L-ITTRA LILL-FILIPPIN

Dwar Din l-Ittra

 Pawlu kiteb din l-ittra mill-ħabs (1:7) biex jirringrazzja lill-Kristjani f’Filippi talli għenuh bir-rigali u bit-talb tagħhom (1:5; 4:10-19).
 Il-belt ta’ Filippi hija parti mit-tramuntana tal-Greċja magħrufa bħala l-Maċedonja. Pawlu kien fil-ħabs f’Ruma, fis-snin 61-63 W.K. Għalkemm id-data eżatta mhix magħrufa, xi skulari jpoġġu d-data fis-sena 63 W.K.
 Kien hemm xi problemi fil-knisja f’Filippi, għaliex xi wħud mill-membri sostnew lin-nies għandhom jobdu l-liġi ta’ Mosè, jew inkella huma ma jkunux salvati. Imma Pawlu jwissi lill-knisja dwarhom billi jgħid, “Ħarsu għal dawk in-nies li jġibu ruħhom bħall-klieb!” (3:2-11). Din l-ittra hija wkoll mimlija bil-ferħ. Ukoll għalkemm kien fil-ħabs, Pawlu ferħan għaliex hu sab kif jagħmel l-aħjar minn sitwazzjoni ħażina u għaliex hu jiftakar fil-ħniena kollha murija lilu min-nies fil-knisja f’Filippi.
 Pawlu jfakkarhom illi n-nies ta’ Alla għandhom igħixu fl-armonija (2:2; 4:2-3) u biex jaħsbu bl-istess mod li ħaseb bih Kristu:
5Ħa jkollkom fikom dan il-ħsieb, li kien fi Kristu Ġesù. 6Li, għalkemm kien f’sura ta’ Alla, ma qishiex bħala ħaġa misruqa li jkun daqs Alla: 7Iżda xejjen lilu nnifsu, u ħa fuqu s-sura ta’ qaddej, u kien magħmul fix-xbieha tal-bnedmin” (2:5-7).

Ħarsa Ħafifa Lejn Din l-Ittra

  • Tislijiet u Talba (1:1-11)
  • Xi Tfisser il-Ħajja Għal Pawlu (1:12-30)
  • L-Eżempju Ta’ Kristu Dwar il-Vera Umiltà (2:1-18)
  • Aħbarijiet Dwar il-Ħbieb ta’ Pawlu (2:19-30)
  • Tkun Aċċettabbli għal Alla (3:1—4:9)
  • Pawlu Jirringrazzja lill-Filippin (4:10-20)
  • L-Aħħar Tislijiet (4:21-23)

