tridu.
- Imma jekk tkunu mmexxijin mill-Ispirtu, mintomx taħt il-liġi.
- Issa l-opri tal-ġisem, li huma magħrufin, huma dawn: fornikazzjoni, faħx, kondotta laxka,
- L-idolatrija, is-seħer, il-mibegħda, il-ġlied, il-ġelosija, il-korla, l-ambizzjoni, il-firda, l-ereżija,
- L-għira, is-sokor, immoralità sesswali, u ħwejjeġ bħal dawn: u ngħidilkom minn qabel, bħal ma għidtilkom ukoll fl-imgħoddi, li dawk li jagħmlu ħwejjeġ bħal dawn ma jirtux is-saltna ta’ Alla.
- Iżda l-frott tal-Ispirtu huma l-imħabba, il-ferħ, is-sliem, is-sabar fit-tul, il-ħniena, it-tjieba, il-fidi,
- Il-ħlewwa, ir-rażna: kontra dawn m’hemmx liġi.
- U dawk li huma ta’ Kristu sallbu ’l ġisem bil-ġibdiet u x-xewqat ħżiena tiegħu.
- Jekk ngħixu fl-Ispirtu, ħa nimxu wkoll fl-Ispirtu.
- Ħa ma nixtiqux ftaħir fieragħ, billi ninbxu lil xulxin, u ngħiru għal xulxin.”
Galatin 6
- Ħuti, jekk xi ħadd jinqabad f’xi ħtija, intom l-ispiritwali erġgħu saħħuh b’ispirtu ta’ ħlewwa; u ħares lilek innifsek, li ma tkunx imġarrab int ukoll.
- Erfgħu t-tagħbijiet ta’ xulxin, u hekk twettqu l-liġi ta’ Kristu.
- Għax jekk wieħed jaħseb li hu nnifsu xi ħaġa, meta mhux xejn, iqarraq bih innifsu.
- Imma ħa jgħarbel kull wieħed għemilu stess, imbagħad ikollu biex jiftaħar bih innifsu biss, u mhux b’ħadd ieħor.
- Għax kull wieħed għandu jarfa’ t-tagħbija tiegħu.
- U min qiegħed jiġi mgħallem fil-kelma ħa jaqsam ma’ min igħallem il-ħwejjeġ tajbin kollha.
- Titqarrqux; Alla ma jidħak bih ħadd. Dak li bniedem jiżra’, dak hu jaħsad.
- Għax min jiżra’ għal ġismu minn ġismu jaħsad it-taħsir; iżda min jiżra’ għall-Ispirtu, mill-Ispirtu jaħsad il-ħajja ta’ dejjem.
- U ħa ma ngħajjewx nagħmlu t-tajjeb: jekk ma nintelqux, naħsdu meta l-ħsad jasal f’waqtu.
- Mela dment li għandna ż-żmien ħa nagħmlu l-ġid ma’ kulħadd, l-iktar ma’ qrabatna fil-fidi.
- Taraw b’liema ittri kbar qiegħed niktbilkom b’idi.
- Dawk kollha li jixtiequ jingħoġbu fil-ġisem, iġegħlu-kom tkunu ċirkonċiżi; biss biex ma jkunux ippersegwitati għas-salib ta’ Kristu.
- Għax lanqas dawk stess li huma ċirkonċiżi ma jħarsu l-liġi: iżda jixtiequ li tkunu ċirkonċiżi, biex jiftaħru b’ġisimkom.
- Imma Alla ma jridx li jien niftaħar, ħlief bis-salib tal-Mulej tagħna Ġesù Kristu, li bih id-dinja hi msallba għalija, u jien għad-dinja.
- Għaliex, biċ-ċirkonċiżjoni jew mingħajrha, xejn ma hemm ta’ siwi, ħlief il-ħolqien ġdid.
- U dawk kollha li jimxu fuq din ir-regola, is-sliem u l-ħniena, u wkoll fuq Iżrael ta’ Alla.
- Għal li ġej ħa ma jdejjaqni ħadd: għax jien għandi f’ġismi l-marki ta’ Ġesù.
- Ħuti, il-grazzja tal-Mulej tagħna Ġesù Kristu tkun ma’ l-ispirtu tagħkom. Amen.