IT-TIENI ITTRA TA’ ĠWANNI

Dwar Din l-Ittra

 Il-Kittieb ta’ din l-ittra wkoll mhwiex imsemmi direttament. Jintqal mill-jiem l-aktar bikrin tal-knisja li l-awtur kien Ġwanni l-Appostlu. Ix-xhieda kollha turi lejn l-awtur bħala Ġwanni d-dixxiplu l-maħbub li wkoll kiteb l-Evanġelju ta’ Ġwanni.
 Din l-ittra wisq probabbli kienet miktuba f’xi żmien bħall-ittri l-oħra ta’ Ġwanni, 1 u 3 Ġwanni, probabbilment bejn is-sena 85 u s-sena 95 W.K.
 L-iskop ta’ din l-ittra huwa talba urġenti li l-qarrejja ta’ din l-ittra għandhom juru l-imħabba tagħhom lejn Alla u Ibnu Ġesù billi jobdu l-kmandament biex iħobbu lil xulxin u jgħixu ħajjithom f’ubbidjenza għall-Iskrittura. Din l-ittra hija wkoll twissija qawwija biex wieħed ikun attent kontinwament għal qarrieqa li kienu qegħdin igħidu li Kristu mhux tassew qam fil-ġisem.
7Għax dehru fid-dinja ħafna nies qarrieqa, li ma jistqarrux li Ġesù Kristu ġie fil-ġisem: Dan hu qarrieq u antikrist” (7).

Ħarsa Ħafifa Lejn Din l-Ittra

  • Tislijiet u Talba (1-3)
  • Il-Verità u l-Imħabba (4-11)
  • L-Aħħar Tislijiet (12, 13)

2 Ġwanni

  1. L-anzjan lis-sinjura maħtura u lil uliedha, li jien inħobb fil-verità; u mhux jien waħdi, imma dawk kollha li għarfu l-verità;
  2. Minħabba l-verità, li tgħammar fina, u tibqa’ magħna għal dejjem.
  3. Magħkom tkun il-grazzja, il-ħniena, u s-sliem, mingħand Alla l-Missier, u mingħand Ġesù Kristu, Bin il-Missier, fil-verità u l-imħabba.
  4. Fraħt ħafna meta sibt x’uħud minn uliedek jimxu fil-verità, skont il-kmandament li ħadna mingħand il-Missier.
  5. U issa nitolbok sinjura, mhux qisni ktibtlek kmanda-ment ġdid, imma dak li kellna mill-bidu, li aħna nħobbu lil xulxin.
  6. Din hi l-imħabba: li nimxu skont il-kmandamenti tiegħu. U dan il-kmandament, kif smajtu sa mill-bidu, huwa li timxu fl-imħabba.
  7. Għax dehru fid-dinja ħafna nies qarrieqa, li ma jistqarrux li Ġesù Kristu ġie fil-ġisem: Dan hu qarrieq u antikrist.
  8. Ħarsu ruħkom, li ma titilfux dak li aħna ħdimna, imma li tieħdu ħlas sħiħ.
  9. Min imur aktar ’il quddiem u ma jibqax fit-tagħlim ta’ Kristu, m’għandux lil Alla fih. Min jibqa’ fit-tagħlim, għandu t-tnejn, il-Missier u l-Iben fih.
  10. Jekk jiġikom xi ħadd u ma jġibilkomx dan it-tagħlim, la tilqgħuhx għandkom u la ssellmulux,
  11. Għax min isellimlu jkun qiegħed jissieħeb miegħu fl-opri ħżiena tiegħu.
  12. Billi għandi ħafna x’niktbilkom, ma ridtx nagħmlu bil-karta u linka; imma nittama li niġi għandkom u nkellimkom wiċċ imb’wiċċ, biex il-ferħ tagħna jkun sħiħ.
  13. Ulied oħtok, il-maħtura, isellu għalik. Amen.