Filippin 1

  1. Pawlu u Timotju, il-qaddejja ta’ Ġesù Kristu, lill-qaddisin kollha fi Kristu Ġesù li hemm Filippi, ma’ l-isqfijiet u l-qaddejja.
  2. Grazzja lilkom, u paċi, mingħand Alla Missierna u l-Mulej Ġesù Kristu.
  3. Niżżi ħajr lil Alla tiegħi kull meta niftakar fikom,
  4. Dejjem f’kull talba tiegħi għalikom ilkoll nitlob bil-ferħ.
  5. Għas-sħubija tagħkom fl-evanġelju mill-ewwel jum s’issa;
  6. Billi għandi qalbi qawwija f’din l-istess ħaġa, li dak li beda fikom xogħol tajjeb itemmu sal-jum ta’ Ġesù Kristu:
  7. Kif jixraq ukoll li jien naħseb dan fikom ilkoll, għax jien inżommkom f’qalbi; intom ilkoll li kontu mseħbin miegħi fil-grazzja tiegħi, sew fil-ktajjen tiegħi, u kemm fid-difiża u t-twettiq tal-evanġelju.
  8. Għax Alla hu x-xhud tiegħi, kemm nixtieqkom ilkoll fil-ħniena ħelwa ta’ Ġesù Kristu.
  9. U jien dan nitlob: li l-imħabba tagħkom tikber u toktor dejjem iżjed bil-għerf u b’kull dehen,
  10. Biex b’hekk tagħrfu tagħżlu l-aħjar, u mbagħad tkunu safja u bla ebda ħtija fil-Jum ta’ Kristu,
  11. Mimlijin bil-frott tal-ġustizzja li ġejja minn Kristu għall-glorja u l-foħrija ta’ Alla.
  12. Imma rridkom li tkunu tafu ħuti, li dawk il-ħwejjeġ, li ġrawli swew pjuttost biex inġieb ’il quddiem l-evanġelju.
  13. Għax il-ktajjen tiegħi fi Kristu huma magħrufin fil-pretorju kollu, u fl-imkejjen l-oħra kollha.
  14. U ħafna mill-aħwa fil-Mulej, li qawwew qalbhom bil-ktajjen tiegħi, għandhom ħila aktar biex ixandru l-kelma bla biża’.
  15. X’uħud tassew ixandru wkoll lil Kristu b’għira u bi ġlied; u oħrajn ukoll b’rieda tajba:
  16. Tal-aħħar jagħmluh bl-imħabba billi jafu li jien appuntat biex niddefendi l-evanġelju.
  17. Iżda l-oħrajn ixandru lil Kristu minħabba r-rivalità, mhux sinċerament, billi jaħsbu li sa jżidu diqa mal-ktajjen tiegħi:
  18. B’daqshekk x’ġara? B’kull mod, sew bi skuża, u kemm bil-verità, Kristu jixxandar; u b’dan jien nifraħ, iva, u nibqa’ nifraħ.
  19. Għax naf li dan jiswieli għas-salvazzjoni tiegħi permezz tat-talb tagħkom, u tal-għajnuna tal-Ispirtu ta’ Ġesù Kristu.
  20. Skont il-mistennija mħeġġa u t-tama tiegħi, li ma jkolli xejn imniex nistħi, imma li bil-qlubija kollha, bħal dejjem, hekk ukoll issa Kristu jitfaħħar f’ġismi, sew fil-ħajja, u kemm fil-mewt.
  21. Għax għalija l-ħajja hi Kristu, u l-mewt, hi rebħ.
  22. Jekk għandi nibqa’ ħaj fil-ġisem, dan ifisser li għandi nagħti l-frott tax-xogħol tiegħi.
  23. X’naqbad nagħmel ma nafx; ninsab bejn ħaltejn. Min-naħa l-waħda, nixtieq nitlaq u nkun ma’ Kristu, li jkun ħafna aħjar għalija,
  24. Madankollu li nibqa’ ngħix fil-ġisem, hu aktar meħtieġ għalikom.
  25. U billi għandi din il-fidi qawwija, naf li nibqa’ u ndum magħkom ilkoll għall-aħjar tagħkom, u għall-ferħ tal-fidi tagħkom.
  26. Biex il-ferħ tagħkom joktor iżjed f’Ġesù Kristu għalija billi narġa’ niġi għandkom.
  27. Biss ġibu ruħkom kif jixraq lill-evanġelju ta’ Kristu: biex sew jekk niġi u narakom, u kemm jekk ma niġix, nisma’ fuq dak li għandu x’jaqsam magħkom, li intom iżżommu sħiħ fi spirtu wieħed, u b’qalb waħda titqabdu flimkien għall-fidi tal-evanġelju.
  28. U la tibżgħu f’xejn mill-avversarji tagħkom: dan ikun għalihom turija bid-dieher ta’ telfien, iżda għalikom ta’ salvazzjoni, u dan mingħand Alla.
  29. Għax lilkom kien mogħti għal Kristu, mhux biss li tem-mnu fih, imma wkoll li tbatu għalih;
  30. Billi jkollkom l-istess taqbida li rajtu fija, u li issa tisimgħu li qiegħda fija.

Filippin 2

  1. Jekk hemm fikom xi faraġ fi Kristu; jekk hemm xi kelma ta’ ħlewwa fl-imħabba; jekk hemm xi xirka fl-Ispirtu; jekk hemm xi ħniena u mogħdrija;
  2. Temmu l-ferħ tiegħi, billi tibqgħu taqblu ma’ xulxin, b’imħabba waħda, fehma waħda, ħsieb wieħed.
  3. Ħa ma jsir xejn bi glied u ftaħir fieragħ; iżda bl-umiltà; ħalli kull wieħed iżomm lill-oħrajn aħjar minnu.
  4. La tfittxux kull wieħed dak li jaqblilkom, imma kull wieħed dak li jaqbel lill-oħrajn.
  5. Ħa jkollkom fikom dan il-ħsieb, li kien fi Kristu Ġesù.
  6. Li, għalkemm eżista f’sura ta’ Alla, ma qishiex bħala ħaġa misruqa li jkun ugwali ma’ Alla:
  7. Iżda xejjen lilu nnifsu, u ħa fuqu s-sura ta’ qaddej, u kien magħmul fix-xbieha tal-bnedmin:
  8. U wara li minn barra nstab bħala bniedem, umilja lilu nnifsu, u sar ubbidjenti sal-mewt, u sal-mewt tas-salib.
  9. Għalhekk Alla għollieh wisq, u tah isem li hu fuq kull isem:
  10. Biex għall-isem ta’ Ġesù tiltewa kull irkobba, ta’ ħlejjaq fis-sema, u ta’ ħlejjaq fuq l-art, u ta’ ħlejjaq taħt l-art;
  11. U li kull ilsien jistqarr li Ġesù Kristu hu l-Mulej, għall-glorja ta’ Alla l-Missier.
  12. Għalhekk, maħbubin tiegħi, bħalma obdejtu dejjem, mhux biss bħal fil-preżenza tiegħi, iżda wisq aktar issa li min-iex hemm, aħdmu s-salvazzjoni tagħkom bil-biża’ u t-tregħid.
  13. Għax hu Alla li jaħdem fikom sew għar-rieda u kemm għal l-għemil skont kif jogħġob lilu.
  14. Agħmlu kollox mingħajr dgergir u tlaqliq:
  15. Sabiex tkunu bla ħtija u bla għajb, ulied Alla, bla tebgħa, f’nofs ġenerazzjoni qarrieqa u mħassra, li fiha intom tiddu bħal dwal fid-dinja.
  16. Billi żżommu l-kelma tal-ħajja; biex nifraħ fil-jum ta’ Kristu, li jien ma ġrejtx għal xejn, u lanqas tħabatt għal xejn.
  17. Iva, imqar kieku jien kelli nxerred demmi fuq il-vittmi u s-sagrifiċċju tal-fidi tagħkom, nifraħ, u nifraħ magħkom ilkoll.
  18. Għall-istess ħaġa kunu wkoll intom ferħanin, u ifirħu miegħi.
  19. Imma jien ittama fil-Mulej Ġesù li nibagħtilkom ma ndumx lil Timotju, biex jien ukoll inkun imfarraġ sewwa, meta nisma’ b’dak li tinsabu fih.
  20. Għax m’għandi lil ħadd li jaħsibha bħalu, li sinċerament jieħu ħsieb ta’ dak li tinsabu fih.
  21. Għax kollha jfittxu dak li jaqblilhom, u mhux dawk il-ħwejjeġ li huma ta’ Ġesù Kristu.
  22. Imma intom tafu l-prova tiegħu, li, bħala iben ma’ mis-sieru, ħadem miegħi fl-evanġelju.
  23. Lilu mela nittama li nibgħat issa, malli nara x’sa jsir minni.
  24. Imma jien nittama fil-Mulej li niġi malajr ukoll jien stess.
  25. Madankollu jien ħsibt li hu meħtieġ li nibagħtilkom lil Epafroditu, ħija, u sieħbi fix-xogħol, u suldat sieħbi, u l-messaġġier u l-ministru tagħkom, għall-ħtiġijiet tiegħi.
  26. Għax hu mxennaq għalikom ilkoll, u kien wisq qalbu sewda, għaliex smajtu li kien marid.
  27. Għax hu tassew kien marid u kien wasal biex imut: im-ma Alla ħenn għalih; u mhux għalih biss, imma għalija wkoll, biex ma jkollix għali fuq għali.
  28. Għalhekk bgħatthulkom iżjed bil-ħeġġa, biex, meta terġgħu tarawh, tifirħu, u jien inkun anqas qalbi sewda.
  29. Ilqgħuh mela fil-Mulej bil-ferħ kollu; u nies bħalu wruhom rispett.
  30. Għax minħabba x-xogħol ta’ Kristu kien wasal biex imut, billi ma ħasibx f’ħajtu, biex jagħmel tajjeb għan-nuqqas ta’ qadi tagħkom għalija.

Filippin 3

  1. Fl-aħħarnett, ħuti, ifirħu fil-Mulej. Li niktbilkom l-istess ħwejjeġ, lili tassew ma jdejjaqnix, imma lilkom jiswielkom.
  2. Ħarsu ruħkom mill-klieb, ħarsu ruħkom mill-ħaddiema ħżiena, ħarsu ruħkom mit-taqtigħ.
  3. Għax dawk li tassew għandhom iċ-ċirkonċiżjoni huma aħna, aħna li nqimu lil Alla fl-Ispirtu u niftaħru fi Kristu Ġesù; aħna li ma nqegħdux il-fiduċja tagħna fil-ġisem.
  4. Għalkemm jien nista’ wkoll ikolli fiduċja qawwija fil-ġisem. Jekk hemm xi ħadd ieħor li jidhirlu li għandu għalfejn jafda fil-ġisem, jien aktar:
  5. Ċirkonċiż wara tmint ijiem, minn ġens Iżrael, mit-tribù ta’ Benjamin, Lhudi bin Lhudi; Fariżew, għal dik li hi liġi:
  6. Skont iż-żelu, ippersegwitajt il-knisja; skont il-ġustizzja fil-liġi, jien bla ħtija.
  7. Imma dawk il-ħwejjeġ li kienu ta’ qliegħ għalija, għad-dejthom bħala telf minħabba Kristu.
  8. Iva, bla dubju, jien inżomm kollox bħala telf ħdejn il-privileġġ kbir li nagħaraf lil Kristu Ġesù Sidi: li għalih sofrejt it-telfa ta’ kull ħaġa, li jien inqis bħala skart biex nirbaħ lil Kristu,
  9. U biex ninsab fih, mhux bil-ġustizzja tiegħi, li tiġi mill-liġi, iżda bil-ġustizzja li tiġi permezz tal-fidi fi Kristu: il-ġustizzja li tiġi minn Alla bil-fidi:
  10. Biex nagħraf lilu, u s-setgħa tal-qawmien tiegħu, u naqsam miegħu t-tbatijiet tiegħu, u nsir nixbħu fil-mewt:
  11. Jekk b’xi mod jiena nikseb il-qawmien minn bejn l-imwiet.
  12. Mhux għax jiena ġa ksibtu, jew li jien ġa perfett. Imma rross ’il quddiem biex naħtfu, bħalma Kristu Ġesù ġa ħataf lili.
  13. Ħuti, ma jidhirlix li dan ġa lħaqtu; imma ħaġa waħda ngħid: waqt li ninsa ’l ta’ warajja kollu, jiena nagħmel ħilti kollha biex nilħaq dak li hemm quddiemi;
  14. Nistinka lejn il-għan, biex nikseb il-premju li għalih Alla qed isejħilna hemm fuq fi Kristu, Ġesù.
  15. Ħalli mela aħna, li aħna maturi, ikollna dal-ħsieb: u jekk taħsbu xort’oħra f’xi ħaġa, Alla jgħarraf din ukoll lilkom.
  16. Madankollu, ħa nimxu bl-istess qjies u nħossu l-istess ħaġa, f’dak li diġa’ wasalna.
  17. Ħuti, imitaw lili lkoll flimkien, u ħarsu lejn dawk li jġibu ruħhom bħall-eżempju li intom għandkom fina.
  18. Għax hawn ħafna jġibu ruħhom, bħal ma għidtilkom fuqhom bosta drabi, u issa mbikki ngħidilkom ukoll, bħala għedewwa tas-salib ta’ Kristu:
  19. Li tmiemhom hu t-telfien, li żaqqhom hi alla tagħhom, u li l-glorja tagħhom hi fil-għajb tagħhom, u li moħhom fil-ħwejjeġ tal-art.
  20. Għax iċ-ċittadinanza tagħna hi fis-sema; minn hemm ukoll aħna nistennew Salvatur, il-Mulej Ġesù Kristu:
  21. Li jbiddel il-ġisem tal-umiljazzjoni tagħna, biex ikun jixbaħ il-ġisem tal-glorja tiegħu, skont il-qawwa li biha jista’ wkoll jissuġġetta kollox għalih innifsu.

Filippin 4

  1. Għalhekk, ħuti, maħbubin u li tant nixtieq nara, hena u kuruna tiegħi, żommu sħiħ fil-Mulej, maħbubin tiegħi.
  2. Nitlob lil Evodja, u nitlob lil Sintike, li jkunu tal-istess fehma fil-Mulej.
  3. U lilek ukoll, sieħeb fidil, nitolbok tgħin lil dawk in-nisa li tħabtu miegħi fix-xandir tal-evanġelju, u ma’ Klement ukoll, u ma’ sħabi l-oħrajn li ħadmu miegħi, li isimhom hu fi ktieb il-ħajja.
  4. Ifirħu dejjem fil-Mulej: u narġa’ ngħid: Ifirħu.
  5. Ħa tkun magħrufa l-ġentilezza tagħkom mal-bnedmin kollha. Il-Mulej qrib.
  6. Tkunu anzjużi fuq xejn, imma fit-talb tagħkom itolbu u uru lil Alla x’taħtieġu, iżżuh ħajr.
  7. U l-paċi ta’ Alla, li tisboq kull dehen, tħarsilkom qalbkom u moħħkom fi Kristu Ġesù.
  8. Fl-aħħarnett, ħuti, il-ħwejjeġ kollha li huma veri; il-ħwejjeġ kollha li huma xierqa; il-ħwejjeġ kollha li huma ġusti; il-ħwejjeġ kollha li huma safja; il-ħwejjeġ kollha li jistħoqqilhom imħabba; il-ħwejjeġ kollha li huma ta’ fama tajba; jekk hemm xi virtù, u jekk hemm xi tifħir, fuq dawn il-ħwejjeġ għandkom taħsbu.
  9. Dawk il-ħwejjeġ, li sew tgħallimtu u kemm ħadtu, u smajtu, u rajtu fija, agħmlu: u Alla tas-sliem ikun magħkom.
  10. Iżda jien fraħt ħafna fil-Mulej, li issa fl-aħħar il-ħsieb tagħkom għalija raġa’ kiber; intom dejjem kellkom il-ħsieb, imma ma kellkomx l-okkażjoni.
  11. Miniex nitkellem hekk minħabba xi ħtieġa: għax jien tgħallimt inkun kuntent b’dak kollu li nkun fih.
  12. Naf ngħix fil-għaks, u naf ngħix ukoll fil-ġid; u f’kull ċirkustanza, jiena tgħallimt is-sigriet li nkun sew fix-xaba’ u kemm fil-ġuħ, fl-abbundanza u fil-bżonn.
  13. Kollox nista’ nagħmel permezz ta’ Kristu li jsaħħaħni.
  14. Madankollu għamiltu sewwa, li tixxierku fit-tribulazzjonijiet tiegħi.
  15. Issa intom tafu wkoll, Filippin, li fil-bidu tal-evanġelju, meta tlaqt mill-Maċedonja, ma kien hemm ebda knisja li tatni, jew li minn għandha ħadt xi ħaġa, ħliefkom biss.
  16. Għax ukoll fit-Tessalonika bgħattuli, għal darba tnejn, għal dak li kont naħtieġ.
  17. Mhux għax nixtieq għotja: iżda nixtieq frott li joktor għalikom.
  18. Imma jien għandi kollox, u ż-żejjed; inħossni mimli, billi ħadt minn Epafroditus dak li bgħattu intom, rieħa ta’ fwieħa ħelwa, sagrifiċċju milqugħ, u li jogħġob lil Alla.
  19. Imma Alla tiegħi jagħtikom kulma taħtieġu, skont il-għana tal-glorja tiegħu fi Kristu Ġesù.
  20. Issa lil Alla u missier tagħna glorja għal dejjem u dejjem. Amen.
  21. Sellu għal kull qaddis fi Kristu Ġesù. Isellu għalikom l-aħwa li huma miegħi.
  22. Isellu għalikom il-qaddisin kollha, l-aktar dawk tad-dar ta’ Ċesri.
  23. Il-grazzja tal-Mulej Ġesù Kristu tkun ma’ l-ispirtu tagħkom.